KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
MENGOZZI
ippreżentati fl-1 ta’ Ġunju 2017 ( 1 )
Kawża C-125/16
Malta Dental Technologists Association,
John Salomone Reynaud
vs
Superintendent tas-Saħħa Pubblika,
Kunsill tal-Professjonijiet Kumplimentari għall-Mediċina
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Malta)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali – Professjoni rregolata – Tekniku dentali kliniku – Kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju ta’ attività professjonali – Obbligu ta’ eżerċizzju taħt is-sorveljanza ta’ dentist – Libertà ta’ stabbiliment – Ostakolu – Ġustifikazzjoni – Protezzjoni tas-saħħa pubblika – Prinċipju ta’ proporzjonalità”
Introduzzjoni
1.
It-tekniki dentali kliniċi (iktar ’il quddiem it-“TDK”), jew denturisti, huma esperti fil-qasam tal-apparat dentali, inklużi l-manifattura ta’ dentieri u ta’ snien foloz, u fil-qasam ta’ servizzi anċillari oħra bħalma huma t-tiswijiet, iż-żidiet u l-alterazzjonijiet tad-dentieri u tal-proteżi. Fl-Istati Membri li jirrikonoxxu din il-professjoni ( 2 ), it-TDK jeżerċitaw b’mod awtonomu u jista’ jkollhom kuntatti diretti mal-pazjenti.
2.
Bejn is-sena 2009 u s-sena 2012, minn tal-inqas tliet TDK ippreżentaw applikazzjoni sabiex jiġu awtorizzati jeżerċitaw il-professjoni tagħhom f’Malta. Dawn l-applikazzjonijiet ġew miċħuda peress li Malta tirrikonoxxi biss il-professjoni ta’ tekniku dentali bħala professjoni kumplimentari għall-mediċina ( 3 ), u mhux dik ta’ TDK. Għaldaqstant, l-awtoritajiet Maltin ipproponew lit-TDK li jirreġistrawhom bħala tekniki dentali. Irreġistrati bħala tali, dawn kien ikollhom jeżerċitaw fl-istess kundizzjonijiet bħat-tekniki dentali, jiġifieri taħt is-sorveljanza ta’ dentist, kif tipprevedi l-leġiżlazzjoni nazzjonali. Peress li qieset li din is-sitwazzjoni tmur kontra l-obbligi tal-Istati Membri li joħorġu mid-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali ( 4 ) u l-prinċipju li l-libertà ta’ stabbiliment timplika l-possibbiltà għal kull professjonist imħarreġ fi Stat Membru li jistabbilixxi ruħu u li jipprattika l-attività professjonali fl-Istati Membri l-oħra tal-Unjoni Ewropea skont il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istat Membru ta’ taħriġ, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, il-Malta Dental Technologists Association (Assoċjazzjoni Maltija tat-tekniki dentali) kif ukoll J. Reynaud, li huwa TDK, fetħu kawża quddiem il-qorti tar-rinviju sabiex jitolbuha tordna lill-awtoritajiet Maltin jirreġistraw it-TDK, irrikonoxxuti bħala tali fi Stati Membri oħra tal-Unjoni, u jippermettulhom jeżerċitaw il-professjoni tagħhom f’Malta mingħajr is-superviżjoni ta’ dentist.
3.
Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li l-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Malta) ddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel, permezz tad-digriet tar-rinviju li wasal fir-Reġistru fid-29 ta’ Frar 2016, id-domandi preliminari segwenti lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1)
Jekk il-projbizzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta, ossia r-rifjut tagħhom li jagħtu għarfien lill-professjoni ta’ [TDK] minnkejja li ma hemmx diskriminazzjoni fil-liġi iżda fil-prattika, applikanti minn Stati Membri oħra qed jiġu projbiti li jistabbilixxu l-professjoni tagħhom f’Malta hijiex inkompatibbli mal-prinċipji u d-dispożizzjonijiet tal-ħolqien tas-Single Market, partikolarment kif jemanaw mill-Artikoli 49 TFUE, 52 TFUE u 56 TFUE meta ma hemmx periklu għas-saħħa pubblika.
2)
Jekk id-[Direttiva 2005/36] għandhiex tiġi applikata fir-rigward ta’ [TDK] peress illi jekk dentiera tkun difettuża, l-unika konsegwenza tkun li dik id-“dental appliance” difettuża tkun trid tiġi aġġustata jew mibdula, mingħajr l-ebda periklu għall-pazjent.
3)
Jekk il-projbizzjoni tal-awtoritajiet tas-saħħa f’Malta li qiegħda tiġi kkontestata ma tistax isservi biex tassigura l-objettiv li jkun hawn livell għoli ta’ ħarsien tas-saħħa pubblika peress li kull dentiera difettuża tista’ tiġi mibdula mingħajr l-ebda periklu għall-pazjent.
4)
Jekk hux qed jiġi vvjolat il-prinċipju tal-proporzjonalità minħabba l-mod kif [l-awtoritajiet tas-saħħa Maltin qegħdin jinterpretaw u japplikaw] [id-Direttiva 2005/36] fir-rigward ta’ [TDK] li japplikaw għal rikonoxximent mill-istess awtoritajiet tas-saħħa f’Malta.”
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
4.
F’dan ir-rinviju għal deċiżjoni preliminari tressqu osservazzjonijiet bil-miktub mill-Assoċjazzjoni Maltija tat-tekniki dentali, mill-Kunsill tal-Professjonijiet Kumplimentari għall-Mediċina, mill-Gvern Malti, mill-Gvern Ċek, mill-Gvern Spanjol, mill-Gvern Taljan, mill-Gvern Awstrijak u mill-Gvern Pollakk, kif ukoll mill-Kummissjoni Ewropea.
5.
Matul is-seduta li nżammet fit-2 ta’ Marzu 2017, ġew ippreżentati osservazzjonijiet orali mir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-Gvern Malti u mill-Gvern Spanjol, kif ukoll mill-Kummissjoni.
Analiżi
6.
L-erba’ domandi preliminari magħmula lill-Qorti tal-Ġustizzja, li ser nindirizza flimkien, huma intiżi li tiġi evalwata l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni ta’ sitwazzjoni fejn Stat Membru ospitanti jipproponi li jirreġistra lit-TDK imħarrġa fi Stat Membru ieħor bħala tekniki dentali – l-unika professjoni rrikonoxxuta fl-Istat Membru ospitanti – filwaqt li jissuġġettahom għall-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-professjoni ta’ tekniku dentali kif iddefiniti minn dan l-Istat Membru tal-aħħar.
