21.8.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 277/15
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-14 ta’ Ġunju 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tat-Tribunale Ordinario di Verona – l-Italja) – Livio Menini, Maria Antonia Rampanelli vs Banco Popolare – Società Cooperativa
(Kawża C-75/16) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Protezzjoni tal-konsumaturi - Proċeduri ta’ soluzzjoni alternattiva għat-tilwim (ADR) - Direttiva 2008/52/KE - Direttiva 2013/11/UE - Artikolu 3(2) - Oppożizzjoni magħmula minn konsumaturi fil-kuntest ta’ proċedura ta’ ordni ta’ ħlas ippreżentata minn stabbiliment ta’ kreditu - Dritt ta’ aċċess għall-ġustizzja - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi l-użu obbligatorju ta’ proċedura ta’ medjazzjoni - Obbligu ta’ assistenza minn avukat - Rekwiżit għall-ammissibbiltà tal-azzjoni ġudizzjarja))
(2017/C 277/19)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale Ordinario di Verona
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Livio Menini, Maria Antonia Rampanelli
Konvenut: Banco Popolare – Società Cooperativa
Dispożittiv
Id-Direttiva 2013/11/UE, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-21 ta’ Mejju 2013, dwar is-soluzzjoni alternattiva għat-tilwim, għat-tilwim tal-konsumaturi u li temenda r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 u d-Direttiva 2009/22/KE (id-Direttiva dwar l-ADR tal-konsumaturi) għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi l-użu ta’ proċedura ta’ medjazzjoni, fit-tilwim imsemmi fl-Artikolu 2(1) ta’ din id-direttiva, bħala rekwiżit għall-ammissibbiltà tal-azzjoni ġudizzjarja dwar dan l-istess tilwim, sa fejn tali rekwiżit ma jipprekludix lill-partijiet milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom ta’ aċċess għas-sistema ġudizzjarja.
Min-naħa l-oħra, l-imsemmija direttiva għandha tiġi interpretata fis-sens li tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi li, fil-kuntest ta’ tali medjazzjoni, il-konsumaturi għandhom ikunu assistiti minn avukat u li huma jistgħu jirtiraw minn proċedura ta’ medjazzjoni biss jekk juru l-eżistenza ta’ raġuni valida insostenn ta’ din id-deċiżjoni.
(1) ĠU C 156, 2.5.2016.