KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WAHL
ippreżentati fil-21 ta’ Diċembru 2016 ( 1 )
Kawża C-253/16
Flibtravel International SA
Leonard Travel International SA
vs
AAL Renting SA
Haroune Tax SPRL
Saratax SCS
Ryad SCRI
Taxis Bachir & Cie SCS
et
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Cour d’appel de Bruxelles (qorti tal-appell, Brussell, il-Belġju)]
“Artikolu 96(1) TFUE — Qasam ta’ applikazzjoni — Leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkonċerna l-kundizzjonijiet għall-provvista ta’ servizzi tat-taxi — Servizzi ta’ kiri ta’ vetturi bix-xufier — Projbizzjoni tal-raggruppament tal-klijenti — Projbizzjoni tat-tħajjir tal-klijenti — Projbizzjoni tal-offerta ta’ postijiet individwali lill-klijenti — Projbizzjoni tal-predeterminazzjoni tad-destinazzjoni”
1.
Din it-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna waħda mid-dispożizzjonijiet forsi mhux daqstant magħrufa tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Hija tindirizza l-qasam ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 96(1) TFUE. Din id-dispożizzjoni tipprojbixxi lill-Istati Membri milli jimponu, fil-kuntest ta’ operazzjonijiet tat-trasport imwettqa fi ħdan l-Unjoni Ewropea, prezzijiet u kundizzjonijiet li jinvolvu s-sostenn jew il-protezzjoni tal-interessi ta’ impriża jew industrija partikolari waħda jew iktar, sakemm dawn il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet ma jkunux awtorizzati mill-Kummissjoni. Il-Qorti tal-Ġustizzja, sa issa, ma pprovdietx gwida dwar l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni fil-kuntest tal-proċedura għal deċiżjoni preliminari.
2.
Meta wieħed iqis l-oskurità relattiva tal-Artikolu 96(1) TFUE u l-inċertezza fir-rigward tal-qasam ta’ applikazzjoni tiegħu, il-qorti tar-rinviju titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddetermina jekk id-dispożizzjoni tapplikax f’relazzjoni mal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-kundizzjonijiet li taħthom għandhom jiġu pprovduti servizzi tat-taxi fiż-żona ta’ Brussell-Kapitali.
3.
Iktar ’l isfel ser nistabbilixxi r-raġunijiet għalfejn l-Artikolu 96(1) TFUE ma japplikax f’ċirkustanzi bħal dawk li fuqhom hija bbażata din it-talba għal deċiżjoni preliminari.
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
4.
L-Artikolu 96 TFUE, fit-Titolu VI intitolat “It-Trasport”, jipprovdi:
“1.
Dwar trasport effettwat fi ħdan l-Unjoni, l-applikazzjoni imposta minn Stat Membru ta’ prezzijiet u kondizzjonijiet li jinvolvu element ta’ sostenn jew protezzjoni, għall-benefiċċju ta’ impriża jew industrija waħda jew iktar partikolari, għandha tkun projbita, sakemm ma tkunx awtoriżżata mill-Kummissjoni.
2.
Il-Kummissjoni għandha, fuq inizjattiva tagħha stess jew fuq it-talba ta’ Stat Membru, teżamina l-prezzijiet u l-kondizzjonijiet imsemmija f’paragrafu 1, b’kunsiderazzjoni partikolari, min-naħa l-waħda, għall-esiġenzi ta’ politika ekonomika reġjonali adegwata, l-bżonnijiet ta’ reġjuni sottożviluppati, u l-problemi ta’ reġjuni milqutin serjament minn ċirkostanzi politiċi u, min-naħa l-oħra, għall-effetti ta’ dawk il-prezzijiet u kondizzjonjiet fuq il-kompetizzjoni bejn il-forom differenti ta’ trasport.
[…]”
B. Id-dritt nazzjonali
5.