7.
L-ewwel stadju tal-analiżi huwa li tiġi ddeterminata n-norma tal-Unjoni applikabbli. Bi tweġiba għal mistoqsija li għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja matul is-seduta, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali speċifikaw li t-talba tagħhom kienet tikkonċerna l-libertà tat-TDK li jistabbilixxu ruħhom u li jeżerċitaw f’Malta u li, ladarba professjoni teżisti fi Stat Membru wieħed, mhux biss din il-professjoni iżda wkoll il-kundizzjonijiet li fihom tiġi eżerċitata fl-Istat Membru ta’ taħriġ għandhom jiġu rrikonoxxuti fis-27 Stati l-oħra. B’dan il-mod, l-imsemmija rikorrenti bbażaw b’mod ċar l-argumenti tagħhom fuq il-libertajiet fundamentali iktar milli fuq id-Direttiva 2005/36. Madankollu, fid-dawl tal-formulazzjoni tat-tieni u tar-raba’ domandi preliminari, għandhom l-ewwel nett isiru numru ta’ kunsiderazzjonijiet fir-rigward ta’ din id-direttiva.
Fuq l-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36
– Professjoni rregolata fl-Istat Membru ospitanti?
8.
Id-Direttiva 2005/36 tapplika “għaċ-ċittadini kollha ta’ Stat Membru, inklużi dawk li jappartjenu għall-professjonijiet liberali, li jixtiequ jeżerċitaw professjoni regolata fi Stat Membru li huwa differenti minn dak li fih huma kisbu l-kwalifiki professjonali” ( 5 ). Professjoni rregolata – li huwa kunċett tad-dritt tal-Unjoni ( 6 ) – tfisser “attività professjonali jew grupp ta’ attivitajiet professjonali, li l-aċċess għalihom, l-eżerċizzju tagħhom, jew wieħed mill-modi ta’ l-eżerċizzju tagħhom huma soġġetti, direttament jew indirettament, permezz ta’ dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi, għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi; b’mod partikolari, l-użu ta’ titolu professjonali limitat minn dispożizzjonijiet leġislattivi, regolamentari jew amministrattivi lil titolari ta’ kwalifiki professjonali għandu jikkostitwixxi mod ta’ eżerċizzju” ( 7 ). Il-kunċett ta’ “kwalifika professjonali”, fis-sens tad-Direttiva, ma jkoprix kwalunkwe kwalifika attestata permezz ta’ prova ta’ taħriġ ta’ natura ġenerali iżda jkopri l-kwalifiki li jikkorrispondu għal prova ta’ taħriġ imħejji speċifikament sabiex jipprepara lid-detenturi ta’ din il-prova għall-eżerċizzju ta’ professjoni partikolari ( 8 ).
9.
Essenzjalment, id-Direttiva 2005/36 tistabbilixxi sistema bbażata fuq żewġ skemi ta’ rikonoxximent tal-kwalifiki, jiġifieri, minn naħa, ir-rikonoxximent awtomatiku għall-professjonijiet irregolati li l-kundizzjonijiet minimi ta’ taħriġ tagħhom huma armonizzati fil-livell Ewropew (bħal, pereżempju, it-“tobba dentisti” ( 9 ), magħrufa, b’mod iktar komuni, bħala dentisti) kif ukoll għal ċerti professjonijiet irregolati oħra u, min-naħa l-oħra, ir-rikonoxximent reċiproku ta’ kwalifiki għall-professjonijiet irregolati l-oħra ( 10 ), jiġifieri dawk li l-kundizzjonijiet ta’ taħriġ tagħhom ma humiex armonizzati, bħalma huwa l-każ għat-TDK u għat-tekniki dentali.
10.
Il-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja ma jinkludi ebda indikazzjoni ċara li tippermetti deċiżjoni definittiva dwar in-natura rregolata, jew le, tal-professjoni ta’ tekniku dentali f’Malta. Fil-fatt, ma huwiex stabbilit li l-aċċess għall-professjoni ta’ tekniku dentali huwa suġġett għall-pussess ta’ kwalifiki professjonali partikolari jew għal prova ta’ taħriġ imħejji speċifikament sabiex jipprepara lid-detenturi ta’ din il-prova għall-eżerċizzju tal-imsemmija professjoni. Għall-kuntrarju, dak li huwa ċert huwa li din il-professjoni hija meqjusa li hija professjoni kumplimentari għall-mediċina u li l-professjoni ta’ TDK ma teżistix, bħala tali, f’Malta; għaldaqstant, din ma hijiex “professjoni rregolata” kemm fl-Istat ta’ taħriġ u kemm fl-Istat ospitanti. Dan ifisser li kundizzjoni meħtieġa għall-applikazzjoni tad-Direttiva 2005/36 jidher li ma hijiex issodisfatta.
11.
Issa, il-possibbiltajiet huma tnejn.
12.
Jew il-fatt li t-TDK jistgħu jeżerċitaw mingħajr is-sorveljanza ta’ dentist u f’kuntatt dirett mal-pazjenti tant huwa karatteristiku tal-professjoni ta’ TDK li din għandha titqies li hija professjoni distinta minn dik tat-tekniki dentali u għalhekk, f’dan il-każ, ikollu jiġi kkonstatat li d-Direttiva 2005/36 ma tapplikax u li d-dritt tal-Unjoni ma jobbligax lill-Istati Membri jirrikonoxxu professjonijiet li ma jixtiequx jirrikonoxxu.
13.
