29.5.2017
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 168/17
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tat-2 ta’ Marzu 2017 (talba għal deċiżjoni preliminari tal-Administrativen sad Sofia-grad) – il-Bulgarija – “Heta Asset Resolution Bulgaria” OOD vs Nachalnik na Mitnitsa Stolichna
(Kawża C-83/16) (1)
((Rinviju għal deċiżjoni preliminari - Artikolu 53(2) u l-Artikolu 99 tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja - Kodiċi Doganali - Dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni a posteriori - Kunċett ta’ “prova suffiċjenti” - Evalwazzjoni tan-natura suffiċjenti ta’ dokumenti ta’ sostenn))
(2017/C 168/21)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Administrativen sad Sofia-grad
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti:“Heta Asset Resolution Bulgaria” OOD
Konvenut: Nachalnik na Mitnitsa Stolichna
Dispożittiv
1)
Id-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 161(5) tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92, tat-12 ta’ Ottubru 1992, li jwaqqaf il-Kodiċi Doganali tal-Komunità, u tal-Artikolu 788 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 430/2010, tal-20 ta’ Mejju 2010, għandhom jiġu interpretati fis-sens li l-bejjiegħ stabbilit fit-territorju doganali tal-Unjoni Ewropea jitqies bħala esportatur, fis-sens ta’ din l-ewwel dispożizzjoni, fil-każ li, wara l-konklużjoni tal-bejgħ tal-merkanzija inkwistjoni, il-proprjetà tagħha tiġi ttrasferita lil akkwirent stabbilit barra minn dan it-territorju doganali.
2)
It-tielet subparagrafu tal-Artikolu 795(1) tar-Regolament Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 430/2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtoritajiet doganali tal-Istati Membri jistgħu jirrikjedu dokumenti ta’ sostenn minbarra l-kuntratt ta’ bejgħ ta’ dgħajsa tad-divertiment lil persuna stabbilita fi Stat terz u li tħassar din id-dgħajsa mir-reġistri tal-vapuri tal-Istat Membru kkonċernat, sakemm tali rekwiżit ikun konformi mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.
3)
L-Artikolu 795 tar-Regolament Nru 2454/93, kif emendat bir-Regolament Nru 430/2010, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-awtorità doganali msejħa sabiex taċċetta d-dikjarazzjoni ta’ esportazzjoni fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex obbligata, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni fil-kawża prinċipali, mill-evalwazzjoni, minn awtorità doganali oħra, tan-natura suffiċjenti tal-provi fis-sens tal-Artikolu 796da(4) tal-imsemmi regolament.
(1) ĠU C 136, 18.04.2016