24.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 239/11
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-17 ta’ Mejju 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Okresný súd Dunajská Streda – is-Slovakkja) – ERGO Poist’ovňa, a.s. vs Alžbeta Barlíková
(Kawża C-48/16) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom - Direttiva 86/653/KEE - Kummissjoni tal-aġent kummerċjali - Artikolu 11 - Nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali tal-kuntratt konkluż bejn it-terzi u l-prinċipal - Konsegwenzi fuq id-dritt għall-kummissjoni - Kunċett ta’ “raġuni li għaliha l-prinċipal [huwa ħati]”))
(2017/C 239/14)
Lingwa tal-kawża: is-Slovakk
Qorti tar-rinviju
Okresný súd Dunajská Streda
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: ERGO Poist’ovňa, a.s.
Konvenut:Alžbeta Barlíková
Dispożittiv
1)
L-ewwel inċiż tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 86/653/KEE, tat-18 ta’ Diċembru 1986, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet tal-Istati Membri li jirrigwardaw aġenti kummerċjali li jaħdmu għal rashom għandu jiġi interpretat fis-sens li jirreferi mhux biss għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni totali tal-kuntratt konkluż bejn il-prinċipal u t-terza persuna, iżda wkoll għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali ta’ dan il-kuntratt, bħan-nuqqas ta’ osservanza tal-volum tat-tranżazzjonijiet jew tat-tul previsti mill-imsemmi kuntratt.
2)
L-Artikolu 11(2) u (3) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-klawżola ta’ kuntratt ta’ aġenzija kummerċjali, li abbażi tagħha l-aġent għandu jħallas lura, bi prorata, parti mill-kummissjoni tiegħu fil-każ ta’ nuqqas ta’ eżekuzzjoni parzjali tal-kuntratt konkluż bejn il-prinċipal u t-terza persuna, ma tikkostitwixxix “deroga […] għad-detriment ta’ l-aġent kummerċjali”, fis-sens ta’ dan l-Artikolu 11(3), jekk il-parti mill-kummissjoni suġġetta għall-obbligu ta’ ħlas lura hija proporzjonata għall-parti mhux eżegwita tal-imsemmi kuntratt u bil-kundizzjoni li dan in-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ma jkunx dovut għal ċirkustanzi li huwa ħati għalihom il-prinċipal.
3)
It-tieni inċiż tal-Artikolu 11(1) tad-Direttiva 86/653 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “raġuni li għaliha l-prinċipal [huwa ħati]” ma jirreferix biss għar-raġunijiet legali li jkunu direttament wasslu għat-tmiem tal-kuntratt konkluż bejn il-prinċipal u t-terza persuna, iżda jirreferi għall-punti ta’ fatt u ta’ liġi kollha li l-prinċipal huwa ħati għalihom li jwasslu għan-nuqqas ta’ eżekuzzjoni ta’ dan il-kuntratt.
(1) ĠU C 136, 18.4.2016