KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
KOKOTT
ippreżentati fil-15 ta’ Ġunju 2017 ( 1 )
Kawża C‑281/16
Vereniging Hoekschewaards Landschap
vs
Staatssecretaris van Economische Zaken
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (kunsill tal-istat, il-Pajjiżi l-Baxxi)]
“Dritt tal-ambjent - Direttiva 92/43/KEE - Konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġa - Lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku Atlantiku - Validità tal-inklużjoni tas-sit ta’ Haringvliet fil-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja mingħajr l-inklużjoni tal-Leenheerenpolder - Tnaqqis tas-superfiċje tas-sit - Żoni potenzjali għar-restawrazzjoni”
I. Introduzzjoni
1.
Stat Membru jista’ jnaqqas is-superfiċje ta’ żona ta’ konservazzjoni skont id-Direttiva “Habitats” ( 2 ) jekk ibiddel l-istrateġija tiegħu ta’ restawrazzjoni ta’ habitats li jeħtieġu protezzjoni u ma jkollux iktar bżonn l-artijiet inkwistjoni? Din il-mistoqsija hija l-bażi tat-talba għal deċiżjoni preliminari preżenti magħmula mir-Raad van State (kunsill tal-istat, il-Pajjiżi l-Baxxi).
2.
B’mod speċifiku, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha teżamina jekk hijiex valida deċiżjoni ta’ implementazzjoni tal-Kummissjoni li permezz tagħha, fost affarijiet oħra, il-Kummissjoni ddeċidiet, fuq proposta tal-Pajjiżi l-Baxxi, li tnaqqas is-superfiċje tas-sit ta’ importanza Komunitarja (iktar ’il quddiem is-“SIK”) ikkonċernat, li jinsab fil-Pajjiżi l-Baxxi. Il-Kummissjoni bbażat din id-deċiżjoni fuq il-fatt li l-proposta oriġinali tal-Pajjiżi l-Baxxi li ż-żoni kkonċernati jiġu integrati fis-SIK, kienet ibbażata fuq “żball xjentifiku”. Għalhekk, għandu jiġi investigat jekk din il-motivazzjoni hijiex ammissibbli.
3.
Madankollu, barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tistħarreġ ukoll jekk b’din id-deċiżjoni ta’ implementazzjoni l-Kummissjoni ssodisfatx l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha skont l-Artikolu 296 TFUE, jekk din id-deċiżjoni hijiex ċara biżżejjed għall-finijiet tal-osservanza tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, u b’mod iktar ġenerali, liema huma r-rekwiżiti sabiex is-superfiċje jitnaqqas minħabba bidla fl-istrateġija ta’ restawrazzjoni tal-habitats.
II. Il-kuntest ġuridiku
4.
L-Artikolu 2(2) tad-Direttiva “Habitats” jistabbilixxi l-għan ġenerali:
“Il-miżuri meħuda skond din id-Direttiva jkunu ddisinjati biex iżommu jew jirripristinaw, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, l-habitat naturali u l-ispeċi tal-fawna u l-flora selvaġġa li huma ta’ interess għall-Komunità.”
5.
Natura 2000, in-netwerk Ewropew għaż-żoni ta’ konservazzjoni, huwa ddefinit fl-Artikolu 3(1) tad-Direttiva “Habitats”:
“Għandu jiġi stabbilit n etwork ekoloġiku Ewropew koerenti ta’ żoni speċjali ta’ konservazzjoni taħt l-isem ta’ Natura 2000. Dan in-network, magħmul minn siti li jħaddnu fihom it-tipi ta’ habitat naturali elenkati fl-Anness I u l-habitat ta’ l-ispeċi elenkati fl-Anness II, għandhom jippermettu li t-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat naturali ta’ l-ispeċi konċernati jinżammu jew, fejn jixraq, jiġu ripristinati fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli fil-firxa naturali tagħhom.
[...]”
6.
L-Artikolu 3(2) tad-Direttiva “Habitats” jiddeskrivi l-obbligu tal-Istati Membri li jipparteċipaw fin-Natura 2000:
“Kull Stat Membru għandu jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ Natura 2000 skond ir-rappreżentanza fit-territorju tiegħu tat-tipi ta’ habitat naturali u l-habitat ta’ l-ispeċi msemmi fil-paragrafu 1. Għal dak il-għan kull Stat Membru għandu jinnomina, skond l-Artikolu 4, xi siti bħala żoni speċjali ta’ konservazzjoni waqt li jitqiesu l-għanjiet stabbiliti fil-paragrafu 1.”
7.
L-Artikolu 4 tad-Direttiva “Habitats” jinkludi r-regoli konkreti għall-klassifikazzjoni tas-siti:
“1.
Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 1) u l-informazzjoni xjentifika relevanti, kull Stat Membru għandu jipproponi lista ta’ siti li jindikaw liema tipi ta’ habitat naturali fl-Anness I u liema speċi fl-Anness II li hemm fis-siti huma endemiċi għat-territorju tagħhom. [...] Fejn jixraq, l-Istati Membri għandhom jipproponu l-adattament tal-lista in vista tar-riżultati tas-sorveljanza msemmija fl-Artikolu 11.
[...]
2.
Skond il-kriterji stabbiliti fl-Anness III (Stadju 2) u fl-istruttura kemm ta’ kull wieħed mill-ħames reġjuni bioġeografiċi msemmija fl-Artikolu 1(ċ) (iii) kif ukoll dik tat-territorju kollu msemmi fl-Artikolu 2(1), il-Kummissjoni trid tistabilixxi, bi ftehim ma’ kull Stat Membru, lista preliminari tas-siti li huma ta’ importanza għall-Komunità msawra mil-listi ta’ l-Istati Membri [...]
3.
[...]
4.
Ladarba sit ta’ importanza għall-Komunità jkun adottat skond il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 2, l-Istat Membru konċernat irid jinnomina dak is-sit bħala żona speċjali ta’ konservazzjoni kemm jista’ jkun malajr u f’mhux aktar minn sitt snin żmien, u jistabilixxi prioritajiet skond l-importanza tas-siti għaż-żamma jew ir-ripristinar, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ta’ tip ta’ habitat naturali fl-Anness I jew speċi fl-Anness II u għall-koerenza ta’ Natura 2000, u fl-isfond tat-theddid ta’ degradazzjoni jew qerda li jkunu esposti għaliha dawk is-siti.”
8.
Abbażi tad-Direttiva “Habitats”, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2004/813/KE ( 3 ), li permezz tagħha hija stabbilixxiet l-ewwel lista ta’ SIK għar-reġjun bijoġeografiku Atlantiku. F’din il-lista, is-sit ta’ “Haringvliet” (Kodiċi NL1000015 tan-Natura 2000) kien irreġistrat b’superfiċje ta’ 11107 ettari.
9.
