11.12.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 424/4
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Awla Manja) tas-17 ta’ Ottubru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tar-Riigikohus – l-Estonja) – Bolagsupplysningen OÜ, Ingrid Ilsjan vs Svensk Handel AB
(Kawża C-194/16) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili - Regolament (UE) Nru 1215/2012 - Artikolu 7(2) - Ġurisdizzjoni speċjali f’materji ta’ delitt jew kważi delitt - Dannu għad-drittijiet ta’ persuna ġuridika, permezz tal-pubblikazzjoni, fuq l-internet, ta’ informazzjoni allegatament ineżatta li tikkonċernaha u minħabba li ma tħassrux il-kummenti dwarha - Post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu - Ċentru tal-interessi ta’ din il-persuna))
(2017/C 424/05)
Lingwa tal-kawża: l-Estonjan
Qorti tar-rinviju
Riigikohus
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Bolagsupplysningen OÜ, Ingrid Ilsjan
Konvenuta: Svensk Handel AB
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2012, dwar il-ġurisdizzjoni u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi fi kwistjonijiet ċivili u kummerċjali, għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna ġuridika, li tallega li d-drittijiet tal-personalità tagħha ġew miksura bil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni ineżatta dwarha fuq l-internet u minħabba li ma tħassrux il-kummenti fil-konfront tagħha, tista’ tippreżenta rikors intiż għar-rettifika ta’ din l-informazzjoni, għat-tħassir ta’ dawn il-kummenti u għall-għoti ta’ kumpens għat-totalità tad-dannu subit quddiem il-qrati tal-Istat Membru fejn jinsab iċ-ċentru tal-interessi tagħha.
Meta l-persuna ġuridika kkonċernata teżerċita l-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħha fi Stat Membru differenti minn dak tas-sede tagħha, din il-persuna tista’ tħarrek lill-allegat awtur tad-dannu abbażi tal-post tal-materjalizzazzjoni tad-dannu f’dan l-Istat Membru l-ieħor.
2)
L-Artikolu 7(2) tar-Regolament Nru 1215/2012 għandu jiġi interpretat fis-sens li persuna li tallega li d-drittijiet tal-personalità tagħha ġew miksura bil-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni ineżatta dwarha fuq l-internet u minħabba li ma tħassrux il-kummenti fil-konfront tagħha ma tistax, quddiem il-qrati ta’ kull Stat Membru li fit-territorju tiegħu hija jew kienet aċċessibbli l-informazzjoni ppubblikata fuq l-internet, tippreżenta rikors intiż għar-rettifika ta’ din l-informazzjoni u għat-tħassir ta’ dawn il-kummenti.
(1) ĠU C 211, 13.06.2016.