KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
BOT
ippreżentati fis-7 ta’ Settembru 2017 ( 1 )
Kawża C-314/16
Il-Kummissjoni Ewropea
vs
Ir-Repubblika Ċeka
“Nuqqas ta’ Stat li jwettaq obbligu – Direttiva 2006/126/KE – Trasport – Liċenzja tas-sewqan – Estensjoni tad-definizzjonijiet tal-kategoriji C1 u C kif ukoll limitazzjoni tad-definizzjoni tal-kategorija D1”
1.
Permezz tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni Ewropea titlob lill‑Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li:
–
billi ma ssodisfattx l-obbligu li tikkategorizza taħt id‑definizzjoni tal-kategoriji C1 u C, biss il-vetturi bil-mutur minbarra dawk tal-kategoriji D1 u D, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l‑Artikolu 4(1) u l-Artikolu 4(4)(d) u (f) tad‑Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal‑Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas‑Sewqan ( 2 ), u
–
billi illimitat id-definizzjoni tal-kategorija D1 għall-vetturi bil-mutur iddisinjati u mibnija għat-trasport ta’ iktar minn tmien passiġġieri, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l‑obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 4(4)(h) ta’ din id-direttiva.
2.
F’dawn il-konklużjonijiet, ser nindika r-raġunijiet li għalihom jiena tal-fehma li dan ir-rikors għal nuqqas ta’ twettiq ta’ obbligu huwa fondat.
I. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
3.
Skont il-premessi 1, 2 u 12 tad-Direttiva 2006/126:
“(1)
Id-Direttiva tal-Kunsill 91/439/KEE, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar il‑liċenzji tas-sewqan ( 3 ) ġiet emendata b’mod sostanzjali diversi drabi. Issa li qegħdin jiġu introdotti emendi ġodda lill-imsemmija Direttiva, huwa xieraq, sabiex jiġi ċċarat is-suġġett, li d‑dispożizzjonijiet in kwistjoni jiġu mfassla mill-ġdid.
(2)
Ir-regoli dwar il-liċenzji tas-sewqan huma essenzjali fl‑implementazzjoni tal-politika tat-trasport komuni, jikkontribwixxu għat-titjib tas-sigurtà fit-toroq, u jiffaċilitaw il‑moviment liberu ta’ persuni li jkunu sejrin jagħmlu r-residenza tagħhom fi Stat Membru differenti minn dak fejn tkun inħarġet il-liċenzja. Fid-dawl ta’ l-importanza tat-trasport fuq il-bażi ta’ mezzi individwali, il-pussess ta’ liċenzja tas-sewqan debitament rikonoxxuta mill-Istat Membru ospitanti tippromovi l-moviment liberu u l-libertà ta’ l-istabbiliment ta’ persuni. Minkejja l-progress milħuq permezz ta’ l-armonizzazzjoni tar-regoli dwar il-liċenzji tas-sewqan, għadhom jippersistu differenzi sinifikattivi bejn l-Istati Membri fir-rigward tar-regoli […] dwar sotto-kategoriji ta’ vetturi, li jeħtieġu li jiġu armonizzati aktar bis-sħiħ, sabiex jikkontribwixxu għall-implementazzjoni tal-politika tal-Komunità.
[…]
(12)
Id-definizzjonijiet tal-kategoriji għandhom jirriflettu aktar il‑karatteristiċi tekniċi tal-vetturi konċernati u l-ħiliet meħtieġa sabiex tinsaq vettura.”
4.
Din id-direttiva tiddikjara, fl-Artikolu 1(1) tagħha, intitolat “Mudell tal-liċenzja”:
“1. L-Istati Membri għandhom jintroduċu liċenzja tas-sewqan nazzjonali bbażata fuq il-mudell Komunitarju stabbilit fl-Anness I, skond id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva. L-emblema fil-paġna 1 tal‑mudell Komunitarju tal-liċenzji tas-sewqan għandu jinkludi l-marka distintiva ta’ l-Istat Membru li joħroġ il-liċenzja.”
5.
