12.11.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 408/5
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tat-13 ta’ Settembru 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Cour administrative – il-Lussemburgu) – UBS Europe SE, li kienet UBS (Luxembourg) SA, Alain Hondequin u oħrajn
(Kawża C-358/16) (1)
((“Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Approssimazzjoni tal-leġiżlazzjonijiet - Direttiva 2004/39/KE - Artikolu 54(1) u (3) - Portata tal-obbligu tas-sigriet professjonali impost fuq l-awtoritajiet nazzjonali ta’ sorveljanza finanzjarja - Deċiżjoni li tikkonstata t-telf tar-reputazzjoni tajba - Każ li jaqa’ taħt id-dritt kriminali - Karta tad-drittijiet fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Artikoli 47 u 48 - Drittijiet tad-difiża - Aċċess għall-fajl”))
(2018/C 408/03)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Cour administrative
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: UBS Europe SE, li kienet UBS (Luxembourg) SA, Alain Hondequin u oħrajn
fil-preżenza ta’: DV, EU, Commission de surveillance du secteur financier (CSSF), Ordre des avocats du barreau de Luxembourg
Dispożittiv
L-Artikolu 54 tad-Direttiva 2004/39/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ April 2004 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 85/611/KEE u 93/6/KEE u d-Direttiva 2000/12/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 93/22/KEE, għandu jiġi interpretat fis-sens li:
—
il-kliem “każijiet koperti bil-liġijiet kriminali”, li jinsab fil-paragrafi 1 u 3 ta’ dan l-artikolu, ma jkoprix is-sitwazzjoni li fiha l-awtoritajiet maħtura mill-Istati Membri sabiex jaqdu l-funzjonijiet previsti minn din id-direttiva jadottaw miżura, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tikkonsisti f’li tipprojbixxi lil persuna milli teżerċita f’impriża ssorveljata funzjoni ta’ amministratur jew funzjoni oħra li l-eżerċizzju tagħha huwa suġġett għall-ksib ta’ awtorizzazzjoni, u li tordnaha tirriżenja mill-funzjonijiet kollha tagħha mill-iktar fis, għar-raġuni li din il-persuna ma għadhiex tissodisfa r-rekwiżiti ta’ reputazzjoni tajba previsti fl-Artikolu 9 tal-imsemmija direttiva, li hija parti mill-miżuri li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jieħdu fl-eżerċizzju tas-setgħat li huma għandhom skont id-dispożizzjonijiet tat-Titolu II tal-istess direttiva. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjoni, ladarba hija tipprevedi li l-obbligu tas-sigriet professjonali jista’, fuq bażi eċċezzjonali, jiġi injorat f’tali każijiet, tkopri l-komunikazzjoni jew l-użu ta’ informazzjoni kunfidenzjali għal finijiet ta’ proċeduri kif ukoll għal finijiet ta’ sanzjonijiet rispettivament immexxija jew imposti skont id-dritt kriminali nazzjonali;
—
l-obbligu tas-sigriet professjonali previst fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu, moqri flimkien mal-Artikoli 47 u 48 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, għandu jiġi ggarantit u implimentat b’mod li jiġi kkonċiljat mar-rispett tad-drittijiet tad-difiża. B’dan il-mod, hija l-qorti nazzjonali kompetenti, jekk awtorità kompetenti tinvoka l-imsemmi obbligu sabiex tirrifjuta l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li hija fil-pussess tagħha u li ma tinsabx fil-fajl li jikkonċerna l-persuna li hija s-suġġett ta’ att li jikkawżalha preġudizzju, li għandha tivverifika jekk din l-informazzjoni għandhiex rabta oġġettiva mal-ilmenti kkunsidrati fir-rigward tagħha u, fl-affermattiv, li tqiegħed f’bilanċ l-interess tal-persuna inkwistjoni li tiddisponi mill-informazzjoni neċessarja sabiex tkun f’pożizzjoni li teżerċita b’mod sħiħ id-drittijiet tad-difiża tagħha u l-interessi marbuta maż-żamma tal-kunfidenzjalità tal-informazzjoni koperta mill-obbligu tas-sigriet professjonali, qabel ma tiddeċiedi dwar il-komunikazzjoni ta’ kull wieħed mill-elementi ta’ informazzjoni mitluba.
(1) ĠU C 335, 12.9.2016.
Full & Egal Universal Law Academy