Is-SIK ta’ “Haringvliet” jipproteġi t-tipi ta’ habitats tal-Anness I tad-Direttiva “Habitats”“Xmajjar bi xtut imtajna b’veġetazzjoni Chenopodion rubri p.p. u Bidention p.p.” (Kodiċi 3270 tan-Natura 2000) u “Komunitajiet periferiċi ta’ ħxejjex twal idrofili tal-pjanuri u tal-livelli muntanjużi u alpini” (Kodiċi 6430 tan-Natura 2000), l-ispeċijiet ta’ ħut Alosa alosa u Alosa fallax u l-ispeċi ta’ prijorità tal-ġurdien tat-tundra (Microtus oeconomus arenicola).
10.
Fil-frattemp, il-lista tas-SIK għar-reġjun bijoġeografiku Atlantiku ġiet aġġornata għaxar darbiet ( 4 ). Is-suġġett ta’ din it-talba għal deċiżjoni preliminari huwa t-tmien aġġornament permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/72 ( 5 ), fejn is-sit ta’ “Haringvliet” tnaqqas għal superfiċje ta’ 10988 ettaru.
11.
Il-premessa 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/72 tindirizza bidliet fl-informazzjoni dwar is-siti:
“[...] L-Istati Membri ressqu wkoll it-tibdil fit-tagħrif relatat mas-sit-li jinsabu fil-lista tas-siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku.”
12.
Il-premessa 6 tal-imsemmija deċiżjoni ta’ implementazzjoni tindirizza t-titjib tal-għarfien:
“L-għarfien dwar l-eżistenza u t-tqassim tat-tipi ta’ ħabitats naturali u tal-ispeċijiet qiegħed jevolvi kontinwament bis-saħħa tas-sorveljanza mwettqa skont l-Artikolu 11 tad-Direttiva 92/43/KEE. Għalhekk, l-evalwazzjoni u l-għażla tas-siti fil-livell tal-Unjoni saru bl-użu tal-aqwa informazzjoni disponibbli bħalissa.”
13.
Dawn il-premessi jinsabu wkoll, pereżempju, fl-għaxar aġġornament.
III. Il-fatti u t-talba għal deċiżjoni preliminari
14.
Haringvliet hija bokka tal-baħar magħluqa permezz ta’ diga fil-provinċja Olandiża ta’ Zuid-Nederland fil-Pajjiżi l-Baxxi, bejn il-gżejjer ta’ Voorne-Putten u Hoeksche Waard fit-Tramuntana u l-gżira Goeree-Overflakke fin-Nofsinhar. Il-Haringvliet għadha konnessa mal-Baħar tat-Tramuntana permezz tal-iSpui, l-Oude Maas u n-Nieuwe Waterweg. Il-Leenheerenpolder tinsab bejn il-lokalità ta’ Goudswaard, fil-gżira Hoeksche Waard u l-iSpui, fergħa tal-Haringvliet. Il-polder għandha superfiċje ta’ madwar 110 ettari.
15.
Fid-data tal-proposta li s-sit ta’ “Haringvliet” jitqiegħed fuq il-lista tas-SIK, l-awtoritajiet kompetenti tal-Pajjiżi l-Baxxi kienu tal-fehma li fil-Leenheerenpolder ma hemm ebda tipi ta’ habitat u speċijiet li minħabba fihom il-Haringvliet kellu jiġi kklassifikat bħala SIK, iżda li din il-polder kienet adattata sabiex tiġi żviluppata għar-restawrazzjoni ta’ diversi habitats u speċijiet li għandhom jiġu protetti. Peress li mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Leenheerenpolder ma kinitx parti mis-sit propost mhux minħabba l-preżenza ta’ habitats jew speċijiet, iżda minħabba l-possibbiltajiet li din il-polder kienet toffri għar-restawrazzjoni tan-natura fis-sit “Haringvliet”, il-polder ikkontribwixxiet għad-determinazzjoni tat-tielet sottokriterju, il-possibbiltà ta’ restawrazzjoni.
16.
B’deċiżjoni tal-4 ta’ Lulju 2013, il-Pajjiżi l-Baxxi ikklassifikaw is-sit ta’ “Haringvliet” bħala żona ta’ konservazzjoni skont id-Direttiva “Habitats”. Ir-Raad van State annullat din id-deċiżjoni b’sentenza tal-1 ta’ Ottubru 2014 ( 6 ), sa fejn il-Leenheerenpolder ma ġietx inkluża f’dan is-sit. Hija kkonstatat li l-Leenheerenpolder hija parti mis-sit ta’ “Haringvliet” kif ġie inkluż fil-lista tas-SIK. Għaldaqstant, l-obbligu eżistenti skont l-Artikolu 4(4) tad-Direttiva “Habitats”, li din il-polder tiġi identifikata bħala parti mis-sit skont id-Direttiva “Habitats”, ma ġiex issodisfatt.
17.
Sussegwentement, l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi ttrażmettew informazzjoni lill-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Settembru 2014, insostenn tat-tnaqqis tad-daqs tas-sit. F’din l-ittra huma spjegaw li, preżentement, il-Leenheerenpolder ma tkoprix riżorsi naturali u li l-pjanijiet ta’ żvilupp ta’ riżorsi naturali hemmhekk kienu ġew abbandunati. Ġie speċifikat ukoll li l-iżviluppi parzjali li kien hemm f’partijiet oħra tas-sit kienu suffiċjenti sabiex jintlaħqu l-għanijiet tas-sit tan-Natura 2000 “Haringvliet”. Il-proġett li ssir id-“depolderizzazzjoni” tal-Leenheerenpolder ġie abbandunat minħabba raġunijiet politiċi, soċjali u baġitarji. Fl-istess waqt, ġie speċifikat ukoll li l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi illum il-ġurnata jqisu s-suppożizzjoni li ż-żoni jistgħu jkunu ta’ importanza għall-konservazzjoni u r-restawrazzjoni ta’ tipi ta’ habitats bħala żball xjentifiku.
18.
Il-Kummissjoni ddikjarat ukoll, fl-ittra tal-24 ta’ Ottubru 2014 indirizzata lill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi, li hija kienet tal-fehma, abbażi tal-ittra tat-30 ta’ Settembru 2014, li l-proposta oriġinali li l-Leenheerenpolder tiġi inkluża fis-sit ta’ “Haringvliet”, kellha titqies bħala żball xjentifiku.
19.
Sussegwentement, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/72, tat-3 ta’ Diċembru 2014, li tadotta t-tmien aġġornament tal-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku. Għalkemm f’din il-lista, is-sit ta’ “Haringvliet” għadu elenkat, il-Leenheerenpolder ma għadhiex inkluża f’dan is-sit.
20.
B’deċiżjoni tat-28 ta’ April 2015, l-awtoritajiet kompetenti tal-Pajjiżi l-Baxxi ikklassifikaw is-sit ta’ “Haringvliet” bħala żona ta’ konservazzjoni skont id-Direttiva “Habitats”. Għal darba oħra, il-Leenheerenpolder ma hijiex inkluża. Il-Vereniging Hoekschewaards Landschap oġġezzjonat għal din il-klassifikazzjoni quddiem ir-Raad van State (kunsill tal-istat, il-Pajjiżi l-Baxxi).
