1.10.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 352/2
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tas-7 ta’ Awwissu 2018 (talbiet għal deċiżjoni preliminari tal-Juzgado de Primera Instancia no 38 de Barcelona, Tribunal Supremo – Spanja) – Banco Santander, SA vs Mahamadou Demba, Mercedes Godoy Bonet (C-96/16), Rafael Ramón Escobedo Cortés vs Banco de Sabadell SA (C-94/17)
(Kawżi Magħquda C-96/16 u C-94/17) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Direttiva 93/13/KEE - Klawżoli inġusti - Kamp ta’ applikazzjoni - Trasferiment ta’ kreditu - Kuntratt ta’ self konkluż mal-konsumatur - Kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru inġust ta’ klawżola ta’ dan il-kuntratt li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji - Konsegwenzi ta’ dan il-karattru))
(2018/C 352/02)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Juzgado de Primera Instancia no 38 de Barcelona, Tribunal Supremo
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Banco Santander, SA (C-96/16), Rafael Ramón Escobedo Cortés (C-94/17)
Konvenuti: Mahamadou Demba, Mercedes Godoy Bonet (C-96/16), Banco de Sabadell SA (C-94/17)
Dispożittiv
1)
Id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE tal-5 ta’ April 1993 dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur għandha tiġi interpretata fis-sens, minn naħa, li din ma tapplikax għal prassi ta’ professjonist li tikkonsisti fit-trasferiment jew fix-xiri ta’ dejn miżmum fil-konfront ta’ konsumatur, mingħajr ma l-possibbiltà ta’ tali trasferiment tkun prevista mill-kuntratt ta’ self konkluż ma’ dan il-konsumatur, mingħajr ma dan tal-aħħar jiġi informat minn qabel dwar dan it-trasferiment jew mingħajr ma jagħti l-kunsens tiegħu u mingħajr ma tiġi offruta lilu l-possibbiltà li jifdi d-dejn tiegħu, u b’hekk jaqtgħu, billi jirrimborsa liċ-ċessjonarju l-prezz li dan ħallas skont l-imsemmi trasferiment, flimkien mal-ispejjeż, l-interessi u l-infiq applikabbli. Min-naħa l-oħra, din id-Direttiva lanqas ma tapplika għal dispożizzjonijiet nazzjonali, bħal dawk li jinsabu fl-Artikolu 1535 tal-Código Civil (il-Kodiċi Ċivili) kif ukoll fl-Artikoli 17 u 540 tal-Ley 1/2000 de Enjuiciamiento Civil (il-Liġi 1/2000 dwar il-Kodiċi tal-Proċedura Ċivili, tas-7 ta’ Jannar 2000, li jipprevedu tali possibbiltà ta’ fidi u li jirregolaw is-sostituzzjoni taċ-ċedent biċ-ċessjonarju fil-proċeduri pendenti.
2)
Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tgħid li klawżola mhux innegozjata ta’ kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji applikabbli tkun inġusta, minħabba li din timponi li l-konsumatur li jinsab lura fil-ħlasijiet iħallas kumpens f’ammont sproporzjonalment għoli, meta din ir-rata taqbeż b’iktar minn żewġ punti perċentwali dik tal-interessi ordinarji previsti minn dan il-kuntratt.
3)
Id-Direttiva 93/13 għandha tiġi interpretata fis-sens li ma tipprekludix ġurisprudenza nazzjonali, bħal dik tat-Tribunal Supremo (il-Qorti Suprema, Spanja) inkwistjoni fil-kawżi prinċipali, li tgħid li l-konsegwenza tal-karattru inġust ta’ klawżola mhux innegozjata ta’ kuntratt ta’ self konkluż ma’ konsumatur li tiffissa r-rata tal-interessi moratorji tikkonsisti fl-eliminazzjoni totali ta’ dawn l-interessi, fejn jibqgħu jiddekorru l-interessi ordinarji previsti minn dan il-kuntratt.
(1) ĠU C 145, 25.04.2016.
ĠU C 151, 15.05.2017.
Full & Egal Universal Law Academy