Jew, jekk jitqies li, l-ewwel nett, il-professjoni ta’ tekniku dentali tikkostitwixxi, f’Malta, “professjoni rregolata” fis-sens tad-Direttiva 2005/36 u li, it-tieni nett, il-professjonijiet ta’ TDK u ta’ tekniku dentali għandhom jitqiesu li huma l-“istess professjoni” ( 11 ), dejjem fis-sens tad-Direttiva 2005/36, xorta waħda jibqa’ l-fatt li dak li qiegħed jikkawża diffikultajiet għall-awtoritajiet Maltin ma huwiex il-livell ta’ kwalifika meħtieġ – ladarba ġiet proposta r-reġistrazzjoni tat-TDK bħala tekniki dentali – iżda l-fatt li l-professjoni ta’ tekniku dentali hija eżerċitata b’kollaborazzjoni ma’ dentist. F’dan ir-rigward, għandi ngħid li, għall-kuntrarju tal-allegazzjonijiet tar-rikorrenti fil-kawża prinċipali, id-Direttiva 2005/36 ma hijiex intiża li tippermetti lill-professjonisti mħarrġa fl-Istat ta’ oriġini tagħhom jeżerċitaw il-professjoni tagħhom fl-Istat Membru ospitanti fil-kundizzjonijiet iddeterminati mill-Istat ta’ taħriġ tagħhom. L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2005/36 jipprovdi b’mod ċar li “[i]r-rikonoxximent ta’ kwalifiki professjonali mill-Istat Membru ospitanti jippermetti lill-benefiċjarju sabiex jikseb aċċess f’dak l-Istat Membru għall-istess professjoni bħal dik li huwa kwalifikat fiha fl-Istat Membru ta’ l-oriġini u sabiex jeżerċitaha fl-Istat Membru ospitanti taħt l-istess kondizzjonijiet bħaċ-ċittadini tiegħu” ( 12 ). Il-ħidma taħt is-sorveljanza ta’ dentist għandha titqies li hija kundizzjoni ta’ eżerċizzju tal-professjoni ta’ tekniku dentali f’Malta: kull min ikollu l-intenzjoni li jistabbilixxi ruħu f’Malta bħala tekniku dentali għandu jaċċetta li jaħdem b’kollaborazzjoni ma’ dentist. Deċiżjoni differenti twassal sabiex Stat Membru jkun imġiegħel jimmudella l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju ta’ professjoni fuq dawk, manifestament iktar liberali, applikabbli fi Stati Membri oħra u sabiex id-Direttiva 2005/36 tisfa’ strument li jservi sabiex jiġu evitati l-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tal-professjonijiet irregolati li madankollu ma kinux is-suġġett ta’ armonizzazzjoni ( 13 ). Issa, skont id-Direttiva, dawn il-kundizzjonijiet jibqgħu fil-kompetenza tal-Istati Membri ospitanti, sakemm dawn il-kundizzjonijiet ma jkunux diskriminatorji u sakemm ikunu oġġettivament iġġustifikati u proporzjonati ( 14 ).
– Fuq il-kwistjoni tal-aċċess parzjali għall-professjoni ta’ tabib dentist
14.
Fil-kuntest tat-trattazzjoni quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, tqajmet il-kwistjoni tal-possibbiltà ta’ aċċess parzjali tat-TDK għall-professjoni ta’ “tabib dentist”.
15.
Infakkar li d-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Direttiva 2005/36 u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern ( 15 ) introduċiet fid-Direttiva 2005/36 l-Artikolu 4f ( 16 ) li jawtorizza lill-awtoritajiet tal-Istat Membru ospitanti jagħtu aċċess parzjali, każ b’każ, għal attività professjonali meta (1) il-professjonist ikun kompletament ikkwalifikat sabiex jeżerċita fl-Istat Membru ta’ oriġini l-attività professjonali li għaliha jintalab aċċess parzjali fl-Istat Membru ospitanti, (2) id-differenzi bejn l-attività professjonali fl-Istat Membru ta’ oriġini u l-professjoni rregolata fl-Istat Membru ospitanti jkunu tant kbar li l-applikazzjoni ta’ miżuri ta’ kumpens twassal sabiex l-applikant ikollu jsegwi programm sħiħ ta’ tagħlim u ta’ taħriġ u (3) l-attività professjonali tista’ oġġettivament tiġi sseparata minn attivitajiet oħra li jaqgħu taħt il-professjoni rregolata fl-Istat Membru ospitanti. Madankollu, l-aċċess parzjali jista’ jiġi rrifjutat jekk dan ir-rifjut ikun iġġustifikat minn raġunijiet imperattivi ta’ interess ġenerali, jekk ikun ta’ natura adegwata sabiex jiġi żgurat li jintlaħaq l-għan segwit u jekk ma jmurx lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan ( 17 ).
16.
Jista’ jiġi kkunsidrat, kif sostniet il-Kummissjoni, li t-TDK jistgħu jibbenefikaw minn dan il-mekkaniżmu ta’ aċċess parzjali, sa fejn l-attività tat-TDK tikkorrispondi parzjalment għal dik tat-tobba dentisti ( 18 )? Fi kliem ieħor, huwa possibbli li t-TDK jingħataw aċċess parzjali għall-professjoni ta’ dentist?
17.
Jiena minix konvint, peress li l-Artikolu 4f(6) tad-Direttiva 2005/36, kif emendata bid-Direttiva 2013/55, jipprevedi li l-imsemmi artikolu “m’għandux japplika għall-professjonisti li jibbenefikaw minn rikonoxximent awtomatiku tal-kwalifiki professjonali tagħhom skont il-Kapitoli II, III u IIIa tat-Titolu III”. Issa, is-Sezzjoni 4 tal-Kapitolu III tat-Titolu III tad-Direttiva 2005/36, kif emendata bid-Direttiva 2013/55, hija ddedikata għat-tobba dentisti. L-interpretazzjoni tiegħi ta’ dan l-artikolu hija, għalhekk, li, fir-rigward tat-tobba dentisti, jista’ jkun hemm biss aċċess sħiħ għall-attivitajiet bis-saħħa, minn naħa, tal-armonizzazzjoni tal-kundizzjonijiet ta’ taħriġ organizzata mid-Direttiva 2005/36 ( 19 ) u, min-naħa l-oħra, tar-rikonoxximent awtomatiku li jirriżulta minnha u li minnu jibbenefikaw dawn it-tobba dentisti bis-saħħa ta’ din id-direttiva.
18.