21.
Din il-qorti tassumi li l-klassifikazzjoni tas-sit timplementa d-deċiżjoni ta’ implementazzjoni, madankollu għandha dubji dwar jekk il-Kummissjoni kellhiex raġun taċċetta t-tnaqqis tas-superfiċje tas-sit ta’ “Haringvliet” bit-tneħħija tal-Leenheerenpolder. Għaldaqstant, hija għamlet d-domanda segwenti għal deċiżjoni preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja:
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/72 hija valida sa fejn is-sit “Haringvliet” (NL1000015) tniżżel f’din il-lista [ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku] mingħajr l-inklużjoni tal-Leenheerenpolder?
22.
Il-Vereniging Hoekschewaards Landschap, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u għamlu osservazzjonijiet orali waqt is-seduta tal-11 ta’ Mejju 2017.
IV. Analiżi legali
23.
L-eżami tal-validità tad-deċiżjoni ta’ implementazzjoni (UE) 2015/72, sa fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li ċċekken is-SIK ta’ “Haringvliet” bit-tneħħija tal-Leenheerenpolder, l-ewwel nett jirrikjedi deskrizzjoni tal-proċedura u tar-rekwiżiti għat-tnaqqis tas-superfiċje ta’ sit (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti A), qabel ma jkunu jistgħu jiġu diskussi r-raġunijiet li tibbaża ruħha fuqhom il-Kummissjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti B). Barra minn hekk, għandhom isiru ċerti rimarki dwar l-għamla tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti C). Fl-aħħar nett, sabiex tintemm it-tilwima fil-kawża prinċipali, huwa neċessarju li jiġu spjegati l-kundizzjonijiet li fihom żona bħal-Leenheerenpolder tista’ titneħħa minn SIK (ara, f’dan ir-rigward, il-Parti D).
A. Il-proċedura u l-bażi legali għat-tnaqqis tas-superfiċje ta’ sit
24.
Il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ddeċidiet li, fl-assenza ta’ dispożizzjonijiet partikolari, id-deklassifikazzjoni ta’ sit inkluż fil-lista tas-SIK għandha ssir skont l-istess proċedura bħal dik tal-inklużjoni tas-sit fl-imsemmija lista ( 7 ). Din il-proċedura trid tiġi applikata wkoll għat-tnaqqis tas-superfiċje ta’ SIK.
25.
Konsegwentement, fl-ewwel lok hija meħtieġa proposta mill-Istat Membru kkonċernat skont l-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Habitats”, li sussegwentement tiddeċiedi dwarha l-Kummissjoni skont l-Artikolu 4(2).
26.
F’dan ir-rigward, minkejja li mir-regoli dwar il-proċedura ta’ identifikazzjoni tas-siti li jistgħu jiġu inklużi fil-lista tas-SIK, previsti fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “Habitats”, jirriżulta li l-Istati Membri għandhom ċertu marġni ta’ diskrezzjoni meta jagħmlu l-proposti tagħhom tas-siti, jibqa’ l-fatt li huma għandhom jagħmlu dan b’mod konformi mal-kriterji stabbiliti b’din id-direttiva ( 8 ).
27.
Dan kien ifisser għall-ewwel tfassil tal-lista ta’ SIK, li l-Kummissjoni kellu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha reġistru komprensiv tas-siti li, fuq livell nazzjonali, għandhom importanza ekoloġika sinjifikattiva għall-għan ta’ konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-flora u tal-fawna selvaġġa għall-finijiet tad-Direttiva “Habitats” ( 9 ). Barra minn hekk, huwa b’dan il-mod biss li jista’ jintlaħaq l-għan stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva “Habitats”, li jinżammu jew li jiġu rrestawrati, fi stat ta’ konservazzjoni favorevoli, it-tipi ta’ habitats naturali u habitats tal-ispeċijiet fil-firxa naturali tagħhom, li tista’ testendi tul waħda mill-fruntieri interni tal-Unjoni jew iktar. Fil-fatt, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(e) u (i) moqri flimkien mal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva, l-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni ta’ habitat naturali jew ta’ speċi għandha tkun ibbażata fuq it-territorju Ewropew tal-Istati Membri kollu kemm hu, li għalih japplika t-TFUE ( 10 ).
28.
Din il-ġurisprudenza trid tkun rilevanti wkoll għat-tnaqqis tas-superfiċje ta’ SIK. Konsegwentement, il-proposta ta’ Stat Membru li ċerti siti jitneħħew mil-lista jew li jitnaqqas is-superfiċje tagħhom tirrikjedi l-prova li, fuq livell nazzjonali, iż-żoni inkwistjoni ma għandhom ebda importanza ekoloġika sinjifikattiva għall-għan tal-konservazzjoni tal-habitats naturali, tal-flora u tal-fawna selvaġġi għall-finijiet tad-direttiva. Il-Kummissjoni tista’ taċċetta jew timplementa din il-proposta biss jekk tasal għall-konklużjoni li dawn iż-żoni lanqas ma huma meħtieġa mill-perspettiva tal-Unjoni fl-intier tagħha.
B. Eżami sostantiv tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar it-tnaqqis tas-superfiċje tas-sit
29.
Fl-iskambju tal-ittri tagħha mal-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi, il-Kummissjoni tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li jitnaqqas is-superfiċje tal-art fis-SIK ta’ “Haringvliet” permezz tat-tneħħija tal-Leenheerenpolder bi iżball xjentifiku tal-Pajjiżi l-Baxxi fil-proposta oriġinali ta’ SIK. Madankollu, din il-ġustifikazzjoni ma hijiex konvinċenti.
1. Fuq l-iżball xjentifiku
30.
Il-Kummissjoni Ewropea hija tal-opinjoni li l-possibbiltà li jitnaqqas is-superfiċje ta’ SIK jew li jitneħħa kompletament mil-lista tas-SIK minħabba li jkun sar żball xjentifiku tirriżulta minn sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirrigwarda santwarju tal-għasafar fir-reġjun Franċiż ta’ Poitou. F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet aċċettat l-argument tal-Istat Membru li l-klassifikazzjoni ta’ ċerti żoni kienet saret bi żball. Fil-fatt, l-Istat Membru pproduċa prova li immedjatament qabel ma s-sit kien ġie nnotifikat lill-Kummissjoni, kienet ittieħdet deċiżjoni pożittiva, abbażi ta’ evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, dwar proġett ta’ kostruzzjoni ta’ triq fiż-żoni inkwistjoni ( 11 ).
31.
Minn dan il-Kummissjoni tiddeduċi li l-istatus ta’ protezzjoni taż-żoni jista’ jiġi rrevokat ukoll jekk id-deċiżjoni oriġinali dwar il-protezzjoni kienet ibbażata fuq is-suppożizzjoni li f’dawn iż-żoni hemm tipi ta’ habitats jew habitats ta’ speċijiet li għandhom jiġu protetti skont id-Direttiva “Habitats”, iżda li fil-verità la kienu preżenti hemmhekk u lanqas ma żviluppaw fil-frattemp ( 12 ).
