12.2.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 52/9
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (It-Tmien Awla) tas-6 ta’ Diċembru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Curtea de Apel Bucureşti – ir-Rumanija) – Compania Naţională de Administrare a Infrastructurii Rutiere SA, li qabel kienet Compania Naţională de Autostrăzi şi Drumuri Naţionale din România SA vs Ministerul Fondurilor Europene – Direcţia Generală Managementul Fondurilor Externe
(Kawża C-408/16) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Kuntratti pubbliċi - Direttiva 2004/18/KE - Kamp ta’ applikazzjoni - Regolament (KE) Nru 1083/2006 - Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, Fond Soċjali Ewropew u Fond ta’ Koeżjoni - Kuntratt għall-finanzjament tal-kostruzzjoni ta’ awtostrada konkluż mal-Bank Ewropew għall-Investiment qabel l-adeżjoni tal-Istat Membru mal-Unjoni Ewropea - Kunċett ta’ “irregolarità” fis-sens tar-Regolament Nru 1083/2006))
(2018/C 052/11)
Lingwa tal-kawża: ir-Rumen
Qorti tar-rinviju
Curtea de Apel Bucureşti
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Compania Naţională de Administrare a Infrastructurii Rutiere SA, li qabel kienet Compania Naţională de Autostrăzi şi Drumuri Naţionale din România SA
Konvenut: Ministerul Fondurilor Europene – Direcţia Generală Managementul Fondurilor Externe
Dispożittiv
1)
Id-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-31 ta’ Marzu 2004 fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] u b’mod partikolari l-Artikolu 15(c) tagħha, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru jipprevedi, għall-finijiet ta’ proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku konkluż wara d-data tal-adeżjoni tiegħu fl-Unjoni fid-dawl tat-twettiq ta’ proġett mibdi abbażi ta’ kuntratt ta’ finanzjament konkluż mal-Bank Ewropew tal-Investiment qabel l-imsemmija adeżjoni, l-applikazzjoni tal-kriterji speċifiċi previsti mid-dispożizzjonijiet tal-gwida tal-għoti tal-kuntratti pubbliċi tal-Bank Ewropew tal-Investiment li ma humiex konformi mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva.
2)
L-Artikolu 9(5) u l-Artikolu 60(a) tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 1083/2006 tal-11 ta’ Lulju 2006 li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond tal-Koeżjoni u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1260/1999, għandhom jiġu interpretati fis-sens li proċedura ta’ għoti ta’ kuntratt pubbliku bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fil-kuntest ta’ liema ġew applikati kriterji iktar restrittivi minn dawk iddikjarati fid-Direttiva 2004/18, ma tistax titqies li twettqet b’konformità sħiħa mad-dritt tal-Unjoni u ma hijiex eliġibbli għal finanzjament Ewropew mhux rimborsabbli, mogħti retrospettivament.
L-Artikolu 2(7) tar-Regolament Nru 1083/2006 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-użu ta’ kriterji ta’ pre-klassifikazzjoni tal-offerenti iktar restrittivi minn dawk previsti mid-Direttiva 2004/18 jikkostitwixxi “irregolarità” fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, li jiġġustifika l-applikazzjoni ta’ korrezzjoni finanzjarja skont l-Artikolu 98 ta’ dan ir-regolament, sa fejn il-possibbiltà li dan l-użu kellu effett fuq il-baġit tal-fond inkwistjoni ma tistax tiġi eskluża, li għandha tkun il-qorti tar-rinviju li tivverifika dan.
(1) ĠU C 383, 17.10.2016.