L-Ordonnance relative aux services de taxis et aux services de location de voitures avec chauffeur (ordinanza dwar servizzi tat-taxi u servizzi ta’ kiri ta’ vetturi bix-xufier) tas-27 ta’ April 1995 fiha d-dispożizzjonijiet li ġejjin:
“Artikolu 2. Għall-għanijiet ta’ din l-ordinanza, it-termini li ġejjin għandhom iġorru t-tifsiriet li ġejjin:
1.
‘servizzi tat-taxi’: servizzi li jinvolvu t-trasport ta’ passiġġieri għal remunerazzjoni permezz ta’ vettura bil-mutur b’xufier, u li jissodisfaw il-kundizzjonijiet li ġejjin:
[…]
(c)
fejn il-vettura tintuża bħala taxi, il-forniment tat-trasport għandu jkun marbut mal-vettura sħiħa u mhux mal-postijiet individwali, u fejn din tintuża bħala taxi kollettiva bl-awtorizzazzjoni tal-Gvern tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali, il-forniment tat-trasport għandu jkun marbut mal-postijiet individwali u mhux mal-vettura nnifisha;
(d)
id-destinazzjoni għandha tiġi deċiża mill-klijent;
2.
‘servizzi ta’ kiri ta’ vetturi bix-xufier’: is-servizzi kollha, għajr servizzi tat-taxi, li jinvolvu t-trasport ta’ passiġġieri permezz ta’ vettura bil-mutur għal remunerazzjoni, li jaħdmu b’karozzi, vetturi jew vannijiet tal-oġġetti/passiġġieri, bl-eċċezzjoni ta’ vetturi mgħammrin bħala ambulanzi;
[…]
Artikolu 3. L-ebda persuna ma tista’, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Gvern [tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali], topera servizz tat-taxi b’vettura waħda jew iktar, bi tluq minn triq pubblika jew kwalunkwe post ieħor li ma huwiex miftuħ għat-traffiku pubbliku u jinsab fit-territorju tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali. […]
[…]
Artikolu 16. L-ebda persuna ma tista’, mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Gvern [tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali], topera servizz ta’ kiri ta’ vetturi bix-xufier b’vettura waħda jew iktar fir-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali.
L-operaturi li huma fil-pussess ta’ awtorizzazzjoni maħruġa mill-Gvern [tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali] biss jistgħu jipprovdu servizzi fejn il-punt tat-tluq għall-utent jinsab fit-territorju tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali.”
6.
L-Arrêté du Gouvernement de la Région de Bruxelles-Capitale relatif aux services de taxis et aux services de location de voitures avec chauffeur (digriet tal-Gvern tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali dwar servizzi tat-taxi u servizzi ta’ kiri ta’ vetturi bix-xufier) tad-29 ta’ Marzu 2007 ( 2 ), kif emendat bid-Digriet tas-27 ta’ Marzu 2014 ( 3 ), jipprovdi:
“Artikolu 31. Ix-xufiera għandhom ikunu pprojbiti milli:
[…]
7. iħajru lill-klijenti jew ikollhom lil ħaddieħor li jħajjar lill-klijenti f’isimhom;
[…]”
II. Il-fatti, il-proċedura u d-domandi preliminari
7.
Ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali, Flibtravel International SA u Leonard Travel International SA, huma kumpanniji li joperaw servizzi tal-kowċijiet regolari bejn l-istazzjon tal-ferrovija Gare du Midi fi Brussell u l-ajruport ta’ Charleroi fil-Belġju.
8.
Vannijiet tat-taxi, li prinċipalment isuqu lejn l-ajruport ta’ Charleroi, jiġbdu mal-ġenb quddiem iż-żona tal-parkeġġ tal-Gare du Midi għall-kowċijiet. Ix-xufiera javviċinaw lill-vjaġġaturi ħerġin mill-istazzjon u mexjin lejn il-kowċijiet u joffrulhom li jeħduhom b’taxi bir-rata ta’ EUR 13 kull persuna. Okkażjonalment, ix-xufiera jgħollu sinjal laminat żgħir li fuq naħa jaqra “shuttle to airport Charleroi [EUR 13]” (vjaġġ dirett għall-ajruport ta’ Charleroi EUR 13) b’ritratti ta’ vann tat-taxi u ajruplan, u, fuq in-naħa l-oħra, it-test “bus [EUR 17]” (xarabank EUR 17). It-taxis jitilqu ladarba jkunu għabbew seba’ jew tmien passiġġieri.