32.
Madankollu, meta titqies iktar fid-dettall, is-sentenza dwar is-santwarju tal-għasafar f’Poitou ma ssostnix dawn il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni. Fil-fatt, f’din il-kawża ma kienx ikkonċernat żball tal-Istat Membru fl-identifikazzjoni tas-sit, iżda żball fil-komunikazzjoni mal-Kummissjoni, komparabbli ma’ żball klerikali li jiżnatura l-manifestazzjoni ta’ rieda. Sa fejn seħħ żball, dan kien dovut għall-Kummissjoni li, minħabba l-iżball fil-kartografija, kienet ġiet imqarrqa dwar l-intenzjonijiet tal-Istat Membru.
33.
Minkejja dan, l-opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-konsegwenzi ta’ żbalji xjentifiċi hija, fil-prinċipju, plawżibbli. Iż-żoni fejn, kuntrarjament għal preżunzjonijiet oriġinali, ma hemmx tipi ta’ habitats jew speċijiet protetti, ma jistgħux jipprovdu l-kontribut mistenni għall-ħolqien ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli. Madankollu, hawnhekk huwa irrilevanti kemm din l-opinjoni u l-kundizzjonijiet konkreti li l-Kummissjoni tistabbilixxi f’dan ir-rigward huma fl-aħħar mill-aħħar iġġustifikati.
34.
Dan għaliex fil-kawża ineżami ma jistax jiġi identifikat żball bħal dan.
35.
Għall-kuntrarju, ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi mill-bidu kien jaf dwar il-karatteristiċi tal-Leenheerenpolder u xorta waħda integraha fis-SIK, peress li inizjalment kien qiegħed jippjana li f’din il-polder jiżviluppaw habitats li jeħtieġu protezzjoni, taħt l-influwenza tal-marea. Skont it-talba għal deċiżjoni preliminari, il-Leenheerenpolder hija partikolarment adattata għal tali żvilupp, peress li wara eliminazzjoni tad-diga tas-sajf max-xmara Spui din tkun esposta għal dinamika tal-marea partikolarment qawwija. Il-possibbiltà ta’ żvilupp bħal dan għadha teżisti, iżda l-Pajjiżi l-Baxxi sadanittant abbandunaw dan il-pjan.
2. Fuq l-iżball tat-tbassir
36.
Madankollu, il-Kummissjoni hija tal-fehma li f’din il-proċedura l-iżball jikkonsisti fil-fatt li inizjalment il-Pajjiżi l-Baxxi assumew li l-miżuri ppjanati fil-Leenheerenpolder kienu neċessarji sabiex jinkiseb stat ta’ konservazzjoni favorevoli għal ċerti tipi ta’ habitats u speċijiet. Madankollu, fid-dawl ta’ żviluppi reċenti, jirriżulta li dan l-għan jista’ jinkiseb ukoll mingħajr il-miżuri inkwistjoni.
37.
Dan l-argument ma jikkonvinċinix għaliex il-proposta ta’ tnaqqis ta’ superfiċje ta’ sit – kif saħansitra sostnew il-Pajjiżi l-Baxxi fis-seduta – ma hijiex ibbażata fuq żball.
38.
Huwa minnu li l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi innotifikaw lill-Kummissjoni fit-30 ta’ Settembru 2014 li issa kienu jqisu l-ipoteżi li l-Leenheerenpolder setgħet tkun ta’ importanza għall-konservazzjoni u r-restawrazzjoni ta’ tipi ta’ habitats bħala żball xjentifiku. Madankollu, ma huwiex ikkontestat li dawn iż-żoni xorta waħda għadhom jistgħu jikkontribwixxu għar-restawrazzjoni ta’ habitats li jeħtieġu protezzjoni. L-allegazzjoni ta’ żball xjentifiku iktar tidher li hija dovuta esklużivament għall-fatt li qabel, f’ittra tal-10 ta’ Settembru 2014, il-Kummissjoni kienet irrifjutat li ċċekken is-SIK ta’ “Haringvliet”, u talbet lill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi jispjegaw għalfejn l-inklużjoni oriġinali tal-Leenheerenpolder fis-SIK issa titqies bħala żball xjentifiku.
39.
Il-motivazzjoni reali tal-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi hija li l-pjanijiet għal miżuri ta’ restawrazzjoni fil-Leenheerenpolder kienu ġew abbandunati fis-sena 2011 minħabba raġunijiet politiċi, soċjali u baġitarji, filwaqt li ttieħdu inkunsiderazzjoni l-miri ta’ konservazzjoni taż-żona ta’ protezzjoni speċjali ta’ “Haringvliet”. Fis-sit kien hemm biżżejjed possibbiltajiet għar-restawrazzjoni u t-tkabbir ta’ habitats. Diversi miżuri jissemmew sussegwentement.
40.
Dan ma jikkostitwixxix żball dwar il-potenzjal ta’ restawrazzjoni, iżda aġġustament ġdid tal-għanijiet tal-iżvilupp fi ħdan is-SIK ta’ “Haringvliet”. Il-Kummissjoni ma ħaditx dan inkunsiderazzjoni meta approvat it-tnaqqis tas-superfiċje tas-sit. Għalhekk, hija partikolarment ma eżaminatx jekk, fid-dawl ta’ dan, il-Leenheerenpolder għadhiex meħtieġa għall-għan ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli mill-perspettiva tal-Unjoni fl-intier tagħha.
41.
Konsegwentement, il-motivazzjoni tal-Kummissjoni ma tiġġustifikax it-tnaqqis tas-superfiċje tas-SIK ta’ “Haringvliet”.
3. Konklużjoni ad interim
42.
Għalhekk, id-dubji tar-Raad van State dwar id-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tnaqqas is-superfiċje tas-SIK ta’ “Haringvliet” huma fondati. Il-motivazzjoni tal-Kummissjoni ma tistax tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha dwar it-tnaqqis tas-superfiċje tas-SIK ta’ “Haringvliet”. Għalhekk, id-deċiżjoni ta’ implementazzjoni (UE) 2015/72 hija illegali u għandha tiġi annullata sa fejn din tnaqqas is-superfiċje tas-SIK.
C. Fuq in-nuqqasijiet formali tad-deċiżjoni ta’ implementazzjoni
43.
Addizzjonalment, nixtieq insostni li d-deċiżjoni ta’ implementazzjoni (UE) 2015/72, sa fejn din tinkludi deċiżjoni dwar it-tnaqqis tas-superfiċje tas-SIK ta’ “Haringvliet”, hija invalida wkoll minħabba raġunijiet oħra; b’mod partikolari peress li tikser il-prinċipju ta’ ċertezza legali u l-motivazzjoni tagħha ma hijiex evidenti mingħajr għarfien tal-komunikazzjoni bejn il-Kummissjoni u l-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi.
1. Fuq il-prinċipju ta’ ċertezza legali
44.
