17.9.2018
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 328/9
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) tal-25 ta’ Lulju 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Korkein hallinto-oikeus – il-Finlandja) – fil-proċedura mressqa minn A
(Kawża C-679/16) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Ċittadinanza tal-Unjoni - Artikoli 20 u 21 TFUE - Libertà ta’ moviment u ta’ residenza fl-Istati Membri - Sigurtà soċjali - Regolament (KE) Nru 883/2004 - Assistenza soċjali - Benefiċċji tal-mard - Servizzi għall-persuni b’diżabbiltà - Obbligu impost fuq il-komun ta’ Stat Membru li jipprovdi lil wieħed mir-residenti tiegħu għajnuna għall-persuna prevista mil-leġiżlazzjoni nazzjonali waqt l-istudji fil-livell terzjarju li dan ir-resident isegwi fi Stat Membru ieħor))
(2018/C 328/09)
Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż
Qorti tar-rinviju
Korkein hallinto-oikeus
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: A
fil-preżenza ta’: Espoon kaupungin sosiaali- ja terveyslautakunnan yksilöasioiden jaosto
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 3(1)(a) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, kif emendat permezz tar-Regolament (KE) Nru 988/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009, għandu jiġi interpretat fis-sens li benefiċċju bħall-għajnuna għall-persuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li jikkonsisti, b’mod partikolari, fil-fatt li jassumi l-ispejjeż ikkawżati mill-attivitajiet ta’ kuljum ta’ persuna b’diżabbiltà serja, bil-għan li jippermetti lil din tal-aħħar, ekonomikament inattiva, tkompli bl-istudji terzjarji, ma jaqax taħt il-kunċett ta’ “benefiċċju tal-mard”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni u huwa, għaldaqstant, eskluż mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.
2)
L-Artikoli 20 u 21 TFUE jipprekludu li resident ta’ Stat Membru b’diżabbiltà serja jiġi mċaħħad, mill-komun ta’ residenza tiegħu, minn benefiċċju bħall-għajnuna għall-persuna inkwistjoni fil-kawża prinċipali, minħabba li huwa jirrisjedi fi Stat Membru ieħor sabiex fih isegwi l-istudji terzjarji tiegħu.
(1) ĠU C 86, 20.3.2017.
Full & Egal Universal Law Academy