9.
Ir-rikorrenti jisħqu li l-prattiki deskritti iktar ’il fuq qegħdin jitwettqu bi ksur tal-leġiżlazzjoni applikabbli għas-servizzi tat-taxi. Huma qegħdin jitolbu ordni bil-għan li tiġi prekluża l-kontinwazzjoni ta’ dawn il-prattiki.
10.
Permezz ta’ deċiżjoni tal-11 ta’ Frar 2015, l-azzjoni ġiet miċħuda fl-ewwel istanza fuq il-bażi li l-fatti lmentati ma kinux ġew issostanzjati suffiċjentement.
11.
Permezz ta’ applikazzjoni tat-13 ta’ Lulju 2015, ir-rikorrenti sussegwentement ressqu l-kwistjoni quddiem il-Cour d’appel de Bruxelles (qorti tal-appell, Brussell, il-Belġju). Din il-qorti kkunsidrat li l-fatti kienu ġew stabbiliti.
12.
Il-qorti tar-rinviju sabet li l-prattiki lmentati jikkostitwixxu ksur tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ u li l-azzjoni għalhekk tidher li hija fondata sewwa. Madankollu, billi kien hemm dubji dwar jekk il-leġiżlazzjoni kontenzjuża tikkonformax mad-dritt tal-Unjoni, il-qorti ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1)
L-Artikolu 96(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ japplika għal prezzijiet u kundizzjonijiet imposti minn Stat Membru fuq l-operaturi ta’ servizzi ta’ taxi meta:
(a)
jkun biss fuq bażi eċċezzjonali li l-vjaġġi tat-taxis ikkonċernati jaqsmu l-fruntieri nazzjonali,
(b)
parti sinjifikattiva mill-klijentela tat-taxis ikkonċernati tkun magħmula minn ċittadini jew residenti tal-Unjoni Ewropea li ma jkunux ċittadini jew residenti tal-Istat Membru inkwistjoni u
(c)
fiċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża, il-vjaġġi bit-taxi kontenzjużi jkunu biss, għall-passiġġier, stadju wieħed fi vjaġġ itwal li l-punt ta’ wasla jew il-punt ta’ tluq tiegħu jkun jinsab f’pajjiż tal-Unjoni differenti mill-Istat Membru inkwistjoni?
2)
L-Artikolu 96(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jista’ japplika għal kundizzjonijiet tal-operat differenti mill-kundizzjonijiet tariffarji u mill-kundizzjonijiet għall-kisba tal-awtorizzazzjoni għat-twettiq tal-attività ta’ trasport ikkonċernata, bħal, f’dan il-każ, projbizzjoni għall-operaturi ta’ taxis milli jqiegħdu għad-dispożizzjoni postijiet individwali minflok il-vettura kollha kemm hi u projbizzjoni għal dawn l-operaturi milli jiddeterminaw huma stess id-destinazzjoni ta’ vjaġġ li joffru lill-klijentela, li jwasslu sabiex dawn l-operaturi jiġu preklużi milli jiġbru flimkien klijenti bl-istess destinazzjoni?
3)
L-Artikolu 96(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi, ħlief bl-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, miżuri bħal dawk imsemmija fit-tieni domanda
(a)
li l-għan ġenerali tagħhom, fost għanijiet oħra, jkun li l-operaturi ta’ taxis jiġu protetti mill-kompetizzjoni min-naħa tal-impriżi ta’ kiri ta’ vetturi bix-xufier u
(b)
li l-effett speċifiku tagħhom fiċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża jkun li operaturi ta’ kowċijiet jiġu protetti mill-kompetizzjoni min-naħa tal-operaturi ta’ taxis?