Skont il-prinċipju ta’ ċertezza legali, leġiżlazzjoni tal-Unjoni għandha tippermetti lill-persuni kkonċernati jkollhom għarfien mingħajr ambigwità tad-drittijiet u tal-obbligi tagħhom u jipproċedu debitament ( 13 ). Peress li bidla fid-daqs ta’ SIK tista’ taffettwa d-drittijiet u l-obbligi ta’ utenti tal-art kif ukoll ta’ terzi kkonċernati, speċjalment ta’ għaqdiet ambjentali ( 14 ), din trid tkun identifikabbli b’mod ċar biżżejjed.
45.
Fiha nfisha, id-deċiżjoni ta’ implementazzjoni (UE) 2015/72 hija nieqsa minn din iċ-ċarezza. Fil-fatt, hija ma tinkludix riferiment espliċitu, lanqas biss kodifikazzjoni, li s-SIK ta’ “Haringvliet” inbidel. Huwa biss meta wieħed iqabbilha mal-verżjoni applikabbli preċedentement li jirriżulta li s-superfiċje tiegħu huwa inqas milli kien qabel. Madankollu, ma huwiex evidenti li għandu jsir dan il-paragun, għaliex il-lista aġġornata tinkludi s-SIK kollha, jiġifieri eluf ta’ SIK fir-reġjun bijoġeografiku Atlantiku. Huwa improbabbli li jiġu eżaminati s-siti kollha elenkati fir-rigward ta’ tibdil fid-daqs tagħhom.
46.
Għalhekk, id-deċiżjoni ta’ implementazzjoni (UE) 2015/72 ma għandhiex iċ-ċarezza neċessarja fir-rigward tat-tnaqqis tas-superfiċje tas-SIK ta’ “Haringvliet” bit-tneħħija tal-Leenheerenpolder.
2. Fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni
47.
Barra minn hekk, skont l-Artikolu 296(2) TFUE, l-atti tal-Unjoni għandhom ikunu mmotivati. Il-motivazzjoni għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att inkwistjoni b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jsiru jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-Qorti tal-Ġustizzja teżerċita l-istħarriġ tagħha. Madankollu, din ma għandhiex għalfejn tinkludi kull punt rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi. L-osservanza tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandha, barra minn hekk, tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tal-kliem tal-att, iżda wkoll tal-kuntest tiegħu kif ukoll tar-regoli ġuridiċi kollha li japplikaw fil-qasam ikkonċernat ( 15 ). Għalhekk, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss il-premessi iżda anki l-kuntest usa’ tal-miżura inkwistjoni ( 16 ).
48.
Konsegwentement, ma huwiex neċessarju li l-bidliet kollha fis-SIK tar-reġjun bijoġeografiku Atlantiku jiġu mmotivati fid-deċiżjoni inkwistjoni, sakemm ikun ċar fejn tinsab din il-motivazzjoni. Għaldaqstant, il-motivazzjoni tal-istabbiliment oriġinali tal-lista Komunitarja ma kellhiex tiġi kkontestata għaliex, fl-aħħar mill-aħħar, il-motivazzjoni kellha tirriżulta mill-formoli standard tad-data dwar is-siti individwali.
49.
Min-naħa l-oħra, fil-kawża ineżami għandu jiġi kkonstatat, sfortunatament, li fid-deċiżjoni ta’ implementazzjoni (UE) 2015/72 ma hemm ebda tentattiv ta’ motivazzjoni, għaliex id-deċiżjoni dwar it-tnaqqis tas-superfiċje tas-SIK ta’ “Haringvliet” bilkemm tista’ tiġi identifikata fid-deċiżjoni ta’ implementazzjoni. Għaldaqstant, id-deċiżjoni ta’ implementazzjoni ma tagħtix l-opportunità li jiġi indirizzat il-kuntest kif ukoll li – possibbilment – jinkiseb tagħrif dwar l-iskambju tal-ittri diskuss hawn fuq dwar it-tnaqqis tas-superfiċje tas-sit.
50.
Il-fatt li fil-kawża ineżami l-Pajjiżi l-Baxxi, bħala l-Istat Membru kkonċernat, kien informat u, apparentement, numru ta’ partijiet ikkonċernati ġew informati dwar il-proċess mill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi, ma jistax jagħmel tajjeb għan-nuqqas ta’ motivazzjoni. Dan għaliex l-iżviluppi koinċidentali ma jistgħux jiggarantixxu li l-partijiet ikkonċernati kollha setgħu jiġu informati bir-raġunijiet.
D. Fuq il-kundizzjonijiet għat-tnaqqis tas-superfiċje ta’ SIK bl-esklużjoni ta’ żoni ta’ restawrazzjoni potenzjali
51.
Minkejja dan, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti ma jirriżultax li fiċ-ċirkustanzi tal-kawża preżenti għandu jiġi eskluż it-tnaqqis fid-daqs ta’ SIK. Huwa minnu li għal dan il-għan ma jistgħux jiġu invokati l-każijiet irrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja preċedentement, jiġifieri żball ta’ komunikazzjoni fir-rigward tal-identifikazzjoni tas-sit ( 17 ) jew id-deterjorament inevitabbli tiegħu ( 18 ). Bl-istess mod, ma tistax tintlaqa’ s-sitwazzjoni invokata mill-Kummissjoni ta’ żball xjentifiku dwar il-karatteristiċi tas-sit. Madankollu, fil-każ ineżami, li huwa pjuttost atipiku, tidher in-neċessità li tiġi rrikonoxxuta possibbiltà oħra għat-tnaqqis tas-superfiċje tas-sit.
1. Fuq l-obbligu li jiġu protetti iż-żoni potenzjali għal miżuri ta’ restawrazzjoni
52.
Il-punt tat-tluq għandu jkun ir-raġuni oriġinali għall-integrazzjoni tal-Leenheerenpolder fis-SIK ta’ “Haringvliet”. Din ma kinitx il-protezzjoni tal-preżenza ta’ tipi ta’ habitats jew speċijiet li jeħtieġu protezzjoni iżda l-potenzjal li din iż-żona tiżviluppa tali habitats u speċijiet.
a) L-obbligu ta’ miżuri ta’ restawrazzjoni
53.
L-obbligu li “artijiet potenzjali” bħal dawn jiġu proposti bħala SIK jista’ l-iktar l-iktar jiġi dedott b’mod indirett mill-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1) u l-Anness III (Stadju 1) tad-Direttiva “Habitats”. Skont l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(1), l-Istati Membri għandhom jindikaw liema tipi ta’ habitats u speċijiet li għandhom jiġu protetti jinsabu fis-sit propost. Dan jista’ jiġi interpretat fis-sens li huma biss speċijiet jew habitats eżistenti li jistgħu jiġġustifikaw il-proposta ta’ sit. Madankollu, l-Anness III (Stadju 1) jipprovdi wkoll il-possibbiltà ta’ restawrazzjoni ta’ okkorrenzi waqt l-evalwazzjoni. Barra minn hekk, l-Artikolu 4(4) jeżiġi li meta SIK jiġi kklassifikat bħala żona ta’ protezzjoni speċjali għandhom jiġu stabbiliti prijoritajiet skont l-importanza tas-sit b’mod partikolari għar-restawrazzjoni ta’ tipi ta’ habitats u speċijiet.
