14.1.2019
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 16/5
Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja (L-Awla Manja) tas-6 ta’ Novembru 2018 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Bundesarbeitsgericht – il-Ġermanja) – Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften eV vs Tetsuji Shimizu
(Kawża C-684/16) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Politika soċjali - Organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol - Direttiva 2003/88/KE - Artikolu 7 - Dritt għal-leave annwali mħallas - Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprevedi t-telf ta’ leave annwali mhux meħud u tal-kumpens finanzjarju għal tali leave, meta ma tkunx saret talba għal leave mill-ħaddiem qabel it-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg - Direttiva 2003/88/KE - Artikolu 7 - Obbligu ta’ interpretazzjoni konformi mad-dritt nazzjonali - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea - Article 31(2) - Invokabbiltà fil-kuntest ta’ tilwima bejn persuni privati))
(2019/C 16/05)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesarbeitsgericht
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Max-Planck-Gesellschaft zur Förderung der Wissenschaften eV
Konvenut: Tetsuji Shimizu
Dispożittiv
1)
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Novembru 2003 li tikkonċerna ċerti aspetti tal-organizzazzjoni tal-ħin tax-xogħol u l-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li permezz tagħha, jekk il-ħaddiem ma jkunx talab li jeżerċita d-dritt tiegħu għal-leave annwali mħallas matul il-perijodu ta’ referenza rilevanti, dan il-ħaddiem jitlef, fit-tmiem ta’ dan il-perijodu, awtomatikament u mingħajr verifika minn qabel dwar jekk dan kienx effettivament imqiegħed fil-pożizzjoni li jeżerċita dan id-dritt mill-persuna li timpjegah, b’mod partikolari b’informazzjoni adegwata min-naħa ta’ din tal-aħħar, il-ġranet ta’ leave annwali mħallas miksuba bis-saħħa tal-imsemmija dispożizzjonijiet fl-imsemmi perijodu, kif ukoll, korrelattivament, id-dritt tiegħu għall-ħlas ta’ kumpens finanzjarju għal dan il-leave annwali mhux meħud f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg. F’dan ir-rigward, hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika, billi tieħu inkunsiderazzjoni d-dritt intern kollu u billi tapplika metodi ta’ interpretazzjoni rrikonoxxuti minnha, jekk tistax tasal għal interpretazzjoni ta’ dan id-dritt li hija ta’ natura li tiżgura l-effettività sħiħa tad-dritt tal-Unjoni.
2)
Meta jkun impossibbli li tinterpreta leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali b’mod li tiżgura l-konformità ta’ din mal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2003/88 u mal-Artikolu 31(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, minn din l-aħħar dispożizzjoni jirriżulta li l-qorti nazzjonali adita b’kawża bejn ħaddiem u l-persuna li kienet timpjegah li tkun persuna privata għandha ma tapplikax l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali u tiżgura li, jekk din il-persuna li impjegatu ma tkunx tista’ turi li tat prova ta’ kull diliġenza meħtieġa li l-ħaddiem ikun effettivament imqiegħed f’pożizzjoni li jieħu l-leave annwali mħallas li għalih huwa kellu dritt bis-saħħa tad-dritt tal-Unjoni, l-imsemmi ħaddiem la jista’ jiġi mċaħħad mid-drittijiet miksuba għal dan il-leave annwali mħallas u lanqas, korrelattivament, u f’każ tat-tmiem tar-relazzjoni ta’ impjieg, ma jista’ jiġi mċaħħad minn kumpens finanzjarju għal-leave mhux meħud li huwa dovut, f’dan il-każ, direttament mill-persuna kkonċernata li impjegatu.
(1) ĠU C 104, 3.4.2017.
Full & Egal Universal Law Academy