3.4.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 104/22
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) tad-9 ta’ Frar 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Justice, Family Division (England and Wales)- ir-Renju Unit) – M. S. vs P. S.
(Kawża C-283/16) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Regolament (KE) Nru 4/2009 - Artikolu 41(1) - Rikonoxximent tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u tal-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment - Eżekuzzjoni ta’ deċiżjoni fi Stat Membru - Preżentazzjoni tat-talba direttament lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tobbliga li t-talba titressaq quddiem l-awtorità ċentrali tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni))
(2017/C 104/32)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
High Court of Justice, Family Division (England and Wales)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: M. S.
Konvenuta: P. S.
Dispożittiv
1)
Id-dispożizzjonijiet tal-Kapitolu IV tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 4/2009, tat-18 ta’ Diċembru 2008, dwar il-ġurisdizzjoni, il-liġi applikabbli, ir-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni tad-deċiżjonijiet u l-kooperazzjoni f’materji relatati ma’ obbligi ta’ manteniment, u b’mod partikolari, l-Artikolu 41(1) ta’ dan ir-regolament, għandhom jiġu interpretati fis-sens li kreditur ta’ manteniment, li kiseb deċiżjoni favurih fi Stat Membru u li jixtieq jikseb l-eżekuzzjoni tagħha fi Stat Membru ieħor, jista’ jippreżenta t-talba tiegħu direttament lill-awtorità kompetenti ta’ dan l-Istat Membru tal-aħħar, bħal qorti speċjalizzata, u ma jistax ikun meħtieġ jissottometti t-talba tiegħu lil din tal-aħħar permezz tal-awtorità ċentrali tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni.
2)
L-Istati Membri huma obbligati jiżguraw l-effettività sħiħa tad-dritt previst fl-Artikolu 41(1) tar-Regolament Nru 4/2009 billi jemendaw, skont il-każ, ir-regoli tal-proċedura tagħhom. Fi kwalunkwe każ, huwa l-obbligu tal-qorti nazzjonali li tapplika d-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu 41(1), billi fejn ikun neċessarju ma tapplikax id-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali kuntrarji u, konsegwentement, li tippermetti lil kreditur ta’ manteniment iressaq it-talba tiegħu direttament quddiem l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-eżekuzzjoni, anki jekk id-dritt nazzjonali ma jipprevedix dan.
(1) ĠU C 279, 1.8.2016.