KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
WAHL
ippreżentati fit-3 ta’ Mejju 2017 ( 1 )
Kawża C‑300/16 P
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Frucona Košice a.s.
“Appell — Għajnuna mill-Istat — Kriterju tal-operatur privat — Kriterji relatati mal-applikabbiltà u mal-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju — Evalwazzjoni globali — Oneru tal-prova — Evalwazzjoni tal-provi”
1.
Permezz tal-appell tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T‑103/14 ( 2 ). F’din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali annullat id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/342/UE, tas-16 ta’ Ottubru 2013, dwar l-għajnuna mill-Istat Nru SA.18211 (C 25/2005) (ex NN 21/2005) mogħtija mir-Repubblika Slovakka lil Frucona Košice a.s. ( 3 ).
2.
Dan l-appell jikkonċerna l-mistoqsija li ġejja: il-Kummissjoni meta u kif għandha tapplika l-hekk imsejjaħ “kriterju ta’ operat privat”? ( 4 ) B’mod iktar speċifiku, din il-kawża tirrigwarda l-portata tal-obbligi tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju u fl-evalwazzjoni tal-imġiba ta’ awtorità pubblika li għandha l-istatus ta’ kreditur fil-konfront tal-benefiċjarju tal-allegata għajnuna.
I. Il-fatti li wasslu għall-kawża
3.
Fir-rigward tal-fatti li wasslu għal din il-kawża, mis-sentenza appellata jista’ jiġi dedott dan li ġej.
4.
Il-konvenuta, Frucona Košice a.s. (iktar ’il quddiem “Frucona”), hija kumpannija rregolata mid-dritt Slovakk li kienet attiva, fost affarijiet oħra, fis-settur tal-produzzjoni ta’ xorb alkoħoliku.
5.
Bejn Novembru 2002 u Novembru 2003, Frucona bbenefikat minn diversi posponimenti ta’ ħlas ta’ djun fiskali. Dawn id-djun fiskali kienu jikkonsistu f’dazji tas-sisa mhux imħallsa. L-uffiċċju tat-taxxa Košice IV (iktar ’il quddiem l-“awtorità tat-taxxa lokali”) kien ta l-posponimenti wara li Frucona kienet ikkostitwixxiet garanziji finanzjarji favur tiegħu.
6.
Fil-25 ta’ Frar 2004, minħabba diffikultajiet finanzjarji, Frucona ma kinitx f’pożizzjoni li tħallas id-dazji tas-sisa dovuti minnha għax-xahar ta’ Jannar 2004. Wara bidla leġiżlattiva b’effett mill-1 ta’ Jannar 2004, Frucona ma setgħetx iktar tikseb il-posponiment fir-rigward tal-ħlas ta’ dawn id-dazji tas-sisa.
7.
Konsegwentement, Frucona sabet ruħha f’sitwazzjoni ta’ dejn fis-sens taz-Zákon č. 328/1991 Zb. o konkurze a vyrovnaní (Liġi Slovakka Nru 328/1991 dwar stralċijiet ġudizzjarji u arranġamenti mal-kredituri).
8.
Fit-8 ta’ Marzu 2004, Frucona ressqet talba għall-ftuħ ta’ proċedura ta’ arranġament ġuridiku quddiem il-Krajský súd v Košiciach (qorti reġjonali, Košice, is-Slovakkja). F’din it-talba, Frucona pproponiet li tħallas lil kull wieħed mill-kredituri tagħha 35 % tal-ammont li hija kellha tagħtihom. Id-dejn totali kien jammonta għal madwar SKK 644.6 miljun. Id-djun fiskali kienu jikkostitwixxu l-maġġoranza l-kbira ta’ dan l-ammont, madwar SKK 640.8 miljun.
9.
Permezz ta’ deċiżjoni tad-29 ta’ April 2004, il-Krajský súd v Košiciach (qorti reġjonali, Košice) awtorizzat il-proċedura ta’ arranġament ġuridiku.
10.
Fid-9 ta’ Lulju 2004, il-kredituri ta’ Frucona, inkluża l-awtorità tat-taxxa lokali, aċċettaw il-proposta ta’ arranġament ġuridiku matul seduta dwar dan l-arranġament. Matul il-proċedura ta’ arranġament ġuridiku, l-awtorità tat-taxxa lokali kienet qiegħda taġixxi bħala kreditur separat. Hija kienet tgawdi minn dan l-istatus minħabba l-garanziji kkostitwiti favur tagħha minn Frucona bħala korrispettiv għall-posponimenti ta’ ħlas tad-dazji tas-sisa msemmija iktar ’il fuq.
11.
Qabel id-9 ta’ Lulju 2004, Frucona kienet bagħtet lill-awtorità tat-taxxa lokali rapport ta’ verifika mfassal minn kumpannija ta’ awdituri indipendenti (iktar ’il quddiem ir-“rapport E”). Dan ir-rapport kien maħsub sabiex jippermetti lill-awtorità tat-taxxa lokali tevalwa l-vantaġġi, minn naħa, tal-arranġament ġuridiku, u, min-naħa l-oħra, tal-istralċ ġudizzjarju.
12.
Fil-21 ta’ Ġunju 2004, l-awtoritajiet tat-taxxa Slovakki għamlu spezzjoni fuq il-post, fil-bini ta’ Frucona. Waqt din l-ispezzjoni, ġiet iddeterminata s-sitwazzjoni finanzjarja ta’ Frucona fis-17 ta’ Ġunju 2004.
13.
Permezz ta’ deċiżjoni tal-14 ta’ Lulju 2004, il-Krajský súd v Košiciach (qorti reġjonali, Košice) ikkonfermat l-arranġament ġuridiku. Skont l-arranġament ġuridiku, il-kreditu tal-awtoritajiet tat-taxxa Slovakki kellu jitħallas lura sa 35 %, jiġifieri kellu jitħallas ammont ta’ madwar SKK 224.3 miljun.
14.
Permezz ta’ ittra tal-20 ta’ Ottubru 2004, l-awtorità tat-taxxa lokali indikat lil Frucona li l-modalitajiet tal-arranġament ġuridiku, li jipprevedu li parti mid-dejn fiskali ma kellhiex titħallas lura, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat indiretta suġġetta għall-awtorizzazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.
15.
Fis-17 ta’ Diċembru 2004, Frucona ħallset lill-awtorità tat-taxxa lokali ammont ta’ SKK 224.3 miljun, li kien jikkorrispondi għal 35 % tad-dejn fiskali totali tagħha. Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Diċembru 2004, il-Krajský súd v Košiciach (qorti reġjonali, Košice) iddikjarat l-għeluq tal-proċedura ta’ arranġament ġuridiku. Fit-18 ta’ Awwissu 2006, din il-qorti naqqset l-ammont li kellu jitħallas lill-awtorità tat-taxxa lokali għal SKK 224.1 miljun.
Il-proċedura amministrattiva
16.
Fil-15 ta’ Ottubru 2004, tressaq ilment quddiem il-Kummissjoni dwar għajnuna mill-Istat allegatament illegali favur Frucona.
17.
Permezz ta’ ittra tal-4 ta’ Jannar 2005, ir-Repubblika Slovakka informat lill-Kummissjoni, wara talba għal informazzjoni, bil-possibbiltà li Frucona kienet irċeviet għajnuna illegali u talbitha tapprova din l-għajnuna bħala għajnuna għas-salvataġġ ta’ kumpannija f’diffikultà.
18.
Permezz ta’ ittra tal-5 ta’ Lulju 2005, wara li ġabret informazzjoni addizzjonali, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Repubblika Slovakka bid-deċiżjoni tagħha li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali fis-sens ta’ dak li llum huwa l-Artikolu 107(2) TFUE fir-rigward tal-miżura inkwistjoni ( 5 ).
19.
Permezz ta’ ittra tal-10 ta’ Ottubru 2005, ir-Repubblika Slovakka kkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha fuq il-miżura inkwistjoni lill-Kummissjoni. Bl-istess mod, permezz ta’ ittra tal-24 ta’ Ottubru 2005, Frucona kkomunikat l-osservazzjonijiet tagħha dwar il-miżura inkwistjoni lill-Kummissjoni. Dawn intbagħtu lir-Repubblika Slovakka sabiex hija tkun tista’ twieġeb, kif għamlet permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Diċembru 2005.
Id-deċiżjoni inizjali
20.
Fis-7 ta’ Ġunju 2006, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni 2007/254/KE, dwar l-għajnuna mill-Istat C 25/2005 (ex NN 21/2005) mogħtija mir-Repubblika Slovakka lil Frucona Košice a.s. ( 6 ). Skont din id-deċiżjoni, l-għajnuna mill-Istat li r-Repubblika Slovakka tat lir-rikorrenti (SKK 416515990) kienet inkompatibbli mas-suq komuni u kellha tiġi rkuprata.
Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja
21.
Fit-12 ta’ Jannar 2007, Frucona ppreżentat rikors għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali quddiem il-Qorti Ġenerali.
22.
Permezz ta’ sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni ( 7 ), il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors bħala infondat.
23.
Permezz ta’ sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni ( 8 ), il-Qorti tal-Ġustizzja annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali fuq appell. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li, peress li naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni, fl-evalwazzjoni tal-kriterju ta’ kreditur privat, it-tul tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju, il-Kummissjoni kienet wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni jew, sa fejn kienet ħadet dan l-element inkunsiderazzjoni, kienet naqset milli timmotiva d-deċiżjoni inizjali b’mod suffiċjenti fid-dritt. Il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tagħti deċiżjoni dwar il-motivi li hija ma kinitx iddeċidiet dwarhom.
24.
Wara s-sentenza Frucona I, u sabiex tirrimedja għal-lakuni identifikati mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni inkwistjoni fis-16 ta’ Ottubru 2013. Permezz ta’ din id-deċiżjoni, id-deċiżjoni inizjali tħassret.
25.
Konsegwentement, permezz ta’ digriet motivat tal-21 ta’ Marzu 2014, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni ( 9 ), il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li ma kienx hemm iktar lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors għall-annullament tad-deċiżjoni inizjali.
Id-deċiżjoni inkwistjoni
26.
Id-deċiżjoni inkwistjoni kienet ittieħdet sabiex tirrimedja għall-iżbalji li hija vvizzjata bihom id-deċiżjoni inizjali identifikati fi Frucona I (premessa 10 tad-deċiżjoni inkwistjoni).
27.