Huwa minnu li l-Artikolu 4f(6) tad-Direttiva 2005/36, kif emendata bid-Direttiva 2013/55, jikkonċerna l-“professjonisti” u mhux il-professjonijiet. Madankollu, l-Artikolu 36 tad-Direttiva 2005/36 jagħti x’jifhem li l-attivitajiet professjonali tat-tabib dentist huma rriżervati ( 20 ) u jiddikjara li “[l]-eżerċizzju ta’ l-attivitajiet professjonali bħala tabib dentist jirrikjedi l-pussess tal-kwalifiki formali msemmija fl-Anness V, punt 5.3.2” ( 21 ), qabel ma jkompli billi jiddefinixxi dawn l-attivitajiet bħala l-“attivitajiet ta’ prevenzjoni, dijanjosi u trattament ta’ l-anomaliji u l-mard tas-snien, tal-ħalq, tax-xedaq u tat-tessuti assoċjati” ( 22 ). Dawn l-attivitajiet huma deskritti bħala grupp wieħed ta’ attivitajiet. Issa, minn naħa, l-attività tat-TDK tkopri biss parzjalment l-attività tat-tobba dentisti u, min-naħa l-oħra, huwa ċar li dawn it-TDK ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet stabbiliti mid-Direttiva 2005/36 sabiex jiġu kklassifikati jew sabiex jeżerċitaw bħala tobba dentisti ( 23 ). Fil-fehma tiegħi, ikun kompletament kuntrarju għall-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni jekk tiġi rrikonoxxuta l-possibbiltà, għat-TDK, ta’ aċċess parzjali għall-professjoni ta’ tabib dentist meta d-Direttiva tistabbilixxi relazzjoni inseparabbli bejn il-pussess ta’ waħda mill-provi ta’ taħriġ imsemmija fil-punt 5.3.2 tal-Anness V tal-imsemmija direttiva u l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ tabib dentist. F’dan is-sens, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “[l]-eżerċizzju tal-attivitajiet professjonali bħala prattikant tad-dentistrija jirrikjedi l-pussess ta’ dokument ta’ prova ta’ kwalifiki formali maħruġ wara taħriġ bażiku” ( 24 ). Barra minn hekk, jekk titqies il-possibbiltà ta’ aċċess parzjali tat-TDK għall-attivitajiet tat-tabib dentist, dan iwassal għall-ħolqien ta’ kategorija “imperfetta” ġdida ta’ prattikanti li huma biss parzjalment tobba dentisti, kategorija din li ma tikkorrispondi għal ebda kategorija prevista mid-Direttiva, sitwazzjoni din li hija eskluża ( 25 ).
19.
Fi kwalunkwe każ, ir-rikonoxximent ta’ aċċess parzjali ma huwiex dritt assolut peress li l-Istat Membru ospitanti jista’ jirrifjutah fil-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4f(2) tad-Direttiva 2005/36, kif emendata bid-Direttiva 2013/55.
– Konklużjoni intermedja
20.
Mill-analiżi preċedenti jirriżulta li għad hemm dubju fundamentali dwar il-kwistjoni ta’ jekk id-Direttiva 2005/36 tapplikax għat-tilwima fil-kawża prinċipali u l-qorti tar-rinviju ser ikollha tiddetermina jekk il-professjoni ta’ tekniku dentali tikkostitwixxix, f’Malta, professjoni rregolata fis-sens tad-Direttiva 2005/36.
21.
Jekk jitqies li d-Direttiva hija applikabbli, jippreżentaw ruħhom żewġ linji distinti ta’ analiżi. Fuq il-bażi tal-analiżi mwettqa abbażi tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/36, wasalt għall-konklużjoni li l-kundizzjoni ta’ eżerċizzju tal-professjoni ta’ tekniku dentali li tikkonsisti f’ħidma taħt is-sorveljanza ta’ dentist tista’ titqies li hija kompatibbli mal-imsemmija direttiva sakemm ma tkunx diskriminatorja – kundizzjoni li hija ssodisfatta – u sakemm tkun oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata – kundizzjoni li għad trid tiġi vverifikata. Bl-istess mod, l-analiżi mwettqa fir-rigward tal-kwistjoni tal-aċċess parzjali għall-professjoni ta’ tabib dentist wasslitni għall-konklużjoni li, fi kwalunkwe każ, aċċess parzjali jista’ jiġi rrifjutat bil-kundizzjoni li dan ir-rifjut ikun ibbażat fuq raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali, ikun ta’ natura adegwata sabiex jintlaħaq l-għan segwit u ma jmurx lil hinn minn dak li jkun meħtieġ sabiex jintlaħaq.
22.
Dawn iż-żewġ verifiki jirriżultaw analogi għal dik li l-Qorti tal-Ġustizzja ser ikollha twettaq jekk teżamina s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali fid-dawl tad-dritt primarju, kif ser ngħaddi sabiex nistedinha tagħmel peress li, kif enfasizza l-Gvern Spanjol matul is-seduta, għandu xorta waħda jiġi kkonstatat li l-awtoritajiet Maltin la qegħdin isostnu li t-TDK ma għandhomx kwalifiki suffiċjenti u lanqas li t-TDK segwew taħriġ insuffiċjenti jew differenti ħafna sabiex ikunu jistgħu jeżerċitaw professjoni rregolata f’Malta. It-tilwima fil-kawża prinċipali effettivament tikkonċerna l-possibbiltà, għat-TDK, li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom, jekk ikun il-każ bħala tekniki dentali, b’mod awtonomu, jiġifieri mingħajr is-sorveljanza ta’ dentist, kwistjoni din li tikkonċerna l-libertà ta’ stabbiliment.
Analiżi fid-dawl tad-dritt primarju
23.
Mill-proċess ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li t-TDK ikkonċernati talbu lill-awtoritajiet Maltin jawtorizzawhom jeżerċitaw il-professjoni tagħhom f’Malta. Fid-dawl tal-fatt li din il-professjoni hija kkaratterizzata, skont ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, mill-possibbiltà ta’ kuntatti diretti mal-pazjenti, l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ TDK f’Malta għandu raġonevolment jimplika li dawn tal-aħħar jistabbilixxu ruħhom f’Malta, b’tali mod li l-analiżi segwenti ser tkun ibbażata, kif diġà għidt, fuq l-Artikolu 49 TFUE ( 26 ).
24.