4)
L-Artikolu 96(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprojbixxi, ħlief bl-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni, miżura li tipprojbixxi lill-operaturi ta’ taxis milli jħajru klijenti, meta l-effett ta’ din il-miżura fiċ-ċirkustanzi konkreti tal-kawża jkun li titnaqqas il-kapaċità tagħhom li jiksbu l-klijenti ta’ servizz ta’ kowċ kompetitur?”
13.
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati minn Flibtravel International, Leonard Travel International, Saratax SCS u AAL Renting SA, kif ukoll mill-Kummissjoni. Skont l-Artikolu 76(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja ma saret l-ebda seduta.
III. Analiżi
A. Rimarki ta ’ introduzzjoni
14.
Il-qorti tar-rinviju ppreżentat għadd ta’ domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja. Għalkemm jittrattaw il-kwistjoni minn angoli daqsxejn differenti, dawn id-domandi kollha essenzjalment ifittxu li jiddeterminaw il-qasam ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 96(1) TFUE. Speċifikament, id-domanda ewlenija hija din: din id-dispożizzjoni tapplika fir-rigward tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-kundizzjonijiet li taħthom għandhom ikunu pprovduti servizzi tat-taxi?
15.
B’teħid inkunsiderazzjoni tal-formulazzjoni tal-Artikolu 96(1) TFUE biss, wieħed jista’ jifhem, sa ċertu punt, id-dubji tal-qorti tar-rinviju dwar il-portata ta’ din id-dispożizzjoni. Madankollu, meta wieħed jikkunsidra l-kuntest (storiku u sistematiku) usa’ ta’ din id-dispożizzjoni, kwalunkwe dubju dwar jekk l-Artikolu 96 TFUE japplikax f’ċirkustanzi bħal dawk li fuqhom hija bbażata din il-kawża malajr jitneħħa.
16.
Huwa minnu li, kif imsemmi iktar ’il fuq, l-Artikolu 96 TFUE insolitament ftit li xejn ġie applikat, mhux biss mill-Kummissjoni, iżda wkoll mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-ġurisprudenza tagħha. Għalhekk, huwa neċessarju li l-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni tkun ankrata mal-kuntest sistematiku usa’ tagħha, filwaqt li wieħed iżomm f’moħħu wkoll il-karatteristiċi storiċi u d-diskussjonijiet tal-fundaturi tal-Unjoni fir-rigward ta’ dik id-dispożizzjoni.
B. Il-kamp ta ’ applikazzjoni tal-Artikolu 96(1) TFUE
1. Dispożizzjoni storika
17.
L-Artikolu 96 TFUE fil-biċċa l-kbira baqa’ l-istess sa mill-bidu tal-integrazzjoni Ewropea. Il-paragrafu 1 tiegħu jittratta prezzijiet u kundizzjonijiet li jinvolvu kull element ta’ sostenn jew protezzjoni fl-interess ta’ impriża jew industrija konkreta waħda jew iżjed minn waħda fir-rigward ta’ operazzjonijiet tat-trasport fi ħdan l-Unjoni. Ladarba l-oriġini tiegħu jmorru lura għat-Trattat KEFA, l-Artikolu 96 TFUE, u partikolarment il-paragrafu 1 tiegħu, għandu jitpoġġa fil-kuntest storiku tiegħu.
18.
Dan il-kuntest storiku jixhed għalfejn, fuq naħa waħda, l-operazzjonijiet tat-trasport li għalihom jirreferi l-Artikolu 96 TFUE għandhom jinftiehmu li jalludu għat-trasport tal-oġġetti (u mhux tal-persuni) u għalfejn, min-naħa l-oħra, il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet kontenzjużi hawnhekk jinkludu biss tariffi u kundizzjonijiet imposti minn Stati Membri li jista’ jkollhom effett fuq il-kundizzjonijiet finanzjarji li taħthom huma ttrasportati l-oġġetti.
19.