Il-Kummissjoni qieset, b’mod partikolari, li kien neċessarju li jiġi eżaminat jekk, billi aċċettat il-proposta ta’ arranġament ġuridiku u, għaldaqstant, l-annullament ta’ 65 % tal-kreditu tagħha, l-awtorità tat-taxxa lokali kinitx aġixxiet fir-rigward ta’ Frucona bħala operatur privat f’ekonomija tas-suq. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ppreċiżat li l-pożizzjoni ta’ din l-awtorità bħala l-kreditur ta’ Frucona kienet eċċezzjonalment qawwija. L-awtorità tat-taxxa lokali kienet tinsab f’sitwazzjoni ġuridika u ekonomika iktar favorevoli mill-kredituri privati ta’ Frucona. Fil-fatt, l-awtorità tat-taxxa lokali kellha iktar minn 99 % tal-krediti kollha rreġistrati u kienet kreditur separat li l-krediti tagħha setgħu jiġu onorati f’kull ħin matul il-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju permezz tal-profitt mill-bejgħ tal-attivi ggarantiti (premessa 80 tad-deċiżjoni inkwistjoni).
28.
Fir-rigward tal-kriterju tal-operatur privat, il-Kummissjoni b’mod partikolari nnotat li l-applikabbiltà ta’ dan tal-aħħar kienet tiddependi fuq jekk l-Istat Membru kkonċernat kienx ta vantaġġ ekonomiku lil impriża b’mod ieħor għajr fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità pubblika. Barra minn hekk, il-Kummissjoni osservat li jekk l-Istat Membru kien invoka dan il-kriterju matul il-proċedura amministrattiva, huwa għandu, fil-każ ta’ dubju, jistabbilixxi b’mod inekwivoku u abbażi ta’ provi oġġettivi u verifikabbli, li l-implementazzjoni tal-miżura hija marbuta mal-kwalità tal-Istat Membru ta’ operatur privat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni rreferiet għas-sentenza fil-kawża Il-Kummissjoni vs EDF ( 10 ), (premessa 82 tad-deċiżjoni inkwistjoni).
29.
Sussegwentement, hija osservat li “[r]-Repubblika Slovakka tiddikjara li, fil-fehma tagħha, il-miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Hija rrikonoxxiet li, fiż-żmien tal-arranġament, il-kwistjoni tal-għajnuna mill-Istat sempliċiment ma ġietx ikkunsidrata, u talbet li l-miżura kkontestata tiġi ttrattata bħala għajnuna għas-salvataġġ ta’ kumpannija f’diffikultà. Għalhekk jidher li, f’dan il-każ, ma kienx hemm konformità mar-rekwiżiti tal-ġurisprudenza […] u li l-miżura kkontestata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat skont it-tifsira tal-Artikolu 107(1) TFUE” (premessa 83 tad-deċiżjoni inkwistjoni).
30.
Hija kompliet tosserva li Frucona kienet ikkontestat il-karatterizzazzjoni tal-miżura bħala għajnuna mill-Istat. Hija kienet ipproduċiet ukoll dokumenti mill-awdituri sabiex tappoġġja din il-fehma (premessa 84 tad-deċiżjoni inkwistjoni).
31.
Il-Kummissjoni mbagħad iddeterminat jekk ir-Repubblika Slovakka kinitx aġixxiet bħala kreditur privat fil-konfront ta’ Frucona.
32.
L-ewwel nett, fir-rigward tal-provi prodotti minn Frucona, il-Kummissjoni pparagunat il-proċeduri ta’ arranġament ġuridiku u ta’ stralċ ġudizzjarju (premessi 88 sa 119 tad-deċiżjoni inkwistjoni). It-tieni nett, hija pparagunat il-proċeduri ta’ arranġament ġuridiku u ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa (premessi 120 sa 127 tad-deċiżjoni inkwistjoni). It-tielet nett, hija evalwat il-provi l-oħra prodotti mill-awtoritajiet Slovakki u minn Frucona (premessi 128 sa 138 tad-deċiżjoni inkwistjoni). Essenzjalment, il-Kummissjoni qieset li kemm il-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju kif ukoll dik ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa kienu, mil-lat tal-awtorità tat-taxxa lokali, alternattivi iktar vantaġġużi meta mqabbla mal-proposta ta’ arranġament ġuridiku (premessi 119, 124 u 127 tad-deċiżjoni inkwistjoni).
33.
Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-kundizzjonijiet tal-kriterju tal-operatur privat ma kinux issodisfatti u li r-Repubblika Slovakka kienet tat lil Frucona vantaġġ li din ma kinitx tkun tista’ tikseb mis-suq (premessa 139 tad-deċiżjoni inkwistjoni). Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-annullament tad-dejn approvat mill-awtorità tat-taxxa lokali fil-kuntest tal-arranġament ġuridiku kien jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (premessa 140 tad-deċiżjoni inkwistjoni). Il-Kummissjoni kkonkludiet ukoll li l-għajnuna ma kinitx kompatibbli mas-suq intern (premessa 182 tad-deċiżjoni inkwistjoni).
34.
Fl-Artikolu 1 tad-dispożittiv tagħha, id-deċiżjoni inkwistjoni tiddikjara li d-deċiżjoni inizjali hija invalidata. Fl-Artikolu 2, din tiddikjara li l-għajnuna mill-Istat mogħtija mir-Repubblika Slovakka lil Frucona, li tammonta għal SKK 416515990, hija inkompatibbli mas-suq intern. Fl-Artikolu 3, il-Kummissjoni tordna lir-Repubblika Slovakka tirkupra l-għajnuna flimkien mal-interessi ta’ inadempjenza. Fl-Artikolu 4, ir-Repubblika Slovakka hija obbligata tinforma lill-Kummissjoni, f’terminu ta’ xahrejn min-notifika ta’ din id-deċiżjoni, dwar il-miżuri li hija ħadet sabiex tikkonforma ruħha magħha. L-Artikolu 5 jispeċifika li d-deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Slovakka.
II. Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali
35.
Permezz ta’ rikors ippreżentat fis-17 ta’ Frar 2014, Frucona talbet lill-Qorti Ġenerali tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni.
36.
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni inkwistjoni u kkundannat lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
III. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
37.
Permezz tal-appell tagħha, ippreżentat quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-26 ta’ Mejju 2016, il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
–
tannulla s-sentenza appellata;
–
tiċħad ir-rikors għal annullament u tikkundanna lil Frucona Košice għall-ispejjeż;
–
sussidjarjament, tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali u tirriżerva l-ispejjeż.
38.
Frucona titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
39.
Il-partijiet ippreżentaw sottomissjonijiet orali fis-seduta li nżammet fil-15 ta’ Frar 2017.
IV. Analiżi
40.
Il-Kummissjoni tinvoka sitt aggravji insostenn tal-appell tagħha. L-ewwel erba’ aggravji jikkonċernaw il-konstatazzjoni tal-Qorti Ġenerali li l-kriterju tal-operatur privat kien applikabbli. Iż-żewġ aggravji l-oħra jikkonċernaw l-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat.
41.
B’mod iktar speċifiku, l-aggravji li jikkonċernaw l-applikabbiltà tal-kriterju tal-operatur privat jittrattaw il-kwistjonijiet li ġejjin. L-ewwel aggravju jallega li l-Qorti Ġenerali żbaljat fl-interpretazzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni. Skont dan l-aggravju, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta interpretat id-deċiżjoni fis-sens li tikkonkludi li l-kriterju tal-operatur privat kien applikabbli fir-rigward tal-miżura kkontestata. It-tieni aggravju jallega li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi minħabba li l-Qorti Ġenerali kkonstatat li dan il-kriterju seta’ jiġi invokat mill-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni. It-tielet aggravju jallega ksur tal-prinċipji ta’ res judicata u ne ultra petita. Il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali kisret dawn il-prinċipji meta qieset li, minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet applikat il-kriterju tal-operatur privat fil-kawża Frucona I, hija kienet qieset ukoll, impliċitament iżda neċessarjament, li l-kriterju tal-operatur privat huwa applikabbli. Fl-aħħar nett, ir-raba’ aggravju jallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-Kummissjoni ma setgħetx tagħmel distinzjoni, fir-rigward tal-applikabbiltà tal-kriterju tal-operatur privat, bejn l-alternattivi differenti għall-miżura kkontestata.
42.
Fir-rigward taż-żewġ aggravji l-oħra, dawn jikkonċernaw il-mod li bih ġie applikat il-kriterju tal-operatur privat. Il-ħames aggravju jallega li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi minħabba li l-Qorti Ġenerali fasslet rekwiżit ġdid li l-Kummissjoni trid tissodisfa meta tapplika l-kriterju tal-operatur privat. Il-Kummissjoni targumenta li s-sentenza appellata teħtieġ, kuntrarjament għal ġurisprudenza ferm stabbilita, li din l-istituzzjoni tirrikostitwixxi ex officio l-aġir tal-operatur privat ipotetiku ideali, razzjonali u kompletament informat. Skont is-sitt aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali żbaljat ukoll sa fejn is-sentenza appellata tista’ tinftiehem bħala li tikkonkludi li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li twettaq investigazzjoni diliġenti u imparzjali.
43.
Ser nibda billi neżamina t-tieni u r-raba’ aggravji. Dan minħabba li dawn l-aggravji għandhom effett fuq l-analiżi sussegwenti tal-ewwel u tat-tielet aggravju. Madankollu, qabel ma nagħmel dan, għandhom isiru numru ta’ rimarki introduttorji.
A. Rimarki introduttorji
44.
Qabelxejn, ikun utli li jitfakkar ir-ratio tal-kriterju tal-operatur privat (f’din il-kawża: kriterju tal-kreditur privat) u l-iskop tiegħu.
45.
Skont l-Artikolu 107(1) TFUE, kull għajnuna, fi kwalunkwe forma, mogħtija minn Stat Membru jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li twassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni għall-kompetizzjoni billi tiffavorixxi ċerti impriżi jew ċerti produtturi hija, sa fejn tolqot il-kummerċ bejn l-Istati Membri, inkompatibbli mas-suq intern. Konsegwentement, il-kunċett ta’ għajnuna fil-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat tal-UE huwa wieħed wiesa’. Dan jiġbor fih kull tip ta’ għajnuna, kemm diretta kif ukoll indiretta: huwa jinkludi l-miżuri kollha, irrispettivament mill-forma tagħhom, li jtaffu l-piżijiet li normalment jinsabu fil-baġit ta’ impriża ( 11 ).
46.