Huwa paċifiku li l-eżerċizzju tal-professjoni ta’ tekniku dentali huwa suġġett għall-kundizzjoni ta’ ħidma taħt is-sorveljanza ta’ dentisti, b’tali mod li t-tekniki dentali ma għandhomx relazzjoni diretta mal-pazjenti. Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li, “skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 49 TFUE, il-libertà ta’ stabbiliment għandha tiġi eżerċitata taħt il-kundizzjonijiet iddefiniti mil-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ospitanti fil-konfront taċ-ċittadini tiegħu stess. Minn dan isegwi li, meta l-aċċess għal attività speċifika jew l-eżerċizzju tagħha jkunu rregolati fl-Istat Membru ospitanti, iċ-ċittadin ta’ Stat Membru ieħor li jkollu l-intenzjoni jeżerċita din l-attività għandu, bħala prinċipju, jissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ din il-leġiżlazzjoni” ( 27 ). Peress li l-professjoni ta’ tekniku dentali ma hijiex is-suġġett ta’ armonizzazzjoni fil-livell tal-Unjoni, la fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-aċċess għaliha u lanqas fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta’ eżerċizzju tagħha, l-Istati Membri jibqgħu kompetenti li jiddefinixxu l-imsemmija kundizzjonijiet ta’ din il-professjoni b’osservanza tal-libertajiet fundamentali ggarantiti mit-Trattat ( 28 ). Ma hemm ebda dubju li l-leġiżlazzjoni Maltija li tobbliga lit-tekniki dentali jaħdmu taħt is-sorveljanza ta’ dentist tista’ tagħmel inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment għat-TDK. Tali sitwazzjoni tista’ tiġi ġġustifikata biss jekk ikun hemm raġuni imperattiva ta’ interess ġenerali u sakemm tkun adegwata sabiex jintlaħaq l-għan segwit u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dan l-għan ( 29 ).
25.
Il-Gvern Malti jinvoka l-ħarsien tas-saħħa pubblika bħala ġustifikazzjoni. Peress li dan huwa għan li huwa segwit ukoll mill-Unjoni stess, il-leġittimità tiegħu ma tistax tiġi kkontestata ( 30 ). Għad irid jiġi vverifikat jekk il-kundizzjoni ta’ eżerċizzju imposta fuq it-tekniki dentali li jaħdmu taħt is-sorveljanza ta’ dentist hijiex neċessarja u proporzjonata.
26.
Għandu jitfakkar, l-ewwel nett, li, fid-dawl tal-importanza mogħtija lis-saħħa pubblika fit-Trattat u fid-dawl tal-marġni li dan tal-aħħar iħalli lis-setgħa diskrezzjonali tal-Istati Membri, “is-sempliċi fatt li Stat Membru jkun għażel sistema ta’ protezzjoni differenti minn dik adottata minn Stat Membru ieħor ma jistax jaffettwa l-evalwazzjoni tan-neċessità u tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet adottati f’dan il-qasam” ( 31 ). Fil-fatt, il-Qorti tal-Ġustizzja repetutament iddeċidiet li “għandu jiġi kkunsidrat il-fatt li s-saħħa u l-ħajja tal-persuni jokkupaw l-ewwel post fost l-oġġetti u l-interessi protetti mit-Trattat u l-Istati Membri jistgħu jiddeċiedu f’liema livell huma beħsiebhom jiżguraw il-protezzjoni tas-saħħa pubblika u l-mod kif dan il-livell għandu jintlaħaq” ( 32 ). Peress li dan il-livell jista’ jvarja minn Stat Membru għal ieħor, għandu jiġi rrikonoxxut li s-saħħa pubblika tirrikjedi, fl-evalwazzjoni tal-miżuri nazzjonali intiżi għall-protezzjoni tagħha, viġilanza partikolari ( 33 ). Għaldaqstant, ma huwiex suffiċjenti li r-rikorrenti fil-kawża prinċipali jargumentaw li r-Renju Unit jawtorizza lit-TDK jeżerċitaw b’mod awtonomu.
27.
It-tieni nett, għandhom jiġu rrelativizzati l-affermazzjonijiet repetuti magħmula fid-domandi preliminari fis-sens li ma ser ikun hemm ebda riskju għas-saħħa tal-pazjenti, u għalhekk għas-saħħa pubbliku, jekk it-TDK ikunu jistgħu jeżerċitaw il-professjoni tagħhom b’kuntatt dirett mal-pazjenti u b’mod kompletament awtonomu ( 34 ). Fil-fatt, mid-digriet tar-rinviju jirriżulta li kienu r-rikorrenti quddiem il-qorti tar-rinviju – b’mod iktar partikolari l-Assoċjazzjoni Maltija tat-tekniki dentali – li fformulaw l-imsemmija domandi qabel ma talbet lil dik il-qorti tibgħathom lill-Qorti tal-Ġustizzja. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-assenza ta’ riskju għas-saħħa pubbliku ma hijiex affermazzjoni definittiva magħmula mill-qorti tar-rinviju wara li evalwat hija stess ir-realtà tas-sitwazzjoni. Għaldaqstant, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ utilment tindirizza din il-kwistjoni fis-sentenza li ser tingħata minnha.
28.
F’dan ir-rigward, il-pożizzjoni tat-TDK hija, essenzjalment, li l-livell ta’ taħriġ tagħhom jippermettilhom kompletament li jeżerċitaw il-professjoni tagħhom b’mod awtonomu u mingħajr riskju, fid-dawl tal-fatt li t-TDK ma jwettqux proċeduri invażivi fil-ħalq tal-pazjenti u tal-fatt li kull ma jagħmlu huwa li jippreparaw, isewwu u jaġġustaw apparat dentali għall-pazjenti. Skont dawn, proteżi li ma tkunx aġġustata sew jew li tkun difettuża tikkawża biss skumdità u tkun tista’ sempliċement titneħħa mill-pazjent stess jew tiġi ssostitwita mit-TDK. It-TDK la jwettqu dijanjosi u lanqas ma jippreskrivu trattament mediku u, fil-każ ta’ suspett ta’ patoloġija, huma responsabbli sabiex jirreferu l-pazjenti għand id-dentisti. Barra minn hekk, skont it-TDK, ma hemmx provi xjentifiċi li l-apparat dentali jew il-proteżi jistgħu jikkawżaw ħsara sinjifikattiva fil-ħalq tal-pazjenti. Fl-aħħar nett, il-fatt li t-TDK ikunu jistgħu jaħdmu f’kuntatt dirett mal-pazjenti jippermetti lill-iktar fqar ikollhom aċċess bl-inqas spejjeż għall-kura dentali.
29.