Id-dokumenti preparatorji li għandhom x’jaqsmu mal-Artikolu 80 KEE, li issa sar l-Artikolu 96 TFUE, jispjegaw b’mod ċar li din id-dispożizzjoni timmira biex tiżgura li l-prezzijiet u l-kundizzjonijiet applikati minn Stat Membru għal operazzjonijiet tat-trasport ma jinvolvux effetti ekwivalenti għal dazji doganali jew diskriminazzjoni jew sovvenzjonijiet fir-rigward tal-oġġetti ttrasportati ( 4 ). Fuq dik il-bażi waħedha, għalija jidher ċar li l-Artikolu 96(1) TFUE għandu l-intenzjoni li jipproteġi l-moviment liberu tal-oġġetti, iktar milli s-sitwazzjoni kompetittiva tal-operaturi tat-trasport bħala tali. Fi kliem sempliċi, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi miżuri tal-Istat, partikolarment tariffi speċjali tat-trasport għal oġġetti speċifiċi, li jġorru vantaġġ ekonomiku għal impriżi jew industriji speċifiċi.
20.
L-Artikolu 96(2) TFUE jipponta lejn l-istess direzzjoni. Din id-dispożizzjoni telenka ġustifikazzjonijiet potenzjali (bżonnijiet ta’ żoni sottożviluppati u żoni milqutin serjament minn ċirkustanzi politiċi) għal miżuri pprojbiti taħt l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 96 TFUE. Il-konċentrazzjoni fuq il-bżonn li jiġu assistiti reġjuni milqutin minn tbatija finanzjarja jew politika tikkonferma, fil-fehma tiegħi, li d-dispożizzjoni inkunsiderazzjoni ma tirregolax il-provvista tas-servizzi tat-trasport. Tabilħaqq, disparitajiet jew problemi reġjonali li jirriżultaw minn ċirkustanzi politiċi bilkemm jistgħu jiġu rrimedjati bit-trattament favorevoli ta’ ċerti fornituri tas-servizzi tat-trasport meta mqabblin ma’ oħrajn. Fil-fatt, kif juri n-numru limitat ta’ deċiżjonijiet li l-Kummissjoni ħadet f’dan il-qasam ( 5 ), l-Artikolu 96(2) TFUE jikkonċerna l-użu, minn Stati Membri, ta’ prezzijiet u kundizzjonijiet preferenzjali li jibbenefikaw lill-prodotti bl-oriġini fir-reġjuni milqutin ( 6 ).
21.
Kif jidher biċ-ċar mill-punti preċedenti, l-Artikolu 96 TFUE ma huwiex intiż sabiex jissalvagwardja l-provvista libera tas-servizzi tat-trasport, wisq inqas tas-servizzi tat-taxi lokali. Fil-fatt, wieħed jista’ jistaqsi x’funzjoni għad għandu l-Artikolu 96 TFUE fl-Ewropa tal-lum il-ġurnata ( 7 ). Fil-jiem bikrin tal-integrazzjoni Ewropea din id-dispożizzjoni ċertament kellha rwol ( 8 ). Dan kien hekk, minħabba t-tariffi diskriminatorji li kienu, okkażjonalment, applikati minn Stati Membri fil-qasam tat-trasport għal finijiet protezzjonisti.
22.
Il-kuntest sistematiku usa’ tal-Artikolu 96(1) TFUE jikkorrobora wkoll il-fehma li regoli li jirregolaw il-provvista ta’ servizzi tat-taxi ma humiex irregolati minn din id-dispożizzjoni tat-Trattat.
2. Kunsiderazzjonijiet sistemiċi
23.
Qabelxejn, għandu jiġi osservat li l-Artikoli 95 u 97 TFUE t-tnejn li huma jittrattaw l-aġir tal-operatur tat-trasport fil-konfront tal-klijenti tiegħu (diskriminazzjoni u aġir li jammontaw għal effetti ekwivalenti għal dazji doganali). F’tali kuntest leġiżlattiv ikun jidher kontrointuwittiv li wieħed jargumenta li l-Artikolu 96 TFUE jittratta, minflok, kwistjoni kompletament differenti, jiġifieri, il-libertà li jiġu pprovduti servizzi fil-qasam tat-trasport.
24.
Madankollu, l-iktar argument konvinċenti għal dik il-fehma jinsab f’parti oħra tat-Trattat.
25.