54.
L-inklużjoni tal-potenzjal ta’ restawrazzjoni fl-identifikazzjoni tas-SIK hija konformi mal-għan tal-Artikolu 2(2) u tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva “Habitats”, jiġifieri r-restawrazzjoni ta’ stat ta’ konservazzjoni favorevoli tal-habitats naturali u l-ispeċijiet tal-fawna u l-flora selvaġġi li huma ta’ interess għall-Komunità. Fil-każ li t-tipi ta’ habitats jew speċijiet eżistenti ma jkunux suffiċjenti sabiex jiggarantixxu stat ta’ konservazzjoni favorevoli, għandhom jiġu rrestawrati tali okkorrenzi.
b) Fuq l-importanza tal-istat ta’ konservazzjoni
55.
Madankollu, dan ma jfissirx li ż-żoni kollha potenzjali għal miżuri ta’ restawrazzjoni fir-rigward ta’ tipi ta’ habitats jew speċijiet protetti għandhom jiġu proposti bħala SIK u inklużi fil-lista Komunitarja.
56.
Il-kriterju deċiżiv sabiex jiġi ddeterminat jekk tali żona għandhiex tintuża huwa l-istat ta’ konservazzjoni tat-tipi ta’ habitats jew speċijiet ikkonċernati. Skont id-definizzjonijiet tal-Artikolu 1(e) u (i) tad-Direttiva “Habitats”, stat ta’ konservazzjoni favorevoli essenzjalment jirrikjedi li t-tip ta’ habitat jew tal-ispeċi ikunu ilhom preżenti mill-inqas b’mod stabbli għal perijodu twil.
57.
Sakemm u sa fejn l-istat ta’ konservazzjoni jkun favorevoli, jiġifieri meta l-ispeċijiet u l-habitats ikunu ilhom stabbli għal żmien twil jew saħansitra ikunu qegħdin jiżdiedu, ma jkun hemm ebda obbligu li jittieħdu miżuri ta’ restawrazzjoni jew li jiġu inklużi żoni potenzjali għal miżuri ta’ restawrazzjoni fil-proposti ta’ siti. Min-naħa l-oħra, jekk stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli jista’ jittejjeb biss permezz tal-isfruttament ta’ potenzjal partikolari ta’ restawrazzjoni, ftit li xejn jista’ jiġi ġġustifikat li jkun hemm rinunzja tal-miżuri korrispondenti u taż-żoni kkonċernati.
58.
Madankollu, ħafna drabi s-sitwazzjoni ma hijiex ser tkun daqshekk ċara. Bejn l-inċertezza xjentifika dwar l-istat ta’ konservazzjoni tat-tipi ta’ habitats jew speċijiet fuq naħa, u l-effettività tal-miżuri ta’ restawrazzjoni fuq in-naħa l-oħra, diġà hemm ħafna lok għal deċiżjonijiet diffiċli fir-rigward tat-tbassir. Barra minn hekk, jekk ikun hemm diversi possibbiltajiet għar-restawrazzjoni tal-preżenza ta’ speċijiet u habitats, ħafna drabi aktarx tingħata libertà fl-għażla bejn dawn il-possibbiltajiet, li essenzjalment taqa’ f’idejn l-awtoritajiet nazzjonali. Għaldaqstant, jidher li huwa pjuttost improbabbli li fil-prattika jkunu meħtieġa miżuri partikolari ta’ restawrazzjoni. Huwa wkoll possibbli, fil-prinċipju, li l-istrateġija għar-restawrazzjoni ta’ tipi ta’ habitats u speċijiet tiġi emendata maż-żmien.
c) Fuq il-livell tal-evalwazzjoni tal-istat ta’ konservazzjoni
59.
Fil-proċedura preżenti ġie diskuss b’mod partikolari jekk għandux jiġi ggarantit stat ta’ konservazzjoni favorevoli fuq il-livell tal-Unjoni, tal-Istat Membru jew tas-sit inkwistjoni. F’dan ir-rigward, mid-definizzjonijiet tal-Artikolu 1(e) u (i) kif ukoll l-Artikolu 2 tad-Direttiva “Habitats” jirriżulta li l-għan huwa stat ta’ konservazzjoni favorevoli fl-Unjoni kollha. Fl-aħħar mill-aħħar, dan irid ikun il-kriterju fundamentali għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni.
60.
Min-naħa l-oħra, l-Istat Membru ġeneralment ma jistax jevalwa b’mod eżawrjenti s-sitwazzjoni fl-Unjoni kollha ( 19 ). Fil-każ tal-proposta għal tnaqqis tas-superfiċje ta’ sit, huwa irid jeżamina, qabelxejn, jekk iż-żoni li għandhom jiġu esklużi għandhomx importanza ekoloġika sinjifikattiva fuq livell nazzjonali, li hija rilevanti mill-perspettiva tal-għan tad-Direttiva tal-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġi. Madankollu, jista’ jkun raġonevoli li tittieħed inkunsiderazzjoni kwalunkwe prova li teżisti fuq livell Ewropew, fil-każ li turi li, fil kwalunkwe każ, ma huwiex possibbli li ż-żoni jiġu esklużi minn perspettiva Ewropea.
61.
Madankollu, l-istat ta’ konservazzjoni tat-tipi ta’ habitats u speċijiet li jinsabu f’siti partikolari jista’ jkun ta’ interess speċjali anki jekk dan l-istat ikun sfavorevoli fis-sit inkwistjoni. F’każ bħal dan, ir-rinunzja ta’ miżuri ta’ restawrazzjoni li jistgħu jtejbu l-istat ta’ konservazzjoni tista’ tippreġudika l-projbizzjoni ta’ deterjorament stabbilita fl-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats” ( 20 ). Fil-fatt, dan jista’ jikkawża biża’ li l-istat tat-tipi ta’ habitats jew speċijiet ikkonċernati jiġu ddeterjorati jekk ma jittiħdux il-miżuri ta’ restawrazzjoni. Dan għandu jittieħed inkunsiderazzjoni, partikolarment fil-kuntest tal-eżami tat-tnaqqis tas-superfiċje tas-sit.
62.
Madankollu, anki fir-rigward ta’ siti individwali, mhux kull potenzjal ta’ restawrazzjoni għandu neċessarjament jiġi rrikonoxxut u integrat fis-sit, anki fil-każ ta’ stat ta’ konservazzjoni sfavorevoli. Dan għaliex partikolarment fil-każ ta’ siti kbar bħas-SIK ta’ “Haringvliet”, ġeneralment jistgħu jkunu possibbli miżuri ta’ restawrazzjoni differenti, bil-konsegwenza li l-Istati Membri u, fil-prinċipju, il-Kummissjoni, ikollhom diskrezzjoni fl-għażla.