Il-Gvern Malti ma jaqbilx ma’ dawn l-osservazzjonijiet u jsostni li l-attivitajiet tat-TDK u l-perizja tagħhom ikopru biss l-aspetti mekkaniċi tat-trattament ta’ ċerti anomaliji u mard li jaffettwaw is-snien u l-kavità tal-ħalq. Skont il-Gvern Malti, it-TDK ma humiex ikkwalifikati sabiex ikunu jistgħu jagħmlu dijanjosi li tippermetti t-tfassil ta’ programm għal dan it-tip ta’ trattament u lanqas ma huma kompetenti sabiex jissorveljaw il-manutenzjoni tar-riabilitazzjoni orali, li tista’ tiġi ssorveljata biss minn dentist kompletament ikkwalifikat, u dan iktar u iktar fid-dawl tad-differenzi kbar li jeżistu fir-rigward tat-taħriġ li jagħti aċċess għall-professjoni ta’ TDK ( 35 ). Il-provvista ta’ apparat dentali jew ta’ proteżi ma hijiex mingħajr riskju peress li, jekk l-imsemmi apparat jew l-imsemmija proteżi ma jiġux introdotti kif suppost, jistgħu jirriżultaw patoloġiji moħbija, li t-TDK jistgħu ma jindunawx bihom, kif ukoll ħsara temporanja jew permanenti fit-tessuti. Pereżempju, jekk l-għerq tas-sinna taħt l-apparat jew il-proteżi ma jkunx ġie estratt b’mod korrett meta tinqala’ sinna, dan jista’ jikkawża infezzjonijiet. Barra minn hekk, jista’ jkun hemm kumplikazzjonijiet fil-każ ta’ pazjenti li jkunu qegħdin jirċievu trattament permezz ta’ kimoterapija jew permezz ta’ bifosfonati. Dentiera mqiegħda b’mod ħażin, flimkien ma’ kura ħażina tal-ħalq, iżżid ir-riskju ta’ kanċer tal-ħalq. Patoloġiji perijodontiċi jistgħu jiġu kkawżati jew aggravati mill-apparat jekk dan ikun iddisinjat ħażin, b’tali mod li b’hekk tista’ ssir ħsara irreversibbli jekk il-pożizzjoni tiegħu, kif ukoll il-kuntest li fih dan l-apparat jintuża, ma jkunux ikkontrollati minn dentist li t-taħriġ tiegħu, li huwa usa’ u iktar komplet minn dak tat-TDK, jippermettilu jwettaq evalwazzjoni globali tas-sitwazzjoni, u mhux biss evalwazzjoni mekkanika bħal dik imwettqa mit-TDK. Wieħed ma jistax jistenna li l-pazjent jinduna huwa stess bil-problemi marbuta mal-proteżi jew mal-apparat dentali tiegħu u r-riferiment tal-pazjent mit-TDK għand dentist jista’ jsir fi stadju diġà avvanzat tal-problema. Barra minn hekk, il-Gvern Malti jirreferi b’mod dokumentat għal numru ta’ studji xjentifiċi li juru l-konsegwenzi, xi drabi gravi, ta’ introduzzjoni ħażina jew ta’ inadegwatezza ta’ apparat dentali introdott f’kuntest organiku mhux b’saħħtu. Il-Gvern Malti jirribatti l-argument li l-eżerċizzju liberu tal-professjoni ta’ TDK, mingħajr is-superviżjoni ta’ dentist, ser jiftaħ aċċess għall-kura dentali għal dawk li l-inqas jifilħu jħallsu billi jsostni li, f’Malta, dawk il-persuni li ma għandhomx dħul suffiċjenti jistgħu jaraw dentist mingħajr ħlas. Fl-aħħar nett, il-Gvern Malti jsostni li l-prinċipju ta’ prekawzjoni jeżiġi li l-protezzjoni tas-saħħa pubblika tieħu prijorità fuq kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u li l-Istati Membri għandhom, għall-finijiet tal-implementazzjoni tal-imsemmi prinċipju, setgħa diskrezzjonali wiesgħa.
30.
Fid-dawl, minn naħa, tal-fatt li d-dubji mqajma mill-Gvern Malti huma bbażati, minn tal-inqas parzjalment, fuq studji xjentifiċi li pjuttost juru li l-argumenti tiegħu ma humiex sempliċi allegazzjonijiet u, min-naħa l-oħra, tal-marġni ta’ diskrezzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja stess irrikonoxxiet fil-ġurisprudenza tagħha, imfakkra b’mod partikolari fil-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet, ir-rekwiżit li t-TDK ikkwalifikati fi Stat Membru ieħor jeżerċitaw, fl-Istat Membru ospitanti li ma jirrikonoxxix din il-professjoni bħala tali, taħt is-sorveljanza ta’ dentist jirriżulta li huwa adegwat sabiex jintlaħaq l-għan li titħares is-saħħa pubblika u ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ għal dan l-għan ( 36 ).
31.
Għaldaqstant, l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lit-tekniki dentali jeżerċitaw il-professjoni tagħhom taħt is-sorveljanza ta’ dentisti, għalkemm tista’ tagħmel l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment inqas attraenti għal din il-kategorija ta’ professjonisti, issegwi għan leġittimu ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, hija adegwata sabiex tiżgura li jintlaħaq l-għan segwit u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.
Konklużjonijiet li għandhom jinstiltu mill-analiżi fid-dawl tad-dritt primarju fir-rigward tal-analiżi tad-Direttiva 2005/36
32.
Kif intqal iktar ’il fuq ( 37 ), jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi – li ma għandux ikun il-każ – li t-tilwima fil-kawża prinċipali hija rregolata mid-Direttiva 2005/36, l-evalwazzjoni tal-kompatibbiltà tas-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali mal-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/36 jew mal-Artikolu 4f(2) tad-Direttiva 2005/36, kif emendata bid-Direttiva 2013/55, għandha titwettaq fuq il-bażi tal-istess verifika bħal dik li għadni kemm għamilt fir-rigward tal-Artikolu 49 TFUE.
33.
F’dawn iċ-ċirkustanzi, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, b’mod sussidjarju, li l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/36 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix kundizzjoni ta’ eżerċizzju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrikjedi li t-tekniki dentali jeżerċitaw il-professjoni tagħhom taħt is-sorveljanza ta’ dentist, u dan għaliex din il-kundizzjoni ta’ eżerċizzju hija oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata.
34.
