31.7.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 249/8
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-8 ta’ Ġunju 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunale Ordinario di Venezia – l-Italja) – Vinyls Italia SpA, fi stralċ vs Mediterranea di Navigazione SpA
(Kawża C-54/16) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Spazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja - Proċeduri ta’ insolvenza - Regolament (KE) Nru 1346/2000 - Artikoli 4 u 13 - Atti detrimentali għall-massa tal-kredituri - Ċirkustanzi li fihom l-att inkwistjoni jista’ jiġi kkontestat - Att suġġett għal-liġi ta’ Stat Membru differenti mill-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri - Att li ma jistax jiġi kkontestat abbażi ta’ din il-liġi - Regolament (KE) Nru 593/2008 - Artikolu 3(3) - Liġi magħżula mill-partijiet - Fejn ikunu jinsabu l-elementi kollha tas-sitwazzjoni kkonċernata fl-Istat tal-ftuħ tal-proċeduri - Effett))
(2017/C 249/11)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale Ordinario di Venezia
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Vinyls Italia SpA, fi stralċ
Konvenuta: Mediterranea di Navigazione SpA
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1346/2000, tad-29 ta’ Mejju 2000, dwar proċedimenti ta’ falliment [proċeduri ta’ insolvenza], għandu jiġi interpretat fis-sens li l-forma u t-terminu li fihom il-benefiċjarju ta’ att detrimentali għall-massa tal-kredituri għandu jqajjem eċċezzjoni skont dan l-artikolu, sabiex jikkontesta azzjoni għar-revoka ta’ dan l-att skont id-dispożizzjonijiet tal-lex fori concursus, kif ukoll il-kwistjoni jekk dan l-artikolu jistax jiġi applikat ukoll ex officio mill-qorti li jkollha ġurisdizzjoni, jekk ikun il-każ wara l-iskadenza tat-terminu mogħti lill-parti kkonċernata, jaqgħu taħt id-dritt proċedurali tal-Istat Membru li fit-territorju tiegħu tkun pendenti t-tilwima. Madankollu, dan id-dritt ma għandux ikun inqas favorevoli minn dak li jirregola sitwazzjonijiet simili suġġetti għad-dritt intern (prinċipju ta’ ekwivalenza) u ma għandux jirrendi impossibbli fil-prattika jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (prinċipju ta’ effettività), ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.
2)
L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-parti li fuqha jaqa’ l-oneru tal-prova għandha tipprova li, meta l-lex causae tippermetti li jiġi kkontestat att li jitqies li huwa detrimentali, il-kundizzjonijiet meħtieġa sabiex rikors ippreżentat kontra dan l-att ikun jista’ jintlaqa’, li huma differenti minn dawk previsti mil-lex fori concursus, ma humiex issodisfatti konkretament.
3)
L-Artikolu 13 tar-Regolament Nru 1346/2000 jista’ jiġi invokat validament meta l-partijiet f’kuntratt, li jkollhom is-sede tagħhom fl-istess Stat Membru, li fit-territorju tiegħu jinsabu wkoll l-elementi rilevanti l-oħra kollha tas-sitwazzjoni kkonċernata, ikunu għażlu, bħala l-liġi applikabbli għal dan il-kuntratt, dik ta’ Stat Membru ieħor, bil-kundizzjoni li dawn il-partijiet ma jkunux għażlu din il-liġi b’mod frawdolenti jew abbużiv, ħaġa li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika.
(1) ĠU C 156, 2.5.2016.