63.
Fl-aħħar nett, għandu jiġi nnotat li għall-inqas fil-każ tat-tnaqqis tas-superfiċje ta’ sit minħabba n-nuqqas ta’ importanza ta’ żoni speċifiċi sabiex jiġi żgurat stat ta’ konservazzjoni favorevoli, ir-raġunijiet politiċi, soċjali u baġitarji msemmija mill-awtoritajiet tal-Pajjiżi l-Baxxi ma jistgħux ikunu rilevanti ( 21 ). Raġunijiet bħal dawn jistgħu biss ikunu sinjifikattivi jekk it-tnaqqis tas-superfiċje tas-sit isir neċessarju sabiex, abbażi tal-Artikolu 6(4) tad-Direttiva “Habitats”, SIK jiċċekken għall-finijiet ta’ implementazzjoni ta’ pjanijiet jew proġetti partikolari. Madankollu, f’dan il-każ ikollhom jiġu previsti proġetti jew pjanijiet speċifiċi filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-kundizzjonijiet l-oħra kollha tal-imsemmija dispożizzjoni.
2. Fuq il-kriterju ta’ stħarriġ applikabbli għat-tnaqqis tas-superfiċje ta’ sit
64.
Is-setgħa diskrezzjonali eżistenti fil-kuntest tad-deċiżjoni tat-tnaqqis tas-superfiċje ta’ SIK hija ta’ importanza ċentrali għall-istħarriġ ta’ din id-deċiżjoni mill-qorti tal-Unjoni.
65.
Kemm il-proposta tal-Istat Membru kif ukoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni huma normalment ikkaratterizzati minn kumplessità fattwali u xjentifika sostanzjali.
66.
L-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom, fil-prinċipju, jingħataw marġni ta’ diskrezzjoni wiesgħa meta jkollhom jieħdu deċiżjonijiet bħal dawn ( 22 ). Dan irid japplika b’mod partikolari għad-deċiżjoni tal-Kummissjoni fil-kawża ineżami.
67.
Madankollu, l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali ma huwiex eskluż mill-istħarriġ ġudizzjarju. Fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-osservanza tar-regoli tal-proċedura, l-eżattezza tal-fatti sostnuti mill-Kummissjoni, l-assenza ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew l-assenza ta’ użu ħażin ta’ poter. B’mod partikolari, meta parti tinvoka żball manifest ta’ evalwazzjoni li allegatament ikun sar mill-istituzzjoni kompetenti, il-qorti tal-Unjoni għandha tistħarreġ jekk din l-istituzzjoni tkunx eżaminat, b’attenzjoni u b’imparzjalità, il-fatti rilevanti kollha tal-każ partikolari, fatti li jsostnu l-konklużjonijiet li nsiltu minnhom ( 23 ).
68.
Waqt l-investigazzjoni taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-proposta minn Stat Membru ta’ żoni għar-restawrazzjoni tal-habitats u/jew speċijiet u l-aċċettazzjoni tal-proposta mill-Kummissjoni jiġġustifikaw il-preżunzjoni li dawn iż-żoni huma meħtieġa sabiex jintlaħaq stat ta’ konservazzjoni favorevoli tat-tipi ta’ habitats u tal-ispeċijiet ikkonċernati.
69.
Għaldaqstant, meta Stat Membru jressaq proposta għat-tnaqqis tas-superfiċje ta’ sit billi jitneħħew żoni li fir-rigward tagħhom jeżisti l-potenzjal ta’ miżuri ta’ restawrazzjoni, dan irid jikkonfuta l-preżunzjoni tan-neċessità ta’ dawn il-miżuri. Għal dan il-għan, ma tkunx suffiċjenti sempliċi dikjarazzjoni kif kienet inkluża fl-informazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti tal-Pajjiżi l-Baxxi, li l-Kummissjoni bbażat ruħha fuqhom meta ħadet deċiżjoni dwar it-tnaqqis tas-superfiċje tas-sit. Għall-kuntrarju, l-Istat Membru jkollu juri, b’mod konklużiv u abbażi tal-aqwa għarfien xjentifiku disponibbli, għalfejn huwa tal-opinjoni li stat ta’ konservazzjoni tajjeb jista’ jiġi ggarantit jew jinkiseb fil-futur anki mingħajr dawn iż-żoni.
70.
B’mod partikolari, sa fejn ma jkunx għadu ġie stabbilit li l-istat ta’ konservazzjoni tat-tipi ta’ habitats u speċijiet inkwistjoni ġewwa s-SIK ikkonċernat huwa wieħed favorevoli, is-setgħa diskrezzjonali fl-għażla fir-rigward tal-protezzjoni ta’ żoni potenzjali ta’ restawrazzjoni fis-SIK saħansitra tista’ tiġi kompletament eskluża. F’tali każ, fuq il-bażi tal-projbizzjoni ta’ deterjorament tal-Artikolu 6(2) tad-Direttiva “Habitats”, f’każ bħal dan l-Istat Membru normalment ikun għadu ma jistax jirrinunzja l-importanza ekoloġika taż-żoni, li ġew integrati fis-SIK minħabba l-potenzjal ta’ restawrazzjoni tagħhom, għall-finijiet tal-konservazzjoni tal-habitats naturali kif ukoll tal-fawna u tal-flora selvaġġi. Dan għaliex ma jistax jiġi eskluż li dawn ser ikunu meħtieġa jekk jirriżulta li miżuri ta’ restawrazzjoni oħra ma humiex suffiċjenti. Għaldaqstant, f’dak il-mument ma jkunux jistgħu jitilfu l-istatus ta’ protezzjoni tagħhom.
71.
L-aċċettazzjoni mill-Kummissjoni tal-proposta tal-Istat Membru għal tnaqqis tas-superfiċje ta’ sit hija possibbli biss jekk l-Istat Membru jikkonvinċiha, b’tagħrif xjentifikament stabbilit, li mill-perspettiva nazzjonali ż-żoni inkwistjoni ma għandhomx importanza sostanzjali għall-finijiet tal-konservazzjoni tal-habitats naturali u tal-ispeċijiet, u sakemm anki mill-perspettiva tal-Unjoni fl-intier tagħha ma jkunx hemm oġġezzjonijiet sabiex is-sit jiċċekken billi jitneħħew dawn iż-żoni.
3. Konklużjoni ad interim
72.
Fl-aħħar nett, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni Ewropea tista’ tnaqqas is-superfiċje ta’ SIK, skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva “Habitats”, fuq proposta tal-Istat Membru kompetenti jekk iż-żoni kkonċernati jkunu jagħmlu parti mis-SIK esklużivament fir-rigward ta’ miżuri futuri ta’ restawrazzjoni ta’ tipi ta’ habitats u/jew speċijiet, u meta l-Istat Membru jipprovdi informazzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni tistabbilixxi li miżuri fir-rigward ta’ dawn iż-żoni ma humiex neċessarji sabiex jiġi ggarantit stat ta’ konservazzjoni favorevoli għat-tipi ta’ habitats u/jew speċijiet ikkonċernati.