Fl-aħħar nett, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi, b’mod iktar sussidjarju, li l-Artikolu 4f(2) tad-Direttiva 2005/36, kif emendata bid-Direttiva 2013/55, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix li, fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, jiġi rrifjutat l-aċċess parzjali tat-TDK għall-professjoni ta’ tabib dentist.
Konklużjoni
35.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili (Malta) b’dan il-mod:
B’mod prinċipali:
–
l-Artikolu 49 TFUE għandu jiġi interpretat fis-sens li leġiżlazzjoni nazzjonali bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tobbliga lit-tekniki dentali jeżerċitaw il-professjoni tagħhom taħt is-sorveljanza ta’ dentisti, għalkemm tista’ tagħmel l-eżerċizzju tal-libertà ta’ stabbiliment inqas attraenti għal din il-kategorija ta’ professjonisti, issegwi għan leġittimu ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika, hija adegwata sabiex tiżgura li jintlaħaq l-għan segwit u ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq dan l-għan.
–
B’mod sussidjarju, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li s-sitwazzjoni hija rregolata mid-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-7 ta’ Settembru 2005, dwar ir-Rikonoxximent ta’ Kwalifiki Professjonali:
–
l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2005/36 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jipprekludix kundizzjoni ta’ eżerċizzju, bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li tirrikjedi li t-tekniki dentali jeżerċitaw il-professjoni tagħhom taħt is-sorveljanza ta’ dentist, u dan għaliex din il-kundizzjoni ta’ eżerċizzju hija oġġettivament iġġustifikata u proporzjonata.
B’mod iktar sussidjarju, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li s-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali hija rregolata mid-Direttiva 2005/36, kif emendata bid-Direttiva 2013/55/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Novembru 2013, li temenda d-Direttiva 2005/36 u r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva permezz tas-Sistema ta’ Informazzjoni tas-Suq Intern:
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Bħalma huma, skont il-qorti tar-rinviju, ir-Renju tad-Danimarka, l-Irlanda, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi jew ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.
( 3 ) L-Artikolu 2 tal-Att Dwar il-Professjonijiet tas-Saħħa, Kapitolu 464 tal-Liġijiet ta’ Malta jiddefinixxi l-professjonist kumplimentari għall-mediċina bħala “professjonist fil-kura medika li jkollu ismu mniżżel fir-Reġistri ta’ Professjonijiet Komplimentari għall-Mediċina msemmija fl-artikolu 28”. L-Artikolu 25 ta’ din il-liġi jipprevedi li “[ħ]add ma għandu jeżerċita xi professjonijiet komplimentari għall-mediċina kemm-il darba ismu ma jkunx imniżżel fir-reġistru […]”. L-Anness III ta’ din l-istess liġi telenka l-professjonijiet kumplimentari għall-mediċina u ssemmi l-professjoni ta’ tekniku dentali, iżda mhux dik ta’ TDK.
( 4 ) ĠU 2005, L 255, p. 22.
( 5 ) Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/36.
( 6 ) Ara s-sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard (C-298/14, EU:C:2015:652, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 7 ) Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva 2005/36.
( 8 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Brouillard (C-298/14, EU:C:2015:652, punt 38).
( 9 ) Ara l-Artikolu 21 tad-Direttiva 2005/36.
( 10 ) Fil-każ ta’ differenzi kbar ħafna bejn it-taħriġ segwit fil-pajjiż ta’ oriġini u dak meħtieġ għall-istess attività fil-pajjiż ospitanti, jistgħu jiġu imposti perijodu ta’ adattament u/jew test ta’ kapaċità: ara l-premessa 15 u l-Artikolu 14 tad-Direttiva 2005/36.
( 11 ) L-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/36 jipprovdi li din tal-aħħar “tistabbilixxi regoli skond liema Stat Membru li jissoġġetta l-aċċess jew l-eżerċizzju ta’ professjoni regolata fit-territorju tiegħu għall-kondizzjoni ta’ pussess ta’ kwalifiki professjonali speċifiċi […] għandu jirrikonoxxi kwalifiki professjonali miksuba fi Stat Membru jew aktar […] u li jippermettu li persuna li jkollha dawk il-kwalifiki teżerċita l-istess professjoni hemmhekk, għal aċċess għal u eżerċizzju ta’ dik il-professjoni” (il-korsiv huwa miżjud minni). Id-deskrizzjoni tal-attivitajiet ta’ tekniku dentali tidher li tikkorrispondi kompletament ma’ dik tat-TDK, anki jekk it-taħriġ ta’ dawn tal-aħħar jista’ jkun itwal. Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, jista’ raġonevolment jitqies li TDK u tekniku dentali jikkostitwixxu l-“istess professjoni” fis-sens tal-Artikoli 1 u 4 tad-Direttiva 2005/36. Fir-rigward tal-kunċett tal-“istess professjoni”, ara wkoll is-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos (C-330/03, EU:C:2006:45, punt 20).
( 12 ) Il-korsiv huwa miżjud minni.
( 13 ) Fl-istess sens, ara l-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Sharpston fil-kawża Brouillard (C‑298/14, EU:C:2015:408, punt 28).
( 14 ) Kif teżiġi l-premessa 3 tad-Direttiva 2005/36, li fid-dawl tagħha għandu jinqara l-Artikolu 4(1).
( 15 ) ĠU 2013, L 354, p. 132.
( 16 ) L-applikazzjoni ratione temporis ta’ dan l-artikolu għat-tilwima fil-kawża prinċipali tista’ tiġi kkontestata peress li d-digriet tar-rinviju jirreferi għal deċiżjonijiet, dwar ir-rifjut fil-konfront tat-TDK li jitħallew jeżerċitaw il-professjoni tagħhom b’mod awtonomu, li kienu ttieħdu mill-awtoritajiet Maltin bejn is-sena 2009 u s-sena 2012.
( 17 ) Ara l-Artikolu 4f(2) tad-Direttiva 2005/36 kif emendata bid-Direttiva 2013/55.
( 18 ) F’tali każ, ikunu effettivament involuti żewġ professjonijiet irregolati: il-professjoni ta’ TDK, minn naħa, u l-professjoni ta’ tabib dentist, min-naħa l-oħra.
