19.3.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 104/3
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tat-23 ta’ Jannar 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Consiglio di Stato – l-Italja) – F. Hoffmann-La Roche Ltd et vs Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato
(Kawża C-179/16) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kompetizzjoni - Artikolu 101 TFUE - Akkordju - Prodotti mediċinali - Direttiva 2001/83/KE - Regolament (KE) Nru 726/2004 - Allegazzjonijiet relatati mar-riskji marbuta mal-użu ta’ prodott mediċinali għal trattament mhux kopert mill-awtorizzazzjoni ta’ tqegħid fis-suq tiegħu (mingħajr ATS) - Definizzjoni tas-suq rilevanti - Restrizzjoni anċillari - Restrizzjoni tal-kompetizzjoni minħabba l-għan - Eżenzjoni))
(2018/C 104/03)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Consiglio di Stato
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: F. Hoffmann-La Roche Ltd, Roche SpA, Novartis AG, Novartis Farma SpA
Konvenuta: Autorità Garante della Concorrenza e del Mercato
fil-preżenza ta’: Associazione Italiana delle Unità Dedicate Autonome Private di Day Surgery e dei Centri di Chirurgia Ambulatoriale (Aiudapds), Società Oftalmologica Italiana (SOI) – Associazione Medici Oculisti Italiani (AMOI), Regione Emilia-Romagna, Altroconsumo, Regione Lombardia, Coordinamento delle associazioni per la tutela dell’ambiente e dei diritti degli utenti e consumatori (Codacons), Agenzia Italiana del Farmaco (AIFA)
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tiegħu, awtorità nazzjonali tal-kompetizzjoni tista’ tinkludi fis-suq rilevanti, minbarra l-prodotti mediċinali awtorizzati għat-trattament tal-patoloġiji kkonċernati, prodott mediċinali ieħor li l-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tiegħu ma tkoprix dan it-trattament, iżda li jintuża għal dan il-għan u li għalhekk jippreżenta relazzjoni konkreta ta’ sostitwibbiltà ma’ tal-ewwel. Sabiex jiġi ddeterminat jekk tali relazzjoni ta’ sostitwibbiltà teżistix, din l-awtorità għandha, sakemm ikun sar eżami tal-konformità tal-prodott inkwistjoni mad-dispożizzjonijiet applikabbli li jirregolaw il-manifattura jew il-kummerċjalizzazzjoni tiegħu mill-awtoritajiet jew mill-qrati kompetenti sabiex jagħmlu dan, tieħu inkunsiderazzjoni r-riżultat ta’ dan l-eżami, filwaqt li tevalwa l-effetti eventwali tiegħu fuq l-istruttura tad-domanda u tal-offerta.
2)
L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li akkordju bejn il-partijiet fi ftehim ta’ liċenzja dwar l-użu ta’ prodott mediċinali li, sabiex titnaqqas il-pressjoni tal-kompetizzjoni fuq l-użu ta’ dan il-prodott mediċinali għat-trattament ta’ patoloġiji partikolari, huwa intiż li jillimita l-aġir ta’ terzi li jikkonsisti f’li jikkonraġġixxi l-użu ta’ prodott mediċinali ieħor għat-trattament tal-istess patoloġiji, ma jevitax l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni għar-raġuni li dan l-akkordju huwa anċillari għall-imsemmi ftehim.
3)
L-Artikolu 101(1) TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jikkostitwixxi restrizzjoni tal-kompetizzjoni “minħabba l-għan”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, l-akkordju bejn żewġ impriżi li jikkummerċjalizzaw żewġ prodotti mediċinali kompetituri, f’kuntest ikkaratterizzat minn inċertezza xjentifika, li jikkonċerna t-tixrid lill-Aġenzija Ewropea ghall-Mediċini, lill-professjonisti tas-saħħa u lill-pubbliku ġenerali, ta’ informazzjoni qarrieqa fuq l-effetti mhux mixtieqa tal-użu ta’ wieħed minn dawn il-prodotti mediċinali għat-trattament ta’ patoloġiji mhux koperti mill-awtorizzazzjoni għat-tqegħid fis-suq tiegħu, sabiex titnaqqas il-pressjoni kompetittiva li tirriżulta minn dan l-użu fuq l-użu tal-prodott mediċinali l-ieħor.
4)
L-Artikolu 101 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li tali akkordju ma jistax jibbenefika mill-eżenzjoni prevista fil-paragrafu 3 ta’ dan l-artikolu.
(1) ĠU C 222, 20.6.2016.
Full & Egal Universal Law Academy