Madankollu, hawnhekk tapplika riżerva importanti. Anki jekk miżura tirriżulta mir-riżorsi tal-Istat, din ma taqax taħt il-portata tal-Artikolu 107 TFUE jekk il-benefiċjarju seta’ jikseb l-istess vantaġġ bħal dak li sar disponibbli għalih permezz ta’ riżorsi tal-Istat f’ċirkustanzi li jikkorrispondu għall-kundizzjonijiet normali tas-suq ( 12 ). Dan il-prinċipju japplika bl-istess qawwa irrispettivament minn jekk l-Istat aġixxiex bħala investitur, kreditur jew bejjiegħ. Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-benefiċjarju setax kiseb l-istess vantaġġ f’kundizzjonijiet normali tas-suq, il-Kummissjoni tuża l-kriterju tal-operatur privat. L-iskop ta’ dan il-kriterju huwa li jiġi evalwat jekk l-Istat tax vantaġġ lil impriża billi ma aġixxiex bħala operatur privat fir-rigward ta’ tranżazzjoni partikolari.
47.
Fi kliem sempliċi, il-kriterju tal-operatur privat huwa għodda li l-Kummissjoni tuża sabiex tiddetermina jekk jeżistix vantaġġ ekonomiku, wieħed mill-karatteristiċi neċessarji tal-għajnuna mill-Istat.
48.
Dan huwa fil-fatt għaliex il-Qorti tal-Ġustizzja kienet iddeċidiet li dan il-kriterju ma huwiex eċċezzjoni li tapplika biss fuq talba ta’ Stat Membru, meta jkun ġie kkonstatat li jeżistu l-elementi li jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat imsemmija fl-Artikolu 107(1) TFUE ( 13 ). Meta jkun applikabbli, il-kriterju tal-operatur privat huwa wieħed mill-fatturi li l-Kummissjoni trid tieħu inkunsiderazzjoni sabiex tistabbilixxi jekk teżistix tali għajnuna ( 14 ).
49.
It-tieni punt preliminari fil-qosor li għandu jissemma hawnhekk jikkonċerna l-oneru u l-istandard ta’ prova fil-liġi dwar l-għajnuna mill-Istat.
50.
Sabiex jiġi ddeterminat jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, il-Kummissjoni trid twettaq eżami diliġenti u imparzjali. Tali investigazzjoni tiżgura li l-Kummissjoni għandha għad-dispożizzjoni tagħha, meta tadotta d-deċiżjoni finali, l-iktar informazzjoni kompleta u affidabbli possibbli għal dak l-iskop. Fil-fatt, ma għandux jintesa li hija l-Kummissjoni li għandha tipproduċi prova li l-miżura kkontestata tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.
51.
Huwa fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji li dan l-appell għandu jiġi eżaminat.
B. Fuq it-tieni u r-raba’ aggravji
1. L-argumenti tal-partijiet
52.
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li benefiċjarju ta’ għajnuna jista’ jinvoka l-kriterju tal-operatur privat ( 15 ). Fil-fehma tagħha, il-kriterju tal-operatur privat huwa intiż li jiżvela l-“istat mentali suġġettiv” tal-Istat Membru li jagħti l-allegata għajnuna. Għalhekk, ma jista’ jiġi invokat minn ħadd iktar. F’dan il-każ, l-Istat Membru kien tal-fehma ċara u konsistenti li l-miżura kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.
53.
Anki li kieku l-Qorti Ġenerali kienet korretta meta kkonstatat li l-benefiċjarju ta’ għajnuna jista’ jinvoka l-kriterju tal-operatur privat, il-Kummissjoni targumenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqset li teħtieġ li l-benefiċjarju jistabbilixxi b’mod inekwivoku u fuq il-bażi ta’ provi oġġettivi u verifikabbli li l-Istat Membru aġixxa bħal operatur privat.
54.
Frucona ssostni li l-Qorti Ġenerali kienet korretta fil-konstatazzjonijiet tagħha. Il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tagħmilha ċara li l-kriterju tal-operatur privat jista’ jiġi invokat mill-benefiċjarju tal-għajnuna.
55.
Fir-rigward tal-argument tal-Kummissjoni li l-kriterju tal-operatur privat jirrigwarda l-istat mentali tal-Istat Membru kkonċernat, Frucona ssostni li l-ġurisprudenza tenfasizza li l-Istat Membru għandu jaġixxi fi kwalità ekonomika. Frucona targumenta li ma jqum l-ebda dubju f’dan il-każ rigward il-kwalità li fiha aġixxiet l-awtorità tat-taxxa lokali.
56.
Skont ir-raba’ aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta kkonstatat li l-Kummissjoni ma tistax tagħmel distinzjoni, fir-rigward tal-applikabbiltà tal-kriterju tal-operatur privat, li tkun ibbażata fuq id-diversi alternattivi għall-miżura kkontestata ( 16 ).
57.
Il-Kummissjoni tafferma li l-applikabbiltà tal-kriterju tal-operatur privat tiddependi mill-produzzjoni ta’ prova mill-Istat Membru kkonċernat jew mill-benefiċjarju sabiex jiġi żgurat jekk l-awtorità pubblika aġixxietx bl-istess mod bħal ma kieku kien jaġixxi operatur privat affrontat bl-istess għażla. Il-Kummissjoni targumenta li l-kriterju tal-operatur privat ma japplikax meta ma tiġi prodotta ebda prova li turi li ġiet ikkunsidrata azzjoni partikolari mill-awtorità pubblika.
58.
Frucona ssostni li l-analiżi tal-Qorti Ġenerali rigward l-applikabbiltà tal-kriterju tal-operatur privat hija korretta. Meta l-kriterju tal-operatur privat ikun applikabbli, il-Kummissjoni ma tistax tillimita l-evalwazzjoni għal alternattiva potenzjali waħda għall-miżura inkwistjoni u tħalli oħra barra.
2. Evalwazzjoni
59.
Permezz tat-tieni u tar-raba’ aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li l-kriterju tal-operatur privat jista’ jiġi applikat ukoll meta l-Istat Membru ma jkunx invokah. Skont il-Kummissjoni, il-kriterju tal-operatur privat huwa applikabbli biss taħt kundizzjonijiet stretti. Skont l-osservazzjonijiet tagħha, il-kriterju huwa applikabbli meta (1) l-Istat Membru kkonċernat ikun invokah, (2) l-istat mentali suġġettiv tal-Istat Membru jiżvela li dan kellu l-intenzjoni li jaġixxi bħala operatur privat, u (3) l-Istat Membru kien ippreveda konkretament azzjoni partikolari meta adotta l-miżura inkwistjoni.
60.
Qabelxejn, irrid nirrimarka li dan l-appell huwa fih innifsu kontradittorju. Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li ma kellhiex obbligu li tapplika l-kriterju tal-operatur privat peress li l-Istat Membru kkonċernat ma invokax dan il-kriterju matul il-proċedura amministrattiva. Matul il-proċedura amministrattiva, ir-Repubblika Slovakka aċċettat li l-miżura kienet tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat. Hija talbet li l-miżura titqies bħala għajnuna għas-salvataġġ. Fl-istess ħin, madankollu, il-Kummissjoni taċċetta li d-deċiżjoni inkwistjoni tapplika l-kriterju tal-operatur privat sabiex tikkonkludi li l-annullament tad-dejn fiskali jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Fi kliem ieħor, il-punt tat-tluq ta’ dan l-appell huwa li minkejja li d-deċiżjoni inkwistjoni tapplika l-kriterju tal-operatur privat, dan il-kriterju ma huwiex applikabbli.
61.
Ħarsa iktar mill-qrib lejn l-appell madankollu tiżvela li l-Kummissjoni tipprova tillimita artifiċjalment l-obbligu tagħha li tapplika l-kriterju tal-operatur privat u, essenzjalment, tinverti l-oneru tal-prova.
62.
Kif ser nispjega iktar ’il quddiem, il-ġurisprudenza ma tappoġġjax il-pożizzjoni tal-Kummissjoni.
a) Il-kriterju tal-operatur privat huwa applikabbli meta l-Istat Membru kkonċernat jaġixxi fi kwalità ekonomika
63.
Qabelxejn, ikun utli li jiġi nnotat li l-kwistjoni dwar jekk japplikax il-kriterju tal-operatur privat hija ddeterminata fuq il-bażi ta’ kriterji oġġettivi relatati mal-kwalità li fiha jkun aġixxa l-Istat. B’mod iktar speċifiku, il-kriterju huwa applikabbli meta, fl-għoti ta’ vantaġġ ekonomiku lil impriża, l-Istat Membru jkun aġixxa fi kwalità ekonomika (jiġifieri, mhux fil-kapaċità tagħha ta’ awtorità pubblika) ( 17 ).
64.
Fir-rigward ta’ kreditur pubbliku speċifikament, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kkonstatat fi Frucona I li l-kriterju tal-operatur privat huwa applikat meta “kreditur pubbliku jagħti faċilitajiet ta’ ħlas għal dejn li huwa dovut lilu minn impriżi” ( 18 ). F’tali ċirkustanzi, l-aġir tal-awtorità pubblika għandu jiġi pparagunat ma’ dak ta’ kreditur privat li jixtieq jikseb is-somom dovuti lilu minn debitur b’diffikultajiet finanzjarji ( 19 ). Fi kliem ieħor, l-operatur privat jeħtieġ li jiġi applikat meta l-aġir tal-Istat ikun jista’ jiġi adottat, minn tal-inqas fil-prinċipju, minn operatur privat li jaġixxi bil-għan li jikseb profitt jew li jillimita t-telf. Inkella, l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju ftit li xejn tkun tagħmel sens, jekk affattu.
65.
F’din il-kawża, kreditur pubbliku (l-awtorità tat-taxxa lokali) ta “faċilitajiet ta’ ħlas għal dejn li huwa dovut lilu minn impriżi”. Għaldaqstant, prima facie, wieħed jista’ jaħseb li l-ħtieġa li jiġi applikat il-kriterju tal-operatur privat hija manifesta.
66.
Minkejja dan, filwaqt li tislet inferenza mis-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il-Kummissjoni vs EDF, il-Kummissjoni targumenta li l-kriterju tal-operatur privat ma huwiex applikabbli f’dan il-każ.
67.
Dik il-kawża ma tista’ tassisti lill-Kummissjoni bl-ebda mod.
68.