( 19 ) Il-punt 5.3.1 tal-Anness V tad-Direttiva 2005/36 jispeċifika l-programm ta’ studji li għandu jiġi segwit mit-tobba dentisti u l-punt 5.3.2 tal-imsemmi anness isemmi l-provi ta’ taħriġ li kull Stat Membru joħroġ fir-rigward tat-taħriġ bażiku tat-tobba dentisti.
( 20 ) Ara l-Artikolu 36(1) tad-Direttiva 2005/36, li jipprovdi li “l-attivitajiet professjonali bħala tobba dentisti huma l-attivitajiet definiti fil-paragrafu 3 u eżerċitati taħt il-kwalifiki professjonali elenkati fl-Anness V, punt 5.3.2”.
( 21 ) Artikolu 36(2) tad-Direttiva 2005/36.
( 22 ) Artikolu 36(3) tad-Direttiva 2005/36. Ara wkoll it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 34(3)(b) tal-imsemmija direttiva.
( 23 ) F’dan ir-rigward infakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li “id-Direttiva 2005/36 tipprekludi […] li persuna li ma għandhiex dokument ta’ prova ta’ kwalifiki formali maħruġ wara taħriġ bażiku bħala prattikant tad-dentistrija teżerċita l-professjoni ta’ dentist” (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Conseil national de l’ordre des médecins, C-492/12, EU:C:2013:576, punt 41).
( 24 ) Sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, Conseil national de l’ordre des médecins (C‑492/12, EU:C:2013:576, punt 34).
( 25 ) Ara, b’analoġija, id-digriet tas-17 ta’ Ottubru 2003, Vogel (C-35/02, EU:C:2003:570, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, it-TDK manifestament ma jistgħux jippretendu li jistgħu jeżerċitaw taħt titolu li jikkorrispondi għal dak tat-tobba dentisti. Issa, id-Direttiva 2005/36 lanqas ma tipprevedi l-possibbiltà ta’ eżerċizzju bħala tabib dentist taħt titolu ieħor għajr dawk previsti mill-imsemmija direttiva (ara, b’analoġija, id-digriet tas-17 ta’ Ottubru 2003, Vogel, C-35/02, EU:C:2003:570, punt 31). Fl-aħħar nett, nixtieq nispeċifika li f’din il-kawża għandna sitwazzjoni differenti minn dik li tat lok għas-sentenza tad-19 ta’ Jannar 2006, Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos (C‑330/03, EU:C:2006:45), u dan minn tal-inqas għal żewġ raġunijiet. Fl-ewwel lok, il-professjoni li għaliha r-rikorrent f’dik il-kawża prinċipali xtaq ikollu aċċess ma kinitx fost il-professjonijiet li fir-rigward tagħhom id-dritt tal-Unjoni jipprevedi rikonoxximent awtomatiku (għall-kuntrarju tal-professjoni ta’ tabib dentist). Fit-tieni lok, ir-rifjut li t-TDK jingħataw aċċess parzjali għall-professjoni ta’ tabib dentist ma jwassalx sabiex iħallihom mingħajr ebda prospett professjonali fl-Istat ospitanti peress li – kif diġà għidt – l-awtoritajiet Maltin ipproponew li jirreġistrawhom u li jawtorizzawhom jeżerċitaw bħala tekniki dentisti, li hija l-unika professjoni rrikonoxxuta f’dan l-Istat Membru.
( 26 ) L-Artikolu 52 TFUE, li ssemma wkoll mill-qorti tar-rinviju fid-domandi preliminari tagħha, ma jidhirx li huwa rilevanti peress li l-leġiżlazzjoni Maltija ma timplementax “trattament speċjali ta’ ċittadini barranin” sa fejn il-kundizzjoni ta’ eżerċizzju taħt is-sorveljanza ta’ dentist tapplika wkoll għat-tekniki dentali Maltin.
( 27 ) Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Nasiopoulos (C-575/11, EU:C:2013:430, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 28 ) Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Nasiopoulos (C-575/11, EU:C:2013:430, punt 20 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 29 ) Ara s-sentenzi tal-1 ta’ Frar 2001, Mac Quen et (C-108/96, EU:C:2001:67, punt 26), tad-19 ta’ Jannar 2006, Colegio de Ingenieros de Caminos, Canales y Puertos (C-330/03, EU:C:2006:45, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata), tas-27 ta’ Ġunju 2013, Nasiopoulos (C-575/11, EU:C:2013:430, punt 21), kif ukoll tal-4 ta’ Mejju 2017, Vanderborght (C-339/15, EU:C:2017:335, punt 65).
( 30 ) Ara, fost ġurisprudenza abbondanti, is-sentenzi tal-1 ta’ Frar 2001, Mac Quen et (C-108/96, EU:C:2001:67, punt 29), tal-11 ta’ Lulju 2002, Gräbner (C-294/00, EU:C:2002:442, punt 42), tas-27 ta’ Ġunju 2013, Nasiopoulos (C-575/11, EU:C:2013:430, punt 27) kif ukoll tal-4 ta’ Mejju 2017, Vanderborght (C-339/15, EU:C:2017:335, punt 67).
( 31 ) Sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Nasiopoulos (C-575/11, EU:C:2013:430, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 32 ) Sentenza tad-19 ta’ Mejju 2009, Apothekerkammer des Saarlandes et (C‑171/07 u C‑172/07, EU:C:2009:316, punt 19 u l-ġurisprudenza ċċitata). Ara wkoll is-sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Vanderborght (C‑339/15, EU:C:2017:335, punt 71).
( 33 ) Ara s-sentenza tas-27 ta’ Ġunju 2013, Nasiopoulos (C-575/11, EU:C:2013:430, punt 27).
( 34 ) Għall-formulazzjoni tad-domandi preliminari ara l-punt 3 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 35 ) Ara l-Anness 2 tal-osservazzjonijiet bil-miktub ippreżentati mill-Gvern Malti.
( 36 ) Fis-sentenza tagħha tas-27 ta’ Ġunju 2013, Nasiopoulos (C-575/11, EU:C:2013:430), u minkejja li ma kinitx saritilha domanda dwar dan il-punt, il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li s-sorveljanza, minn professjonist fil-qasam tas-saħħa, ta’ professjonist li jeżerċita professjoni paramedika setgħet taqdi għan ta’ protezzjoni tas-saħħa pubblika (ara l-punt 29 tas-sentenza msemmija).
( 37 ) Ara l-punti 20 et seq ta’ dawn il-konklużjonijiet.