26.2.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 72/13
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tieni Awla) tal-20 ta’ Diċembru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari ta’ Sąd Najwyższy – il-Polonja) – Polkomtel sp. z o.o. vs Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej
(Kawża C-277/16) (1)
(Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Qafas regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi - Direttiva 2002/19 - Artikoli 8 u 13 - Direttiva 2002/21 - Artikoli 4, 8 u 19 - Operatur identifikat li jiddisponi minn saħħa sinjifikattiva fis-suq - Kontroll tal-prezzijiet - Obbligi imposti mill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali - Obbligu ta’ orjentazzjoni tal-prezzijiet abbażi tal-ispejjeż - Iffissar ta’ tariffi inqas mill-ispejjeż sostnuti mill-operatur ikkonċernat għall-provvista ta’ servizzi ta’ terminazzjoni ta’ telefonati bil-vuċi fin-networks ċellulari - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Artikolu 16 - Libertà ta’ impriża - Proporzjonalità)
(2018/C 072/16)
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Qorti tar-rinviju
Sąd Najwyższy
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Polkomtel sp. z o.o.
Konvenut: Prezes Urzędu Komunikacji Elektronicznej
fil-preżenza ta’: Krajowa Izba Gospodarcza Elektroniki i Telekomunikacji
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 13 tad- Direttiva 2002/19/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar l-aċċess għal, u l-interkonnessjoni ta’ networks ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi u faċilitajiet assoċjati (Direttiva tal-Aċċess), għandhom jiġu interpretati fis-sens li, meta operatur, identifikat bħala li għandu saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari, jiġi impost fuqu minn Awtorità Regolatorja Nazzjonali, obbligu li jiġu ffissati prezzijiet abbażi tal-ispejjeż, din l-Awtorità Regolatorja Nazzjonali tista’, sabiex tippromwovi l-effiċjenza ekonomika u tiffavorixxi kompetizzjoni sostenibbli, tiffissa l-prezzijiet tas-servizzi li huma suġġetti għal tali obbligu f’ammont inqas tal-ispejjeż sostnuti minn dan l-operatur għall-provvista, jekk dawn l-ispejjeż huma ogħla minn dawk ta’ operatur effikaċi, fatt li għandu jiġi vverifikat mill-qorti nazzjonali.
2)
L-Artikolu 8(4) u l-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2002/19 moqrija flimkien mal-Artikolu 16 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li meta Awtorità Regolatorja Nazzjonali timponi fuq operatur identifikat bħala li jkollu saħħa sinjifikattiva f’suq partikolari obbligu li jiffissa prezzijiet orjentati għall-prezzijiet abbażi tal-ispejjeż, li kull sena jiffissa l-prezz fuq il-bażi tal-informazzjoni l-iktar attwali u jikkomunika, għal verifika, dawn il-prezzijiet kif ukoll l-elementi li jiġġustifikawhom qabel ma jkunu applikati, sakemm dawn l-obbligi huma bbażati fuq in-natura tal-problema kkonstatata, proporzjonati u ġġustifikati fid-dawl tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 8 tad-Direttiva 2002/21/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Marzu 2002 dwar kwadru regolatorju komuni għan-networks ta’ komunikazzjonijiet u servizzi elettroniċi (Direttiva Qafas), fatt li hija l-qorti nazzjonali li għandha tivverifika.
3)
L-Artikolu 13(3) tad-Direttiva 2002/19 għandu jiġi interpretat fis-sens li, meta obbligu ta’ orjentament tal-prezzijiet abbażi tal-ispejjeż ikun ġie impost fuq operatur fuq il-bażi tal-Artikolu 13(1) ta’ din id-direttiva, dan l-operatur jista’ jiġi impost fuqu li jaġġusta l-prezzijiet qabel jew wara li jkun beda japplika l-prezzijiet.
(1) ĠU C 335, 12.09.2016.