Iktar fundamentali, l-applikazzjoni tal-Artikolu 96(1) TFUE għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tirregola l-provvista tas-servizzi tat-taxi tkun f’kuntrast qawwi mal-formulazzjoni espressa tal-Artikolu 58 TFUE. Din id-dispożizzjoni speċifikament teskludi servizzi tat-trasport mill-portata tar-regoli li jirregolaw il-provvista libera tas-servizzi ( 9 ). Dan jimplika li l-provvista libera tas-servizzi fil-kuntest tat-trasport għandu jidħol fis-seħħ permezz tal-politika komuni tat-trasport, f’konformità mal-Artikolu 91 TFUE ( 10 ). Iżda, sal-lum, ma ttieħdu l-ebda miżuri.
26.
F’dan l-isfond, li kieku jkun aċċettat li l-qasam ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 96(1) TFUE ma jiġborx fih biss tariffi ta’ sostenn u kundizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-oġġetti ttrasportati, iżda wkoll regoli adottati minn Stati Membri rigward il-kundizzjonijiet li taħthom għandhom ikunu pprovduti servizzi tat-taxi, dan ikun iġorr it-tfassil, permezz tal-ġurisprudenza, ta’ mekkaniżmu ta’ kontroll fuq is-servizzi tat-trasport mhux differenti minn dak li jinsab fl-Artikolu 56 TFUE. Dan ma jkunx mixtieq, mhux l-inqas minħabba l-fatt li l-Artikolu 58 TFUE speċifikament jeskludi s-servizzi tat-trasport mill-portata tal-Artikolu 56 TFUE, iżda wkoll għaliex il-leġiżlatur tal-Unjoni, sal-lum, għadu ma ppromulgax leġiżlazzjoni sekondarja sabiex jilliberalizza l-provvista tas-servizzi tat-taxi fi ħdan il-qafas tal-politika komuni tat-trasport.
27.
Fil-fatt, iktar milli jiżgura l-provvista libera tas-servizzi fil-qasam tat-trasport, l-Artikolu 96(1) TFUE jittratta, kif spjegat, miżuri tal-Istat li huma simili għall-għajnuna mill-Istat għal impriża jew industrija partikolari waħda jew iktar. Dan għaliex l-azzjoni regolatorja minn awtoritajiet tal-Istat biex jiżguraw prezzijiet u kundizzjonijiet tat-trasport favorevoli għal ċerti oġġetti jista’ jkollha effett komparabbli ma’ dak tal-għajnuna mill-Istat. F’dan is-sens, l-Artikolu 96 TFUE jikkostitwixxi forma ta’ lex specialis rigward il-prezzijiet u l-kundizzjonijiet tat-trasport, meta mqabbel mal-projbizzjoni ġenerali tal-għajnuna mill-Istat stipulata fl-Artikolu 107 TFUE. Madankollu, għall-kuntrarju tal-Artikolu 107 TFUE, l-Artikolu 96(1) TFUE ma jirrikjedix li l-miżuri taħt skrutinju jinvolvu l-użu ta’ riżorsi tal-Istat. Fi kwalunkwe każ, bħal tipi oħrajn ta’ għajnuna mill-Istat, it-tariffi u kundizzjonijiet ta’ sostenn huma suġġetti għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni ( 11 ).
28.
Fuq il-bażi tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nikkonkludi li l-Artikolu 96(1) TFUE ma japplikax fir-rigward ta’ kundizzjonijiet imposti minn Stat Membru fuq operaturi tas-servizzi tat-taxi bħall-kundizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
IV. Konklużjoni
29.
Fid-dawl tal-argumenti ppreżentati, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mill-Cour d’appel de Bruxelles (qorti tal-appell, Brussell) kif ġej:
L-Artikolu 96(1) TFUE ma japplikax għall-kundizzjonijiet imposti minn Stat Membru fuq operaturi tas-servizzi tat-taxi bħall-kundizzjonijiet inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż
( 2 ) Moniteur belge tat-3 ta’ Mejju 2007, p. 23526.
( 3 ) Moniteur belge tas-17 ta’ April 2014, p. 33241.