Fil-kawża Il-Kummissjoni vs EDF, qamu dubji dwar il-kwalità li fiha kien aġixxa l-Istat Membru kkonċernat. Ma kienx ċar jekk l-Istat Membru kienx aġixxa fi kwalità ekonomika ta’ azzjonist f’impriża pubblika (dak ta’ azzjonist f’kumpannija pubblika), jew bħala awtorità pubblika. Dan minħabba l-forma tal-miżura adottata. Għalkemm l-Istat Membru sostna li aġixxa bħala azzjonist, huwa uża mezz fiskali sabiex jagħti eżenzjoni mit-taxxa lill-impriża inkwistjoni. Huwa f’dan il-kuntest possibbilment uniku li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li jekk l-Istat Membru jkun invoka l-kriterju tal-operatur privat, huwa jkollu l-obbligu wkoll li jistabbilixxi b’mod inekwivoku u abbażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli li l-miżura implementata tirriżulta mill-fatt li l-Istat aġixxa bħala operatur privat pjuttost milli bħala awtorità pubblika ( 20 ). Wara li indirizzat il-provi li jistgħu jkunu meħtieġa jiġu prodotti f’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja kkjarifikat li huwa sussegwentement l-obbligu tal-Kummissjoni li twettaq evalwazzjoni globali filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni, minbarra l-provi prodotti mill-Istat Membru kkonċernat, kwalunkwe prova oħra rilevanti f’dan il-każ li tippermettilha tiddetermina jekk l-Istat Membru ħax il-miżura inkwistjoni fil-kwalità tiegħu ta’ azzjonist jew bħala awtorità pubblika. Il-Qorti tal-Ġustizzja aċċettat li, għall-finijiet ta’ din l-evalwazzjoni (preliminari), l-għan imfittex mill-miżura seta’ jikkostitwixxi ċirkustanza rilevanti ( 21 ).
69.
Hawnhekk iridu jsiru tliet punti.
70.
L-ewwel nett, fil-kawża Il-Kummissjoni vs EDF, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement ikkonstatat li meta jkun hemm dubji dwar il-kwalità li fiha aġixxa Stat Membru u meta l-Istat Membru kkonċernat ikun invoka dak il-kriterju, dan l-Istat irid jipproduċi provi sabiex jappoġġja l-pożizzjoni tiegħu. Madankollu, minn din il-konstatazzjoni ma jistax jiġi dedott li huwa biss Stat Membru li jista’ jinvoka l-kriterju tal-operatur privat.
71.
Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Land Burgenland et, fejn kien hemm dubji simili dwar il-kwalità li fiha aġixxa l-Istat Membru, tenfasizza l-korrettezza ta’ din l-interpretazzjoni. Fil-kuntest partikolari ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Kummissjoni ma kellhiex l-obbligu li tapplika l-kriterju tal-operatur privat. Il-Qorti tal-Ġustizzja spjegat li dan kien għaliex la l-Istat Membru, la l-awtorità li tat l-allegata għajnuna u lanqas il-benefiċjarju tal-allegata għajnuna ma pproduċew provi li jikkonċernaw l-applikabbiltà tal-kriterju tal-operatur privat matul il-proċedura amministrattiva ( 22 ). Kif osservat il-Qorti Ġenerali fis-sentenza appellata, din issostni wkoll il-fehma li minbarra l-Istat Membru kkonċernat, il-benefiċjarju tal-miżura inkwistjoni wkoll jista’ jinvoka l-kriterju tal-operatur privat ( 23 ).
72.
Mingħajr ma nidħol fid-dettall ta’ dawn il-kawżi, jekk jiġi aċċettat li l-kriterju tal-operatur privat jista’ jiġi invokat mill-benefiċjarju tal-allegata għajnuna, dan ikun jirrifletti l-motivazzjoni tal-proċedura amministrattiva: din il-proċedura hija maħsuba sabiex jiġi żgurat li l-Kummissjoni jkollha l-fatti rilevanti kollha sabiex twettaq evalwazzjoni oġġettiva meħtieġa għall-finijiet tal-Artikolu 107(1) TFUE. Jekk tiġi llimitata l-possibbiltà għall-partijiet ikkonċernati, u b’mod partikolari għall-benefiċjarju tal-allegata għajnuna, li jressqu argumenti u provi li jikkonċernaw l-eżistenza ta’ għajnuna (jew, bħal f’dan il-każ, in-nuqqas tagħha), pereżempju billi jinvokaw il-kriterju tal-operatur privat, dan ikun imur kontra l-għan ta’ din il-proċedura. Dan minkejja l-fatt li, strettament, l-Istat Membru biss huwa parti f’din il-proċedura.
73.
It-tieni nett, l-argument li l-applikabbiltà tal-kriterju tal-operatur privat tiddependi fuq l-“istat mentali suġġettiv” tal-Istat Membru, jidher li jirriżulta mill-konstatazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il-Kummissjoni vs EDF li meta jiġi evalwat jekk japplikax il-kriterju tal-operatur privat, l-għan tal-miżura (u b’hekk, l-intenzjoni tal-Istat) jista’ jkun rilevanti. Madankollu, kif spjegat iktar ’il fuq, il-kriterju tal-operatur privat japplika meta l-Istat Membru jkun aġixxa fi kwalità ekonomika. Is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Il-Kummissjoni vs EDF tispjega sempliċiment kif għandha tiġi ddeterminata din il-kwalità, abbażi ta’ evalwazzjoni globali, f’każ fejn ikun hemm dubji rigward il-kwalità li fiha tkun aġixxiet l-awtorità pubblika. Huwa f’dan il-kuntest li l-intenzjoni tal-Istat tista’ tkun fattur rilevanti.
74.
F’din il-kawża, huwa irrilevanti jekk ir-Repubblika Slovakka qisitx l-arranġament propost bħala li jikkostitwixxi għajnuna jew jekk kienx hemm nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet tat-taxxa lokali u ċentrali dwar jekk l-annullamenti għandhomx jiġu aċċettati ( 24 ). Il-punt tat-tluq sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kriterju tal-operatur privat għandux jiġi applikat irid ikun in-natura (ekonomika) tal-azzjoni tal-Istat Membru, u mhux kif dan l-Istat, b’mod suġġettiv, ħaseb li kien qiegħed jaġixxi jew liema azzjonijiet alternattivi kkunsidra qabel ma adotta l-miżura inkwistjoni. Meta jitqies minn din il-perspettiva, l-istat mentali suġġettiv tal-Istat Membru (irrispettivament minn jekk huwiex tal-awtoritajiet ċentrali jew tal-fergħa lokali tiegħu) jista’ jkun fatt rilevanti sabiex tiġi ddeterminata, sa fejn ikun hemm dubji f’dan ir-rigward, il-kwalità li fiha jkun aġixxa l-Istat Membru.
75.
Ma hemm xejn fil-fajl li jissuġġerixxi li kien hemm tali dubji ( 25 ).
76.
It-tielet nett, irrid nisħaq fuq il-fatt li fil-kawża Il-Kummissjoni vs EDF, il-Qorti tal-Ġustizzja ssoktat tikkjarifika li hija l-Kummissjoni li għandha tiddetermina jekk il-kriterju għandux jiġi applikat. Konsegwentement, meta jidher li l-kriterju tal-operatur privat jista’ japplika, il-Kummissjoni trid titlob lill-Istat Membru kkonċernat jipprovdilha l-informazzjoni kollha rilevanti li tippermettilha tivverifika jekk dak il-kriterju għandux japplika ( 26 ). Fi kliem ieħor, irrispettivament minn min jinvoka l-kriterju tal-operatur privat, fil-prinċipju, hija l-Kummissjoni li għandha tevalwa – jekk l-applikabbiltà tiegħu ma tkunx evidenti (minħabba, pereżempju, il-forma tal-miżura kontenzjuża) – jekk dan il-kriterju jeħtieġx li jiġi applikat. Din trid tagħmel dan billi titlob lill-Istat Membru (jew kwalunkwe parti rilevanti oħra) kkonċernat jipprovdi l-informazzjoni li hija teħtieġ sabiex twettaq l-evalwazzjoni neċessarja. Taħt l-ebda ċirkustanza ma għandu jkun il-benefiċjarju tal-allegata għajnuna li jkollu juri, b’mod inekwivoku u abbażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli, li l-kriterju huwa applikabbli. Fil-fatt, kif indikajt diġà iktar ’il fuq, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova li miżura tikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.
77.
Konformement ma’ dan il-prinċipju, meta jkun hemm dubji rigward in-natura tal-azzjoni tal-Istat Membru, il-Kummissjoni l-ewwel trid tiddetermina l-kwalità li fiha aġixxa l-Istat Membru. Sa fejn l-evalwazzjoni globali meħtieġa tal-provi rilevanti turi li l-Istat Membru aġixxa fi kwalità ekonomika, il-Kummissjoni għandha għalhekk tapplika l-kriterju tal-operatur privat. F’dan is-sens, minflok ma ttaffi l-piż investigattiv tal-Kummissjoni, is-sentenza fil-kawża Il-Kummissjoni vs EDF iżżid pass preliminari għall-evalwazzjoni tal-eżistenza ta’ vantaġġ.
78.
Ninnota li f’din il-kawża, id-deċiżjoni inkwistjoni ma fiha ebda indikazzjoni ta’ tali evalwazzjoni preliminari u l-kriterju tal-operatur privat fil-fatt ġie applikat sabiex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ vantaġġ.
79.
Fi kwalunkwe każ, minħabba li ma kien hemm ebda dubju rigward il-kwalità li fiha aġixxiet l-awtorità tat-taxxa lokali, il-Qorti Ġenerali ġustament iddeċidiet li l-kriterju tal-operatur privat kien applikabbli.
80.
Dan iwassalni sabiex nindirizza r-raba’ aggravju.
b) L-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat tagħmel parti minn investigazzjoni imparzjali u diliġenti
81.
B’mod simili għal dak li argumentat fil-kuntest tat-tieni aggravju, il-Kummissjoni ssostni, bir-raba’ aggravju, li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi wkoll minħabba li ddeċidiet li, peress li l-kriterju tal-operatur privat huwa applikabbli fih innifsu, il-Kummissjoni ma tistax tagħmel distinzjoni, fir-rigward tal-applikabbiltà tiegħu, bejn id-diversi alternattivi għall-miżura inkwistjoni ( 27 ).
82.