V. Konklużjoni
73.
Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-talba għal deċiżjoni preliminari kif ġej:
1)
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/72, tat-3 ta’ Diċembru 2014, li tadotta t-tmien aġġornament tal-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku hija invalida sa fejn il-Leenheerenpolder ma għadhiex inkorporata fis-sit “Haringvliet” (NL1000015).
2)
Skont l-Artikolu 4 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, il-Kummissjoni Ewropea tista’, fuq proposta tal-Istat Membru kompetenti, tnaqqas is-superfiċje ta’ sit ta’ importanza Komunitarja jekk iż-żoni kkonċernati jkunu jagħmlu parti mis-sit esklużivament fir-rigward ta’ miżuri futuri ta’ restawrazzjoni ta’ tipi ta’ habitats u/jew speċijiet, u meta l-Istat Membru jipprovdi informazzjoni li tippermetti lill-Kummissjoni tistabbilixxi li miżuri fir-rigward ta’ dawn iż-żoni ma humiex neċessarji sabiex jiġi ggarantit stat ta’ konservazzjoni favorevoli għat-tipi ta’ habitats u/jew speċijiet ikkonċernati.
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Ġermaniż.
( 2 ) Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, tal-21 ta’ Mejju 1992, dwar il-konservazzjoni tal-habitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 102).
( 3 ) Deċiżjoni tal-Kunmissjoni, tas-7 ta’ Diċembru 2004, li tadotta, skont id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE, l-elenku ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bioġeografiku Atlantiku (ĠU L 269M, p. 150).
( 4 ) L-iktar reċenti bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2335, tad-9 ta’ Diċembru 2016, li tadotta l-għaxar aġġornament tal-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku (ĠU 2016, L 353, p. 533).
( 5 ) Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, tat-3 ta’ Diċembru 2014, li tadotta t-tmien aġġornament tal-lista ta’ siti ta’ importanza Komunitarja għar-reġjun bijoġeografiku tal-Atlantiku (ĠU 2015, L 18, p. 385).
( 6 ) ECLI:NL:RVS:2014:3543.
( 7 ) Sentenza tat-3 ta’ April 2014, Cascina Tre Pini (C‑301/12, EU:C:2014:214, punt 26).
( 8 ) Sentenzi tal-11 ta’ Settembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑67/99, EU:C:2001:432, punt 33), Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑71/99, EU:C:2001:433, punt 26) u Il-Kummissjoni vs Franza (C‑220/99, EU:C:2001:434, punt 30), kif ukoll tat-3 ta’ April 2014, Cascina Tre Pini (C‑301/12, EU:C:2014:214, punt 27).
( 9 ) Sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2000, First Corporate Shipping (C‑371/98, EU:C:2000:600, punt 22), kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑67/99, EU:C:2001:432, punt 34), Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑71/99, EU:C:2001:433, punt 27) u Il-Kummissjoni vs Franza (C‑220/99, EU:C:2001:434, punt 31).
( 10 ) Sentenzi tas-7 ta’ Novembru 2000, First Corporate Shipping (C‑371/98, EU:C:2000:600, punt 23), kif ukoll tal-11 ta’ Settembru 2001, Il-Kummissjoni vs L-Irlanda (C‑67/99, EU:C:2001:432, punt 35), Il-Kummissjoni vs Il-Ġermanja (C‑71/99, EU:C:2001:433, punt 28) u Il-Kummissjoni vs Franza (C‑220/99, EU:C:2001:434, punt 32).
( 11 ) Sentenza tal-25 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs Franza (Poitou) (C‑96/98, EU:C:1999:580, punt 54).
( 12 ) Ara n-“Note to the Members of the Habitats Committee” tal-21 ta’ Ġunju 2005, Anness 4, dwar l-istqarrija bil-miktub tal-Kummissjoni (aċċessibbli fuq ).
( 13 ) Sentenzi tal-21 ta’ Ġunju 2007, ROM-projecten (C‑158/06, EU:C:2007:370, punt 25), u tal-10 ta’ Marzu 2009, Heinrich (C‑345/06, EU:C:2009:140, punt 44).
( 14 ) Ara s-sentenzi tas-7 ta’ Diċembru 2000, Il-Kummissjoni vs Franza (C‑374/98, EU:C:2000:670, punt 54), tas-7 ta’ Settembru 2004, Waddenvereniging u Vogelbeschermingsvereniging (C‑127/02, EU:C:2004:482, punti 66 u 69), u tat-8 ta’ Novembru 2016, Lesoochranárske zoskupenie VLK (C‑243/15, EU:C:2016:838, b’mod partikolari l-punt 44).
( 15 ) Ara, pereżempju, is-sentenzi tad-19 ta’ Novembru 2013, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑63/12, EU:C:2013:752, punti 98 u 99), u tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 70).
( 16 ) Eżemplari s-sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 71).
( 17 ) Sentenza tal-25 ta’ Novembru 1999, Il-Kummissjoni vs Franza (Poitou) (C‑96/98, EU:C:1999:580, punti 52 sa 55).
( 18 ) Sentenza tat-3 ta’ April 2014, Cascina Tre Pini (C‑301/12, EU:C:2014:214, punti 27, 30 u 32 sa 34).
( 19 ) Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2000, First Corporate Shipping (C‑371/98, EU:C:2000:600, punt 23).
( 20 ) Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-20 ta’ Ottubru 2005, Il-Kummissjoni vs Ir-Renju Unit (Ġibiltà,C‑6/04, EU:C:2005:626, punt 34).
( 21 ) Sentenza tas-7 ta’ Novembru 2000, First Corporate Shipping (C‑371/98, EU:C:2000:600, punti 23 u 24).
( 22 ) Sentenzi tad-9 ta’ Settembru 2004, Spanja vs Il-Kummissjoni (C‑304/01, EU:C:2004:495, punt 23), tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni (C‑326/05 P, EU:C:2007:443, punt 75), tat-22 ta’ Diċembru 2010, Gowan Comércio Internacional e Serviços (C‑77/09, EU:C:2010:803, punt 82), tad-19 ta’ Diċembru 2012, Brookfield New Zealand u Elaris vs CPVO u Schniga (C‑534/10 P, EU:C:2012:813, punt 50), tas-16 ta’ Ġunju 2015, Gauweiler et (C‑62/14, EU:C:2015:400, punt 68), u tat-8 ta’ Settembru 2016, Borealis et (C‑180/15, EU:C:2016:647, punt 45).
( 23 ) Sentenzi tat-18 ta’ Lulju 2007, Industrias Químicas del Vallés vs Il-Kummissjoni (C‑326/05 P, EU:C:2007:443, punti 76 u 77), tas-6 ta’ Novembru 2008, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kummissjoni (C‑405/07 P, EU:C:2008:613, punti 55 u 56), kif ukoll tad-9 ta’ Lulju 2015, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni (C‑360/14 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:457, punt 37).