26.2.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 72/11
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Københavns Byret – id-Danimarka) – proċeduri kriminali kontra Bent Falbert, Poul Madsen, JP vs Politikens Hus A/S
(Kawża C-255/16) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Proċedura ta’ informazzjoni fil-qasam tal-istandards u tar-regolamenti tekniċi - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tippreċiża jew li tintroduċi projbizzjoni li jiġu offruti logħob, lotteriji u mħatri mingħajr awtorizzazzjoni u li tintroduċi projbizzjoni ta’ reklamar ta’ logħob, lotteriji u mħatri mingħajr awtorizzazzjoni))
(2018/C 072/13)
Lingwa tal-kawża: id-Daniż
Qorti tar-rinviju
Københavns Byret
Parti fil-proċedura kriminali prinċipali
Bent Falbert, Poul Madsen, JP/Politikens Hus A/S
Dispożittiv
L-Artikolu 1 tad-Direttiva 98/34/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Ġunju 1998 li tistabbilixxi proċedura għall-għoti ta’ informazzjoni fil-qasam ta’ l-istandards u tar-Regolamenti Tekniċi, kif emendata bid-Direttiva 98/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 1998, għandu jiġi interpretat fis-sens li dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ kummerċ fil-logħob, fil-lotteriji jew fl-imħatri fit-territorju nazzjonali mingħajr awtorizzazzjoni, ma tikkostitwixxix regolament tekniku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva. Min-naħa l-oħra, dispożizzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tipprevedi sanzjonijiet kriminali fil-każ ta’ reklamar tal-logħob, tal-lotteriji jew tal-imħatri li ma ġewx awtorizzati, tikkostitwixxi regolament tekniku, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, suġġetta għall-obbligu ta’ notifika skont l-Artikolu 8(1) tal-imsemmija direttiva, sa fejn mix-xogħol preparatorju ta’ din id-dispożizzjoni tad-dritt nazzjonali jsegwi ċarament li din kellha l-mira u l-għan li testendi għas-servizzi ta’ logħob online projbizzjoni tar-reklamar eżistenti qabel, fatt li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddetermina.
(1) ĠU C 251, 11.7.2016.
Full & Egal Universal Law Academy