28.8.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 283/10
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) tas-6 ta’ Lulju 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesgerichtshof – il-Ġermanja) – Air Berlin plc & Co. Luftverkehrs KG vs Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e.V.
(Kawża C-290/16) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Trasport - Regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fl-Unjoni Ewropea - Regolament (KE) Nru 1008/2008 - Dispożizzjonijiet tariffarji - Artikolu 22(1) - Artikolu 23(1) - Informazzjoni mitluba matul il-preżentazzjoni tan-nollijiet offerti lill-pubbliku - Obbligu li jiġi indikat l-ammont reali tat-taxxi, ħlasijiet, ħlasijiet addizzjonali jew drittijiet - Libertà ta’ tarifikazzjoni - Fatturazzjoni tal-ispejjeż tal-ipproċessar fil-każ ta’ kanċellament tal-prenotazzjoni ta’ titjira mill-passiġġier jew ta’ nuqqas ta’ imbark - Protezzjoni tal-konsumaturi))
(2017/C 283/13)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesgerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Air Berlin plc & Co. Luftverkehrs KG
Konvenuti: Bundesverband der Verbraucherzentralen und Verbraucherverbände – Verbraucherzentrale Bundesverband e.V.
Dispożittiv
1)
It-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament (KE) Nru 1008/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Settembru 2008, dwar regoli komuni għall-operat ta’ servizzi tal-ajru fil-Komunità, għandha tiġi interpretata fis-sens li, fil-pubblikazzjoni tan-nollijiet tal-ajru tagħhom, it-trasportaturi tal-ajru għandhom jispeċifikaw, b’mod separat, l-ammonti dovuti mill-klijenti bħala taxxi, ħlasijiet tal-ajruport u ħlasijiet oħra, ħlasijiet addizzjonali u drittijiet imsemmija fil-punti (b) sa (d) tat-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) ta’ dan ir-regolament, u ma jistgħux, konsegwentement, jinkludu, anki jekk in parti, dawn l-elementi fin-noll tal-ajru, imsemmi fil-punt (a) tat-tielet sentenza tal-Artikolu 23(1) tal-imsemmi regolament.
2)
L-Artikolu 22(1) tar-Regolament Nru 1008/2008 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li l-applikazzjoni ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur, tista’ twassal sabiex klawżola fil-kundizzjonijiet ġenerali tal-bejgħ, li tippermetti li jiġu ffatturati spejjeż ta’ pproċessar b’rata fissa lill-klijenti li ma ħadux titjira jew li kkanċellaw il-prenotazzjoni tagħhom, tiġi ddikjarata nulla.
(1) ĠU C 343, 19.9.2016.