B’mod iktar speċifiku, il-Kummissjoni targumenta li l-kriterju tal-operatur privat ma huwiex applikabbli fir-rigward tal-paragun tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa u tal-arranġament ġuridiku. Fil-fehma tagħha, dan minħabba li la l-Istat Membru u lanqas il-benefiċjarju ma pproduċew provi sabiex jindikaw li l-awtorità tat-taxxa lokali kienet ikkunsidrat proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa u waslet għall-konklużjoni li din il-proċedura tkun inqas vantaġġuża mill-arranġament ġuridiku ( 28 ).
83.
Ir-raġunijiet għaliex dan l-aggravju għandu jiġi miċħud diġà ġew spjegati iktar ’il fuq. Madankollu, ser nagħmel l-osservazzjonijiet addizzjonali segwenti.
84.
Ir-raba’ aggravju huwa bbażat fuq l-istess premessa bħat-tieni aggravju. Dan huwa bbażat fuq l-idea li minħabba li la l-Istat Membru kkonċernat u lanqas il-benefiċjarju tal-allegata għajnuna ma wrew b’mod inekwivoku u abbażi ta’ elementi oġġettivi u verifikabbli li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa kienet ġiet ikkunsidrata mill-awtorità tat-taxxa lokali, il-kriterju tal-operatur privat ma huwiex applikabbli fir-rigward ta’ din il-proċedura.
85.
Minħabba li ma kien hemm ebda dubju dwar il-kwalità li fiha kienet aġixxiet l-awtorità tat-taxxa lokali, il-Qorti Ġenerali ġustament ikkonkludiet li l-kriterju tal-operatur privat kien japplika. Kuntrarjament għal dak li jidher li ssostni l-Kummissjoni, il-kwistjoni rigward il-possibbiltajiet li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni meta jiġi evalwat jekk jeżistix vantaġġ hija marbuta mal-applikazzjoni proprja tal-kriterju tal-operatur privat, pjuttost milli dwar jekk il-kriterju huwiex qabelxejn applikabbli ( 29 ). Fil-fatt, kif indikat il-Qorti Ġenerali, peress li l-kriterju tal-operatur privat huwa applikabbli fih innifsu, il-Kummissjoni ma tistax tagħmel distinzjoni, fir-rigward tal-applikabbiltà tal-kriterju, bejn id-diversi alternattivi għall-miżura kkontestata ( 30 ).
86.
F’dan ir-rigward, ir-raba’ aggravju juri kif id-distinzjoni bejn l-applikabbiltà u l-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat hija, globalment, partikolarment inutli. Dan iwassal, bħal ma ġara f’dan il-każ, għal konfużjoni.
87.
Minbarra kawżi bħall-kawża Il-Kummissjoni vs EDF fejn in-natura tal-azzjoni tal-Istat Membru tqajjem dubju, il-kriterji relatati mal-applikabbiltà u mal-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat ma jistgħux jiġu sseparati b’mod sinjifikattiv. Minflok jikkostitwixxi eċċezzjoni li l-Istat Membru biss jista’ juża bħala difiża matul il-proċedura amministrattiva, il-kriterju tal-operatur privat huwa preċiżament l-għodda li l-Kummissjoni trid tapplika sabiex tiddetermina jekk ingħatax vantaġġ ekonomiku lill-impriża inkwistjoni. Jekk, meta adotta miżura fi kwalità ekonomika, l-Istat Membru fil-fatt aġixxiex bħalma kien jaġixxi operatur privat, hija kwistjoni li trid tiġi ddeterminata bl-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju. Huwa f’dan il-kuntest li tista’ tqum il-kwistjoni dwar liema alternattivi għandhom jiġu pparagunati mal-miżura meħuda ( 31 ).
88.
Biex nirrepeti: meta, bħal f’dan il-każ, ma jkun hemm ebda dubju dwar il-kwalità li fiha aġixxa l-Istat Membru, il-kriterju tal-operatur privat irid jiġi applikat. Kif spjegat il-Qorti tal-Ġustizzja, dak il-kriterju jintuża sabiex jiddetermina jekk il-benefiċjarju tal-allegata għajnuna manifestament kienx jikseb faċilitajiet paragunabbli mingħand operatur privat. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni trid twettaq evalwazzjoni globali filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe element rilevanti f’dan il-każ. Fir-rigward ta’ kreditur pubbliku b’mod partikolari, il-Kummissjoni trid tevalwa jekk il-benefiċjarju kienx jikseb, manifestament, vantaġġ simili mingħand kreditur privat f’sitwazzjoni li tkun l-eqreb waħda possibbli għal dik tal-awtorità pubblika u li jkun jixtieq jikseb il-ħlas tas-somom dovuti lilu minn debitur li jkollu diffikultajiet finanzjarji ( 32 ). Għall-kuntrarju, jekk il-Kummissjoni tkun naqset milli twettaq din l-evalwazzjoni, fir-realtà din tikser l-obbligi tagħha li twettaq investigazzjoni imparzjali u diliġenti.
89.
Għal dawn ir-raġunijiet kollha, ma nsib l-ebda nuqqas fis-sentenza appellata fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-kundizzjonijiet li taħthom japplika l-kriterju tal-operatur privat. Fil-fehma tiegħi, it-tieni u r-raba’ aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.
C. Fuq l-ewwel aggravju
1. L-argumenti tal-partijiet
90.
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali tat interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni inkwistjoni, minħabba li interpretat din id-deċiżjoni fis-sens li din tal-aħħar tikkonkludi li l-kriterju tal-operatur privat kien applikabbli ( 33 ). Il-Kummissjoni tafferma li interpretazzjoni korretta tad-deċiżjoni inkwistjoni kif ukoll tal-ġurisprudenza ċċitata fil-premessi rilevanti turi b’mod ċar li l-Kummissjoni qieset li l-kriterju ma kienx applikabbli fil-każ inkwistjoni ( 34 ).
91.
Frucona ssostni, essenzjalment, li l-Qorti Ġenerali kienet korretta fl-interpretazzjoni tagħha tad-deċiżjoni inkwistjoni.
2. Evalwazzjoni
92.
L-ewwel aggravju jikkonċerna l-allegata interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni inkwistjoni. Kif ser nispjega fil-qosor fil-punti li ġejjin, l-ewwel aggravju, marbut mill-qrib mat-tieni u mar-raba’ aggravju, irid jiġi miċħud ukoll.
93.
L-ewwel nett, ninnota li d-deċiżjoni inkwistjoni ma tiddikjarax espressament li l-kriterju tal-operatur privat ma huwiex applikabbli. Huwa minnu li, meħuda waħedha, il-premessa 83 tad-deċiżjoni inkwistjoni tista’ tinqara fis-sens argumentat mill-Kummissjoni ( 35 ). Madankollu, din tista’ tinqara wkoll bħala li tiddeskrivi sempliċiment il-pożizzjoni tal-Istat Membru, qabel ma tagħmel l-istess fir-rigward ta’ Frucona fil-premessa sussegwenti. Fi kwalunkwe każ, fid-deċiżjoni inkwistjoni ma hemm iktar li jista’ jsostni l-interpretazzjoni tal-Kummissjoni. Iktar milli tispjega b’mod ċar għaliex il-kriterju tal-operatur privat ma huwiex applikabbli, id-deċiżjoni inkwistjoni tapplika dan il-kriterju. Fil-fatt, kif imsemmi diġà iktar ’il fuq, il-konklużjoni li waslet għaliha d-deċiżjoni inkwistjoni dwar l-eżistenza ta’ għajnuna hija bbażata fuq l-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat ( 36 ).
94.
It-tieni nett, jekk kien hemm dubji dwar il-ħtieġa li jiġi applikat il-kriterju tal-operatur privat, il-Kummissjoni kien messha talbet lill-Istat Membru kkonċernat jipprovdilha l-informazzjoni kollha rilevanti sabiex tippermettilha tiddetermina jekk il-kriterju huwiex applikabbli. Ma hemm ebda indikazzjoni ta’ tali evalwazzjoni tal-applikabblità tal-kriterju tal-operatur privat fid-deċiżjoni inkwistjoni. Il-fatt li r-Repubblika Slovakka qieset il-miżura bħala li tikkostitwixxi għajnuna matul il-proċedura amministrattiva (jiġifieri, wara li kien hemm qbil dwar l-arranġament ġuridiku) ftit li xejn huwa suffiċjenti sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kriterju huwiex applikabbli. Fi kwalunkwe każ, kif spjegat iktar ’il fuq, hawnhekk ma jqum ebda dubju: kreditur pubbliku ta faċilitajiet ta’ ħlas għal dejn dovut lilu minn impriża. Għal din ir-raġuni biss, kellu jiġi applikat il-kriterju tal-operatur privat ( 37 ).
95.
It-tielet nett, bħala korollarju għaż-żewġ punti preċedenti, ma għandux jiġi injorat il-fatt li Frucona sostniet li l-miżura ma tikkostitwixxix għajnuna u pproduċiet provi li skonthom il-proċeduri ta’ stralċ ġudizzjarju kienu jpoġġu lill-awtorità tat-taxxa lokali f’pożizzjoni agħar. Għalkemm, fi kwalunkwe każ, kellha l-obbligu li tapplika l-kriterju tal-operatur privat hawnhekk, il-Kummissjoni tidher li applikat dan il-kriterju preċiżament għal din ir-raġuni ( 38 ).
96.
Għal dawn ir-raġunijiet, ftit li xejn nappoġġja l-interpretazzjoni alternattiva tad-deċiżjoni inkwistjoni li saret mill-Kummissjoni. Is-sentenza appellata ma tistax titqies bħala li tinvolvi nuqqas minħabba interpretazzjoni żbaljata tad-deċiżjoni inkwistjoni dwar dan il-punt. Konsegwentement, l-ewwel aggravju jrid jiġi miċħud ukoll.
D. Fuq it-tielet aggravju
1. L-argumenti tal-partijiet
97.
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali applikat żbaljatament il-prinċipju ta’ res judicata, iddeċidiet ultra vires u kisret il-prinċipju li s-suġġett ta’ azzjoni huwa ddefinit mill-partijiet kif ukoll l-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Artikoli 44(1) u 48(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali ( 39 ).
98.
B’mod partikolari, il-Kummissjoni ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li, fis-sentenza tagħha fi Frucona I, il-Qorti tal-Ġustizzja “impliċitament iżda neċessarjament qieset li [l-kriterju ta’ kreditur privat] huwa applikabbli” ( 40 ). Il-Kummissjoni targumenta li fi Frucona I, il-partijiet ma kinux ikkontestaw l-applikabbiltà tal-kriterju tal-operatur privat. Għalhekk, il-Qorti tal-Ġustizzja kienet tiddeċiedi ne ultra petita li kieku ddeċidiet li l-kriterju ma kienx applikabbli.