( 4 ) Comité Intergouvernemental créé par la Conférence de Messine, Rapport des Chefs de Délégation aux Ministres des Affaires Étrangères, 21 ta’ April 1956, Mae 120 F/56 (Corrigé), (Rapport tal-Kapijiet tad-Delegazzjoni lill-Ministri tal-Affarijiet Barranin; “ir-Rapport Spaak”), p. 67 sa 69. Dak ir-rapport jispjega, inter alia, li tariffi ta’ sostenn għal ċerti oġġetti għandhom jiġu ttrattati b’manjiera simili għas-sovvenzjonijiet.
( 5 ) Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-16 ta’ Frar 1962, li tawtorizza t-Tariffa Speċjali Nru 201 tal-ferroviji tal-Istat Taljan (OJ English Special Edition, Second Series IV, p. 3), Deċiżjoni tal-Kummissjoni 64/160/KEE, tas-26 ta’ Frar 1964, li tawtorizza ż-żamma tal-Anness B ter tal-“Conditions générales d’application des tarifs pour le transport des marchandises” (CGATM) tas-Société nationale des chemins de fer français (SNCF) (OJ English Special Edition, Second Series IV, p. 14), Deċiżjoni tal-Kummissjoni 79/873/KEE, tal-11 ta’ Ottubru 1979, li tawtorizza t-Tariffa Speċjali Nru 201 tal-Istat Taljan (ĠU 1979 L 269, p. 29), Deċiżjoni tal-Kummissjoni 79/874/KEE, tal-11 ta’ Ottubru 1979, li tawtorizza miżuri ta’ tariffi speċjali għall-ġarr ta’ ċerti oġġetti bil-linji ferrovjarji u bit-triq fi Franza (ĠU 1979 L 269, p. 31) u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 91/523/KEE, tat-18 ta’ Settembru 1991, li tabolixxi t-tariffi ta’ sostenn applikati mill-ferroviji Taljani għall-ġarr ta’ sustanzi minerali fil-forma ta’ massa u oġġetti prodotti u maħdumin fi Sqallija u Sardenja (ĠU 1991 L 283, p. 20).
( 6 ) Ara wkoll id-digriet tat-18 ta’ Ġunju 2012, Transports Schiocchet - Excursions vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑203/11, mhux ippubblikat, EU:T:2012:308, punti 39 u 40.
( 7 ) Kien issuġġerit ukoll li, fid-dawl tal-evoluzzjoni tas-suq intern wara d-dħul fis-seħħ tal-Att Uniku Ewropew fl-1986, l-Artikolu 96 TFUE sar dispożizzjoni mingħajr sinjifikat, ara Grard, L., “Article 76 CE” f’Pingel, I. (ed.), Commentaire article par article des traités UE et CE, it-tieni edizzjoni, Dalloz, Pariġi, 2010, p. 675 sa 677, f’p. 677.
( 8 ) Sentenzi tal-10 ta’ Mejju 1960, Il-Ġermanja vs L-Awtorità Għolja, 19/58, EU:C:1960:19, p. 234, tal-10 ta’ Mejju 1960, Compagnie des hauts fourneaux et fonderies de Givors et vs L-Awtorità Għolja, 27/58 sa 29/58, EU:C:1960:20, p. 252, u tad-9 ta’ Lulju 1969, L-Italja vs Il-Kummissjoni, 1/69, EU:C:1969:34, punt 4.
( 9 ) Sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2015, Trijber u Harmsen, C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:641, punt 47. Ara wkoll il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Szpunar fil-Kawżi magħquda Trijber u Harmsen, C‑340/14 u C‑341/14, EU:C:2015:505, punt 27.
( 10 ) Sentenzi tas-7 ta’ Novembru 1991, Pinaud Wieger, C‑17/90, EU:C:1991:416, punt 7, u tat-22 ta’ Diċembru 2010, Yellow Cab Verkehrsbetrieb, C‑338/09, EU:C:2010:814, punt 30.
( 11 ) Ara, għal eżempji, in-nota ta’ qiegħ il-paġna 5.