18.9.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 309/13
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) tas-26 ta’ Lulju 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas – il-Litwanja) – “Toridas” UAB vs Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos
(Kawża C-386/16) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) - Direttiva 2006/112/KE - Artikolu 138(1) - Klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni inkwantu kunsinna intra-Komunitarja - Eżenzjoni tal-kunsinni intra-Komunitarja ta’ oġġetti - Intenzjoni tax-xerrej li jbigħ mill-ġdid l-oġġetti mixtrija lil persuna taxxabbli fi Stat Membru ieħor qabel il-ħruġ tagħhom mit-territorju tal-ewwel Stat Membru - Effett eventwali tal-ipproċessar ta’ parti mill-oġġetti qabel l-ispedizzjoni tagħhom))
(2017/C 309/17)
Lingwa tal-kawża: il-Litwan
Qorti tar-rinviju
Lietuvos vyriausiasis administracinis teismas
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: “Toridas” UAB
Konvenut: Valstybinė mokesčių inspekcija prie Lietuvos Respublikos finansų ministerijos
Fil-preżenza ta’: Kauno apskrities valstybinė mokesčių inspekcija
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 138(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE, tat-28 ta’ Novembru 2006, dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud, għandu jiġi interpretat fis-sens li, f’ċirkustanzi bħal dawk tal-kawża prinċipali, kunsinna ta’ oġġetti mwettqa minn persuna taxxabbli stabbilita fl-ewwel Stat Membru ma hijiex eżentata mit-taxxa fuq il-valur miżjud skont din id-dispożizzjoni meta, qabel ma tiġi konkluża din it-tranżazzjoni ta’ kunsinna, ix-xerrej, identifikat għall-iskopijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud fit-tieni Stat Membru, jinforma lill-fornitur li l-merkanzija ser tiġi immedjatament mibjugħa mill-ġdid lil persuna taxxabbli stabbilita fit-tielet Stat Membru, qabel ma joħroġha mill-ewwel Stat Membru, u jittrasportaha b’destinazzjoni lejn din it-tielet persuna taxxabbli, sa fejn din it-tieni kunsinna tkun seħħet tassew u li l-merkanzija kienet sussegwentement ġiet ittrasportata mill-ewwel Stat Membru b’destinazzjoni lejn l-Istat Membru tat-tielet persuna taxxabbli. L-identifikazzjoni għall-iskopijiet tat-taxxa fuq il-valur miżjud tal-ewwel xerrej fi Stat Membru differenti minn dak tal-post tal-ewwel kunsinna jew ta’ dak tal-post tal-akkwist finali ma hijiex kriterju ta’ klassifikazzjoni ta’ tranżazzjoni intra-Komunitarja, u lanqas ma hija, waħedha, prova suffiċjenti sabiex tintwera n-natura intra-Komunitarja ta’ tranżazzjoni.
2)
Għall-finijiet li jiġi interpretat l-Artikolu 138(1) tad-Direttiva 2006/112, ipproċessar ta’ oġġetti, matul katina ta’ żewġ kunsinni suċċessivi, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fuq ordni tax-xerrej intermedjarju u li jseħħ qabel it-trasport lejn l-Istat Membru tax-xerrej finali, ma għandux effett fuq il-kundizzjonijiet tal-eventwali eżenzjoni tal-ewwel kunsinna, meta dan l-ipproċessar huwa sussegwenti għall-ewwel kunsinna.
(1) ĠU C 343, 19.9.2016.