99.
Frucona tqis li l-Qorti Ġenerali kienet korretta fl-evalwazzjoni tagħha u li, fi kwalunkwe każ, il-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex marbuta mill-argumenti invokati mill-partijiet. Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-kriterju tal-operatur privat ma kienx applikabbli, hija kienet tkun żbaljata fl-evalwazzjoni tagħha dwar jekk il-kriterju kienx issodisfatt.
2. Evalwazzjoni
100.
Bit-tielet aggravju, il-Kummissjoni tikkontesta l-mod kif il-Qorti Ġenerali applikat il-prinċipju ta’ res judicata. Fis-sentenza appellata, din il-qorti qieset li l-applikabbiltà tal-kriterju tal-operatur privat kienet diġà stabbilita fi Frucona I minħabba li f’din il-kawża il-Qorti tal-Ġustizzja indirizzat l-applikazzjoni ta’ dan il-kriterju.
101.
Li kieku l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-ewwel, it-tieni u r-raba’ aggravju, kif nissuġġerixxi jien, ma jkunx neċessarju li jittieħed inkunsiderazzjoni t-tielet aggravju. Dan minħabba li t-tielet aggravju jindirizza kwistjoni li l-Qorti Ġenerali eżaminat għal finijiet ta’ kompletezza.
102.
Fuq il-mertu ta’ dan l-aggravju, jien naqbel mal-Kummissjoni.
103.
Fil-kawża Frucona I, il-Qorti tal-Ġustizzja ma ddeċidietx dwar l-applikabbiltà tal-kriterju tal-operatur privat minħabba li ma setgħetx tagħmel dan mingħajr ma tiddeċiedi ultra petita. Huwa biżżejjed li jitfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet intalbet tiddeċiedi dwar l-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat, mhux dwar l-applikabbiltà tiegħu. F’dan ir-rigward, inqis partikolarment problematika l-konstatazzjoni segwenti fis-sentenza appellata: peress li l-Qorti tal-Ġustizzja setgħet tikkonstata l-inapplikabbiltà tal-kriterju tal-operatur privat iżda ma għamlitx hekk, ifisser li l-Qorti tal-Ġustizzja riedet tikkonferma l-applikabbiltà ta’ dan il-kriterju f’dan il-każ ( 41 ).
104.
Huwa minnu li l-applikabbiltà hija l-prerekwiżit tal-applikazzjoni. Huwa minnu wkoll li l-Qorti tal-Ġustizzja ma hijiex dejjem obbligata tillimita ruħha għall-argumenti mqajma mill-partijiet insostenn tat-talbiet tagħhom. Inkella, hija tista’ tkun kostretta, f’ċerti ċirkustanzi, tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha fuq kunsiderazzjonijiet legali żbaljati. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja trid tagħti deċiżjoni biss fuq it-talbiet tal-partijiet, li huma responsabbli għad-delimitazzjoni tal-portata tal-kawża ( 42 ).
105.
Fi Frucona I, il-partijiet ma kkontestawx l-applikabbiltà tal-kriterju tal-operatur privat. Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja, f’tali ċirkustanza, iddeċidiet li l-kriterju tal-operatur privat ma kienx applikabbli, hija ċertament kienet tiddeċiedi dwar kwistjoni li kienet lil hinn mill-portata tal-kawża. Kif tirrimarka ġustament il-Kummissjoni, il-kwistjoni tal-applikabbiltà tal-kriterju tal-operatur privat ma tistax tiġi ekwiparata ma’ kwistjonijiet ta’ politika pubblika li l-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tqajjem ex officio mingħajr talba magħmula mill-partijiet għal dawn il-finijiet.
106.
Għalhekk, inqis li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li, minħabba li l-Qorti tal-Ġustizzja kienet evalwat l-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat fil-kawża Frucona I, l-applikabbiltà ta’ dan it-test kienet res judicata. Madankollu, sa fejn il-Qorti tal-Ġustizzja taqbel miegħi dwar l-ewwel, it-tieni u r-raba’ aggravju, dan l-aggravju jibqa’ ineffettiv.
E. Fuq il-ħames u s-sitt aggravju
1. L-argumenti tal-partijiet
107.
Bil-ħames aggravju, il-Kummissjoni ssostni li l-kriterju tal-operatur privat jeżiġi li hija tistabbilixxi l-atitudni suġġettiva tal-awtorità pubblika u tipparaguna din l-atitudni suġġettiva mal-atitudni li operatur privat kien jadotta fl-istess ċirkustanzi. Hija ssostni li, sabiex jiġi applikat dan il-kriterju, l-unika prova rilevanti hija l-informazzjoni li kienet disponibbli, u l-iżviluppi li setgħu jiġu previsti, fiż-żmien meta ġiet adottata l-miżura inkwistjoni. Fil-fehma tal-Kummissjoni, l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat hija vvizzjata bi żball minħabba li l-Qorti Ġenerali ħtieġet li hija tipparaguna l-aġir tal-awtorità pubblika ma’ dak tal-operatur privat ipotetiku ideali, razzjonali u kompletament informat. B’dan il-mod, il-Qorti Ġenerali ħolqot rekwiżit addizzjonali li l-Kummissjoni trid tissodisfa fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat ( 43 ).
108.
Frucona targumenta li l-Qorti Ġenerali kienet korretta fl-evalwazzjoni tagħha. L-ewwel nett, l-evalwazzjoni kienet ibbażata fuq l-istess kriterju bħal dak li l-Kummissjoni nnifisha applikat fid-deċiżjoni inkwistjoni. Is-sentenza appellata ma toħloq l-ebda rekwiżit ġdid. Din sempliċement teħtieġ li l-Kummissjoni teżamina l-fatturi rilevanti kollha li kienu disponibbli u prevedibbli fiż-żmien meta ttieħdet il-miżura.
109.
Is-sitt aggravju huwa marbut mill-qrib mal-ħames aggravju. Skont dan l-aggravju, il-Kummissjoni tallega żball ta’ liġi sa fejn is-sentenza appellata tista’ tinftiehem bħala li tikkonkludi li l-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li twettaq investigazzjoni diliġenti u imparzjali ( 44 ). Il-Kummissjoni ssostni li l-oneru tal-prova tagħha kien kbir wisq. Fil-fehma tagħha, dan huwa l-każ partikolarment minħabba li s-sentenza appellata ma tipprovdix gwida suffiċjenti dwar kif għandu jintlaħaq il-livell probatorju meħtieġ.
110.
Frucona ssostni li l-Qorti Ġenerali kkritikat b’mod ċar in-nuqqas tal-Kummissjoni li tivverifika, inter alia, in-natura u l-metodoloġija sottostanti l-valutazzjonijiet li hija użat fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat. Fil-fehma tagħha, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet ġustament li l-Kummissjoni ma ġġustifikatx il-konklużjonijiet tagħha b’mod suffiċjenti.
2. Evalwazzjoni
111.
Hemm rabta bejn il-ħames u s-sitt aggravju. Huwa għalhekk xieraq li dawn jiġu ttrattati flimkien.
112.
Iż-żewġ aggravji li jifdal jirrigwardaw il-paragun tal-proċedura ta’ arranġament ġuridiku mal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju minn naħa, u mal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa min-naħa l-oħra. B’mod iktar speċifiku, dawn l-aggravji jiffokaw fuq il-portata tal-obbligu tal-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat. Il-Kummissjoni targumenta li s-sentenza appellata hija vvizzjata bi żball ta’ liġi, minħabba li l-Qorti Ġenerali ma wrietx li d-deċiżjoni inkwistjoni fiha żball manifest ta’ evalwazzjoni rigward l-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat.
a) Il-parametri tal-evalwazzjoni
113.
L-ewwel nett, il-parametri li jiddefinixxu l-evalwazzjoni li għandha ssir meta jiġi applikat il-kriterju tal-operatur privat diġà ġew iddefiniti fil-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
114.
Minn naħa, fil-kawża Frucona I, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li sabiex jiġi vverifikat jekk l-impriża benefiċjarja kinitx tikseb, manifestament, faċilitajiet paragunabbli mingħand operatur privat li jkun jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik ta’ kreditur pubbliku u li jkun jixtieq jikseb il-ħlas tas-somom dovuti lilu minn debitur li jkollu diffikultajiet finanzjarji, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni globali. Din l-evalwazzjoni trid tieħu inkunsiderazzjoni kwalunkwe fattur rilevanti f’dan il-każ li jippermettilha tiddetermina jekk l-impriża benefiċjarja kinitx tikseb, manifestament, faċilitajiet paragunabbli mingħand tali kreditur privat ( 45 ). F’din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja nnotat ukoll li għandha titqies bħala rilevanti l-informazzjoni kollha li tista’ tinfluwenza, b’mod sinjifikattiv, il-proċess deċiżjonali ta’ kreditur privat, normalment prudenti u diliġenti, li jkun jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-kreditur pubbliku u li jixtieq jikseb il-ħlas ta’ somom dovuti lilu minn debitur li għandu diffikultajiet li jħallas ( 46 ).
115.
Min-naħa l-oħra, bla dubju sabiex tillimita l-obbligi imposti fuq il-Kummissjoni fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li huma biss rilevanti l-provi disponibbli u l-iżviluppi prevedibbli fil-mument meta tkun ittieħdet id-deċiżjoni li jsir l-investiment ( 47 ).
116.
Punt qasir ieħor li nixtieq nagħmel qabel ma neżamina ż-żewġ aggravji li jifdal tal-Kummissjoni jikkonċerna l-ġurisdizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja fuq l-appell: ma hijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tevalwa mill-ġdid il-fatti jew il-provi fil-kuntest ta’ appell. Fil-fatt, iktar milli tfittex evalwazzjoni mill-ġdid tal-fatti jew tal-provi, il-Kummissjoni targumenta li fl-evalwazzjoni tal-provi fil-fajl, il-Qorti Ġenerali ħolqot rekwiżit ġdid għall-Kummissjoni rigward l-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat.
b) Il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali li tevalwa l-provi fil-fajl
117.
Fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li, fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat, il-Kummissjoni kellha tiddetermina jekk, għall-finijiet li jikseb il-ħlas tas-somom dovuti lilu, operatur privat normalment prudenti u diliġenti li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-awtoritajiet Slovakki kienx manifestament jirrifjuta l-proposta ta’ arranġament ġuridiku. Għal dawn il-finijiet, bil-għan li tidentifika l-iktar alternattiva vantaġġuża, hija kellha tipparaguna, abbażi tal-interessi tal-operatur privat, il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ kull waħda minn dawn il-proċeduri ( 48 ).
