22.1.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 22/11
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Ewwel Awla) tat-23 ta’ Novembru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Helsingin hallinto-oikeus – il-Finlandja) – proċedura mibdija minn A Oy
(Kawża C-292/16) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Libertà ta’ stabbiliment - Tassazzjoni diretta - Taxxa fuq il-kumpanniji - Direttiva 90/434/KEE - Artikolu 10(2) - Trasferiment tal-attiv - Stabbiliment permanenti mhux residenti ttrasferit, fil-kuntest ta’ trasferiment tal-attiv, lil kumpannija benefiċjarja wkoll mhux residenti - Dritt għall-Istat Membru tal-kumpannija li tittrasferixxi li jintaxxa l-profitti jew il-qligħ kapitali ta’ dan l-istabbiliment li rriżultaw minħabba t-trasferiment tal-attiv - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-tassazzjoni immedjata, mis-sena tat-trasferiment, tal-profitti jew tal-qligħ kapitali - Ġbir tat-taxxa dovuta bħala dħul matul is-sena fiskali li fiha twettaq it-trasferiment tal-attiv))
(2018/C 022/13)
Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż
Qorti tar-rinviju
Helsingin hallinto-oikeus
Partijiet fil-kawża prinċipali
A Oy
Dispożittiv
L-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li, fil-każ fejn kumpannija residenti tittrasferixxi, fil-kuntest ta’ trasferiment tal-attiv, stabbiliment permanenti mhux residenti lil kumpannija li hija wkoll ma hijiex residenti, minn naħa, tipprevedi t-tassazzjoni immedjata tal-qligħ kapitali li rriżulta minħabba dan it-trasferiment u, min-naħa l-oħra, ma tawtorizzax il-ġbir iddefferit tat-taxxa, filwaqt li, f’sitwazzjoni nazzjonali ekwivalenti, tali qligħ kapitali huwa intaxxat biss meta jiġi assenjat l-attiv ittrasferit, sa fejn din il-leġiżlazzjoni ma tippermettix il-ġbir iddifferit ta’ tali taxxa.
(1) ĠU C 270, 25.7.2016