11.12.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 424/13
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tad-19 ta’ Ottubru 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-High Court of Justice (Chancery Division) – ir-Renju Unit) – Air Berlin plc vs Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs
(Kawża C-573/16) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Taxxi indiretti - Ġbir tal-kapital - Impożizzjoni ta’ dazju ta’ 1,5 % fuq it-trasferiment, lil servizz ta’ clearance ta’ tranżazzjonijiet (clearance service), ta’ azzjonijiet ġodda jew azzjonijiet intiżi għall-iskrizzjoni fil-lista tal-Borża ta’ Stat Membru))
(2017/C 424/17)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Qorti tar-rinviju
High Court of Justice (Chancery Division)
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Air Berlin plc
Konvenuti: Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs
Dispożittiv
1)
L-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva tal-Kunsill 69/335/KEE, tas-17 ta’ Lulju 1969, li tikkonċerna taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu l-intaxxar ta’ trasferiment ta’ azzjonijiet bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu l-proprjetà legali tal-azzjonijiet kollha ta’ kumpannija tkun ġiet ittrasferita lil servizz ta’ clearance bl-uniku skop tal-iskrizzjoni ta’ dawn l-azzjonijiet f’Borża, mingħajr ma tkun inbidlet il-proprjetà effettiva ta’ dawn l-azzjonijiet;
2)
L-Artikolu 5(1)(ċ) tad-Direttiva tal-Kunsill 2008/7/KE, tat-12 ta’ Frar 2008, dwar it-taxxi indiretti fuq il-ġbir tal-kapital, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-intaxxar ta’ trasferiment ta’ azzjonijiet bħal dak inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tiegħu l-proprjetà legali ta’ azzjonijiet ġodda maħruġin waqt żieda fil-kapital tkun ġiet ittrasferita lil servizz ta’ clearance bl-uniku skop li dawn l-azzjonijiet ġodda jiġu offruti għall-bejgħ.
3)
Ir-risposta għall-ewwel u għat-tieni domanda ma tkunx differenti fejn il-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, tkun tippermetti lill-operatur ta’ servizz ta’ clearance, wara approvazzjoni tal-awtorità tat-taxxa, jagħżel li ma titħallas ebda taxxa tal-boll fuq it-trasferiment inizjali ta’ azzjonijiet lis-servizz ta’ clearance, peress li minflok tinġabar taxxa addizzjonali għat-taxxa tal-boll fuq kull bejgħ sussegwenti ta’ azzjonijiet.
(1) ĠU C 22, 23.01.2017.