118.
Is-sentenza appellata l-ewwel ittrattat il-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju bħala alternattiva potenzjali għall-proċedura ta’ arranġament ġuridiku. Il-Qorti Ġenerali evalwat il-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni applikati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni inkwistjoni fir-rigward tal-krediti bi skadenza qasira u tal-attiv fiss (impjant tal-produzzjoni u makkinarju) ( 49 ). Hija kkonkludiet li l-provi fil-fajl amministrattiv ma kinux jiġġustifikaw biżżejjed l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni tal-profitt probabbli fil-każ ta’ stralċ ġudizzjarju. Hija ddeċidiet ukoll li, sabiex tirrimedja għal dan, il-Kummissjoni kellha tipprova tikseb informazzjoni supplimentari sabiex tivverifika u tiġġustifika l-konklużjonijiet tagħha ( 50 ).
119.
Is-sentenza appellata sussegwentement ittrattat il-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa. F’dan il-kuntest, il-Qorti Ġenerali tenniet il-fehma tagħha li l-konklużjonijiet misluta mill-evalwazzjoni tal-attiv immobilizzat u l-krediti ma kinux suffiċjentement iġġustifikati ex lege ( 51 ). Hija sussegwentement issoktat bl-identifikazzjoni ta’ tliet kwistjonijiet oħra li, fil-fehma tagħha, kienu jivvizzjaw ukoll id-deċiżjoni inkwistjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa: il-Kummissjoni kienet naqset milli tieħu debitament inkunsiderazzjoni t-tul ta’ dik il-proċedura, tevalwa l-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura u tikkunsidra l-possibbiltà li l-impriża tista’ taffaċċja stralċ ġudizzjarju matul il-proċedura ( 52 ).
120.
Il-Kummissjoni ssostni li l-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali joħolqu rekwiżit ġdid li l-Kummissjoni trid tikkonforma ruħha miegħu fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat: hija trid tirrikostitwixxi ex officio l-aġir tal-operatur privat ipotetiku ideali, razzjonali u kompletament informat.
121.
Fil-fehma tiegħi, l-ilmenti tal-Kummissjoni huma irrilevanti.
122.
Hawnhekk, punt ta’ importanza partikolari huwa li hija r-responsabbiltà tal-Qorti Ġenerali li ma tivverifikax biss l-eżattezza materjali tal-provi invokati, l-affidabbiltà tagħhom u l-koerenza tagħhom, iżda għandha wkoll tistħarreġ jekk dawn l-elementi jikkostitwixxux id-data kollha rilevanti li għandha tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata sitwazzjoni kumplessa u jekk humiex tali li jsostnu l-konklużjonijiet li jirriżultaw minnha ( 53 ).
123.
Essenzjalment, il-Qorti Ġenerali qieset li dan ma huwiex il-każ. Hija għamlet din il-konstatazzjoni kemm fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju kif ukoll ta’ dik tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa ( 54 ).
124.
Fir-rigward tal-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni, il-Kummissjoni targumenta li s-sentenza appellata ma tipprovdi ebda indikazzjoni dwar liema informazzjoni supplimentari kellha titfittex sabiex jintlaħaq il-limitu probatorju meħtieġ. Għalhekk, ir-rekwiżit impost fuq il-Kummissjoni jmur kontra l-loġika stess tal-kriterju tal-operatur privat; jiġifieri li jiġi evalwat l-istat mentali suġġettiv tal-awtorità pubblika fiż-żmien meta ttieħdet id-deċiżjoni.
125.
Ħarsa iktar mill-qrib lejn is-sentenza appellata fl-opinjoni tiegħi ma tikkorroborax din il-fehma. Fil-fatt, mis-sentenza appellata jista’ jiġi dedott li, fir-rigward tal-attiv immobilizzat, id-deċiżjoni inkwistjoni hija kkritikata minħabba li ma ġġustifikatx l-użu ta’ koeffiċjent ta’ likwidazzjoni ta’ 97 % ( 55 ). Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-kwistjoni tal-krediti, is-sentenza appellata tikkritika d-deċiżjoni inkwistjoni minħabba li ma ġġustifikatx l-għażla ta’ koeffiċjent ta’ likwidazzjoni ta’ 59 % ( 56 ). Fi kliem ieħor, il-problema identifikata mill-Qorti Ġenerali hija li d-deċiżjoni inkwistjoni hija bbażata fuq preżunzjonijiet mhux iġġustifikati dwar il-valur tal-assi tal-impriża fil-każ ta’ stralċ.
126.
Dan iwassalni għall-kawża Buczek Automotive li tirreferi għaliha s-sentenza appellata. Il-Kummissjoni tipprova tagħmel distinzjoni bejn din il-kawża u Buczek Automotive. B’mod partikolari, hija tirrimarka li n-natura tal-iżbalji f’din il-kawża ma humiex paragunabbli ma’ dawk li ġew ikkonstatati fl-ewwel istanza f’din il-kawża: fil-kawża Buczek Automotive ġie kkonstatat, rigward kwistjoni waħda, li l-fajl amministrattiv ma kien fih ebda prova materjali li tappoġġja l-konklużjoni tal-Kummissjoni ( 57 ). Il-Kummissjoni tinnota wkoll li din il-kawża hija differenti, minħabba li d-deċiżjoni inkwistjoni ma tipprovax tistabbilixxi dak li kieku kien jagħmel operatur privat.
127.
L-ewwel nett, l-allegata differenza bejn il-kawżi tikkostitwixxi distinzjoni mingħajr differenza: jekk xejn, din hija waħda ta’ grad. Fil-kawża Buczek Automotive ma ġiet prodotta ebda prova li tappoġġja l-konklużjoni li l-istralċ ġudizzjarju biss ippermetta l-irkupru effiċjenti tad-dejn. Bl-istess mod, fis-sentenza appellata ġie kkonstatat li d-deċiżjoni inkwistjoni wasslet għal sensiela ta’ konklużjonijiet li ma kinux iġġustifikati bi provi vigorużi biżżejjed fil-fajl amministrattiv ( 58 ). It-tieni nett, jidhirli li d-deċiżjoni inkwistjoni fil-fatt tistabbilixxi dak li kieku kien jagħmel operatur privat. Din tikkonkludi li operatur privat ma kienx jaċċetta l-arranġament propost: operatur privat kien jiffavorixxi kwalunkwe waħda mill-alternattivi pjuttost mill-arranġament ġuridiku ( 59 ).
128.
Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li s-sentenza appellata ma tinvokax biss il-kawża Buczek Automotive. Din tinvoka wkoll prinċipji stabbiliti sew li jipprovdu li l-evalwazzjoni (globali) tal-Kummissjoni għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni fattwalment eżatta, affidabbli u konsistenti ( 60 ). Iktar importanti, kif sostniet il-Qorti tal-Ġustizzja, kwalunkwe element rilevanti, li jista’ jassisti lill-Kummissjoni fid-determinazzjoni ta’ jekk l-impriża benefiċjarja kinitx tikseb, manifestament, faċilitajiet paragunabbli mingħand kreditur privat, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni f’din l-evalwazzjoni: kull informazzjoni li tista’ tinfluwenza sinjifikattivament il-proċess deċiżjonali ta’ kreditur privat, normalment prudenti u diliġenti, li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-awtorità pubblika, tista’ titqies li hija rilevanti ( 61 ).
129.
Il-qrati tal-Unjoni ma għandhomx jissostitwixxu l-evalwazzjonijiet ekonomiċi kumplessi tal-Kummissjoni fil-qasam tal-għajnuna mill-Istat ma’ dawk tagħhom. Madankollu, jibqa’ l-fatt li l-qrati tal-Unjoni jridu jkunu f’pożizzjoni li jivverifikaw jekk dawn l-evalwazzjonijiet humiex ibbażati fuq provi vigorużi.
130.
Jista’ jiġi argumentat li l-Qorti Ġenerali adottat approċċ strett. Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-Kummissjoni hija żbaljata meta ssostni li l-konklużjoni li nsiltet fis-sentenza appellata toħloq rekwiżit ġdid ta’ rikostruzzjoni tal-aġir ta’ operatur privat ipotetiku, ideali u razzjonali.
131.
Ma hemm xejn li jissuġġerixxi li s-sentenza appellata teħtieġ li l-Kummissjoni tħares lil hinn mill-informazzjoni li kienet disponibbli fiż-żmien meta ġiet adottata l-miżura inkwistjoni. Fl-evalwazzjoni tal-provi fil-fajl li jikkonċernaw il-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet sempliċiment li l-provi prodotti ma kinux suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-konklużjonijiet misluta fid-deċiżjoni inkwistjoni rigward is-sodisfazzjon tal-kriterju tal-operatur privat. Fi kliem ieħor, ma kinitx konvinta mill-provi prodotti sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ vantaġġ mogħti peress li mhux l-informazzjoni kollha rilevanti kienet ittieħdet inkunsiderazzjoni.
132.
Fil-fatt, is-sitwazzjoni inkwistjoni ma hijiex differenti minn dik fil-kawża Tetra Laval sa fejn il-Qorti Ġenerali ma żiditx kundizzjoni għall-grad ta’ prova meħtieġ f’din il-kawża. Din sempliċiment qieset li l-provi prodotti ma stabbilixxewx il-każ tal-Kummissjoni b’mod konvinċenti ( 62 ).
133.
Id-distinzjoni bejn konklużjonijiet iġġustifikati u inġustifikati hija probabbilment diffiċli li tiġi stabbilita b’mod ġenerali. Huwa għalhekk li għandha tkun il-Qorti Ġenerali li twettaq l-evalwazzjoni neċessarja tal-provi, f’dan il-każ, mingħajr interferenza indebita mill-Qorti tal-Ġustizzja.
134.
Dan iwassalni għall-argumenti tal-Kummissjoni relatati mal-evalwazzjoni tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa, li jeħtieġu l-osservazzjonijiet segwenti.
135.
Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-assi u tal-koeffiċjenti ta’ likwidazzjoni użati, il-konklużjoni trid tkun l-istess bħal fil-każ tal-proċedura ta’ stralċ ġudizzjarju: il-Qorti Ġenerali kienet iġġustifikata, fid-dawl tal-ġurisdizzjoni tagħha li tistħarreġ il-fatti u l-provi, li tislet il-konklużjoni li waslet għaliha.
136.
Barra minn hekk, nosserva li l-Kummissjoni ma kkonfutatx speċifikament l-analiżi tal-Qorti Ġenerali rigward tliet kwistjonijiet oħra li, fil-fehma tagħha, kienu jivvizzjaw ukoll id-deċiżjoni inkwistjoni: in-nuqqas ta’ evalwazzjoni xierqa tat-tul tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa, tal-ispejjeż relatati ma’ dik il-proċedura u tal-possibbiltà li l-impriża taffaċċja stralċ ġudizzjarju matul il-proċedura.
137.
Ftit li xejn jista’ jiġi argumentat li kreditur privat normalment prudenti u diliġenti li jinsab fl-eqreb sitwazzjoni possibbli għal dik tal-awtorità tat-taxxa lokali seta’ sempliċiment jinjora dawn l-elementi. Il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-kawża Frucona I diġà ddeċidiet li, fir-rigward tal-istralċ ġudizzjarju, it-tul tal-proċedura huwa element li jista’ jinfluwenza, b’mod sinjifikattiv, il-proċess deċiżjonali ta’ kreditur privat, normalment prudenti u diliġenti ( 63 ). L-istess ħaġa għandha tapplika għall-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa. Barra minn hekk, l-ispejjeż relatati ma’ din il-proċedura u n-neċessità li tiġi kkunsidrata l-possibbiltà ta’ stralċ ġudizzjarju matul din il-proċedura bla dubju huma elementi rilevanti ħafna għal kwalunkwe kreditur normalment prudenti u diliġenti li jixtieq jirkupra s-somom mingħand debitur li jkollu diffikultajiet finanzjarji. Dawn il-konstatazzjonijiet waħedhom fil-fehma tiegħi huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-konklużjoni li l-Kummissjoni ma qisitx l-informazzjoni kollha rilevanti fl-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat, konformement mal-ġurisprudenza ta’ Frucona I ( 64 ).
138.
Peress li l-Kummissjoni ma kkontestatx dawn il-konstatazzjonijiet magħmula fis-sentenza appellata, l-argumenti tagħha li jikkonċernaw l-iżbalji rigward l-evalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-kriterju tal-operatur privat b’rabta mal-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa jridu, f’dawn iċ-ċirkustanzi, jitqiesu bħala ineffettivi.
139.
Sabiex nikkonkludi, hija l-Kummissjoni li għandha twettaq investigazzjoni imparzjali u diliġenti sabiex tistabbilixxi jekk miżura tikkostitwixxix għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Dan trid tagħmlu billi tiġġustifika l-konklużjonijiet tagħha permezz ta’ provi fattwalment eżatti, affidabbli u konsistenti. Dawn il-provi jrid ikun fihom l-informazzjoni kollha rilevanti għall-konklużjoni li miżura tikkostitwixxi għajnuna. Fil-kawża preżenti, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li l-konklużjonijiet misluta fid-deċiżjoni inkwistjoni rigward il-vantaġġi u l-iżvantaġġi tal-alternattivi għall-proċedura ta’ arranġament ġuridiku ma kinux ibbażati fuq l-informazzjoni kollha rilevanti. Dan ma joħloqx rekwiżit ġdid għall-grad ta’ prova meħtieġ.
140.
Għaldaqstant, fil-fehma tiegħi, il-ħames u s-sitt aggravju għandhom jiġu miċħuda bħala infondati wkoll.
F. Konklużjoni
141.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad l-appell u tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
( 1 ) Lingwa oriġinali: l-Ingliż.
( 2 ) Sentenza tas-16 ta’ Marzu 2016, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni (T‑103/14, EU:T:2016:152, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”).
( 3 ) ĠU 2014 L 176, p. 38 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”).
( 4 ) Skont il-każ, dan il-kriterju jsir riferiment għalih ukoll bħala, fost l-oħrajn, il-kriterju ta’ investitur privat, ta’ kreditur privat jew ta’ bejjiegħ privat.
( 5 ) Għajnuna mill-Istat Nru C 25/2005 (ex NN 21/2005) — Miżura favur Frucona Košice (ĠU 2005 C 233, p. 47).
( 6 ) (ĠU 2007, L 112, p. 14, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inizjali”).
( 7 ) Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni (T‑11/07, EU:T:2010:498).
( 8 ) Sentenza tal-24 ta’ Jannar 2013, Frucona Košice vs Il-Kummissjoni (C‑73/11 P, EU:C:2013:32) (iktar ’il qudiem “Frucona I”).
( 9 ) Digriet tal-21 ta’ Marzu 2014, Frucona Košice v Il-Kummissjoni (T‑11/07 RENV, EU:T:2014:173.)
( 10 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 81 sa 85).
( 11 ) Ara, fost ħafna, is-sentenzi tat-23 ta’ Frar 1961, De Gezamenlijke Steenkolenmijnen in Limburg vs Awtorità Għolja (30/59, EU:C:1961:2, p. 19) u tal-15 ta’ Marzu 1994, Banco Exterior de España (C‑387/92, EU:C:1994:100, punti 12 u 13). Ara, iktar reċentement, il-kawża Frucona I, punti 68 u 69, u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 12 ) Frucona I, punt 70 u s-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 13 ) Ara s-sentenzi tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep (C‑224/12 P, EU:C:2014:213, punt 32) u tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 103).
( 14 ) Frucona I, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 15 ) Punti 109 sa 118 tas-sentenza appellata.
( 16 ) Punt 247 tas-sentenza appellata.
( 17 ) Ara, fir-rigward ta’ investitur privat, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 81).
( 18 ) Frucona I, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 19 ) Frucona I, punt 72 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 20 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 82).
( 21 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punti 86 u 87).
( 22 ) Sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il-Kummissjoni (C‑214/12 P, C-215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682, punti 57, 60 u 61).
( 23 ) Punt 113 tas-sentenza appellata.
( 24 ) Mill-premessi 83 u 128 sa 132 tad-deċiżjoni inkwistjoni jirriżulta li d-direttorat tat-taxxa ċentrali oppona l-arranġament propost u li r-Repubblika Slovakka qieset li l-arranġament propost jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.
( 25 ) Għall-kuntrarju, kif ser jiġi spjegat f’iktar dettall iktar ’il quddiem, id-deċiżjoni inkwistjoni tapplika l-kriterju tal-operatur tas-suq privat sabiex tikkonkludi li l-annullament tad-dejn fiskali jikkostitwixxi għajnuna mill-Istat.
( 26 ) Ara, is-sentenzi tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 104), u tat-3 ta’ April 2014, Il-Kummissjoni vs Il-Pajjiżi l-Baxxi u ING Groep (C‑224/12 P, EU:C:2014:213, punt 33).
( 27 ) Punt 247 tas-sentenza appellata.
( 28 ) Punt 245 tas-sentenza appellata.
( 29 ) Sentenza tal-24 ta’ Ottubru 2013, Land Burgenland et vs Il-Kummissjoni (C‑214/12 P, C‑215/12 P u C‑223/12 P, EU:C:2013:682).
( 30 ) Punt 247 tas-sentenza appellata.
( 31 ) Mill-premessa 121 tad-deċiżjoni inkwistjoni jidher li l-proċedura ta’ eżekuzzjoni tat-taxxa ġiet eżaminata bħala alternattiva għall-proċedura ta’ arranġament ġuridiku skont il-kriterju tal-operatur tas-suq privat minkejja li l-awtorità tat-taxxa lokali ma kinitx speċifikament qieset l-użu ta’ din il-proċedura.
( 32 ) Frucona I, punt 73 u l-ġurisprudenza ċċitata u, għal dan l-għan, is-sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 86).
( 33 ) Punti 99 sa 104 tas-sentenza appellata.
( 34 ) Premessi 80 sa 84 u 128 sa 132 tad-deċiżjoni inkwistjoni.
( 35 ) Ara l-punt 29 iktar ’il fuq.
( 36 ) Premessi 139 u 140 tad-deċiżjoni inkwistjoni.
( 37 ) Ara l-punt 73 iktar ’il fuq.
( 38 ) Premessi 84 u 85 tad-deċiżjoni inkwistjoni.
( 39 ) Punti 119 sa 126 tas-sentenza appellata.
( 40 ) Punt 123 tas-sentenza appellata.
( 41 ) Punt 125 tas-sentenza appellata
( 42 ) Sentenza tal-21 ta’ Settembru 2010, L-Isvezja u API vs Il-Kummissjoni u Il-Kummissjoni vs API (C‑514/07 P, C‑528/07 P u C‑532/07 P, EU:C:2010:541, punt 65).
( 43 ) Punti 137 u 180 sa 213 tas-sentenza appellata.
( 44 ) Punti 191 sa 195 tas-sentenza appellata.
( 45 ) Frucona I, punti 72 u 73 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 46 ) Frucona I, punt 78.
( 47 ) Sentenza tal-5 ta’ Ġunju 2012, Il-Kummissjoni vs EDF (C‑124/10 P, EU:C:2012:318, punt 105).
( 48 ) Punt 137 tas-sentenza appellata.
( 49 ) Punti 185 sa 200 tas-sentenza appellata.
( 50 ) Punti 201 sa 235 tas-sentenza appellata.
( 51 ) Punti 277 u 278 tas-sentenza appellata.
( 52 ) Punti 279 sa 283 tas-sentenza appellata.
( 53 ) Frucona I, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata.
( 54 ) Punti 201, 278 u 284 tas-sentenza appellata.
( 55 ) Punt 191 tas-sentenza appellata.
( 56 ) Punt 198 tas-sentenza appellata.
( 57 ) Sentenza tal-21 ta’ Marzu 2013, Il-Kummissjoni vs Buczek Automotive (C‑405/11 P, EU:C:2013:186, punt 60).
( 58 ) Punti 191, 194, 196, 199, 279 u 283 tas-sentenza appellata.
( 59 ) Premessi 119 u 124 tad-deċiżjoni inkwistjoni.
( 60 ) Sentenzi tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval (C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 39), u tat-2 ta’ Settembru 2010, Il-Kummissjoni vs Scott (C‑290/07 P, EU:C:2010:480, punt 65. Ara wkoll Frucona I, punt 76).
( 61 ) Frucona I, punt 78.
( 62 ) Ara s-sentenza tal-15 ta’ Frar 2005, Il-Kummissjoni vs Tetra Laval (C‑12/03 P, EU:C:2005:87, punt 41).
( 63 ) Frucona I, punt 81.
( 64 ) Ara, għal dan l-għan, Frucona I, punt 77.