L-Artikolu 4(1) u (4) tal-imsemmija direttiva, intitolat “Kategoriji, definizzjonijiet u età minima”, jipprovdi:
“1. Il-liċenzja tas-sewqan prevista fl-Artikolu 1 għandha tawtorizza s‑sewqan ta’ vetturi b’mutur fil-kategoriji definiti aktar ’l isfel. Hija tista’ tinħareġ mill-età minima indikata għal kull kategorija. ‘Vettura b’mutur’ tfisser kwalunkwe vettura, barra vettura li timxi fuq linji ta’ ferrovija, bi propulsjoni awtonoma li timxi fuq it-triq permezz tal-qawwa tagħha stess.
[…]
4. Vetturi bil-mutur:
–
‘vettura bil-mutur’ tfisser kwalunkwe vettura b’mutur, normalment użata għat-trasport ta’ persuni jew merkanzija fuq it-triq jew għall-ġbid, fuq it-triq, ta’ vetturi użati għat‑trasport ta’ persuni jew merkanzija. Dan it-terminu għandu jinkludi trolleybuses, jiġifieri vetturi konnessi ma’ konduttur elettriku u li ma jimxux fuq binarji. It-terminu ma għandux jinkludi tratturi agrikoli jew tal-forestrija;
[…]
d)
Kategorija C1:
vetturi bil-mutur diversi minn dawk tal-Kategoriji D1 jew D, li l-massa massima awtorizzata tagħhom taqbeż 3500 kg, iżda ma taqbizx 7500 kg u li jkunu proġettati u mibnija għat‑trasport ta’ mhux aktar minn tmien passiġġieri minbarra s-sewwieq; il-vetturi bil-mutur f’din il-kategorija jistgħu jiġu kombinati ma’ karru ta’ massa massima awtorizzata li ma taqbiżx 750 kg;
[…]
f)
Kategorija C:
vetturi bil-mutur diversi minn dawk tal-Kategoriji D1 jew D, li l-massa massima awtorizzata tagħhom taqbeż 3500 kg u li jkunu proġettati u mibnija għat-trasport ta’ mhux aktar minn tmien passiġġieri minbarra s-sewwieq; il-vetturi bil-mutur f‘din il-kategorija jistgħu jiġu kombinati ma’ karru ta’ massa massima awtorizzata li ma taqbiżx 750 kg;
[…]
h)
Kategorija D1:
vetturi bil-mutur proġettati u mibnija għat-trasport ta’ mhux aktar minn 16-il passiġġier minbarra s-sewwieq u ta’ tul massimu ta’ mhux aktar minn tmien metri; il-vetturi bil-mutur f’din il-kategorija jistgħu jiġu kombinati ma’ karru ta’ massa massima awtorizzata li ma taqbiżx 750 kg;
[…]
j)
Kategorija D:
vetturi bil-mutur proġettati u mibnija għat-trasport ta’ mhux aktar minn 8 passiġġieri minbarra s-sewwieq; il-vetturi bil-mutur li jistgħu jinstaqu b’liċenzja tal-Kategorija D jistgħu jiġu kombinati ma’ karru ta’ massa massima awtorizzata li ma taqbiżx 750 kg;
[…]”
6.
Skont l-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 2006/126, intitolat “Ħruġ, validità u tiġdid”:
“1. Il-liċenzji tas-sewqan għandhom jinħarġu biss lil dawk l-applikanti:
a)
li jkunu għaddew minn test ta’ abbiltà u ta’ komportament u minn test teoriku u li jissodisfaw l-istandards mediċi, skond il-dispożizzjonijiet ta’ l-Annessi II u III”.
7.
L-Artikolu 16 ta’ din id-direttiva, intitolat “Traspożizzjoni”, jipprovdi:
“1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, mhux aktar tard minn 19 ta’ Januar 2011, il-liġijiet, ir-regolamenti u d‑dispożizzjonijiet amministrattivi neċessarji sabiex jikkonformaw ma’ l-Artikolu 1(1), l-Artikolu 3, l-Artikolu 4(1), (2), (3) u (4)(b) sa (k) […]. Huma għandhom minnufih jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test ta’ dawk id-dispożizzjoniet.
2. Huma għadhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet minn 19 ta’ Januar 2013.
[…]”
B. Id-dritt Ċek
8.
L-Artikolu 80a(1)(g), (h) u (i) taz-Zákon č. 361/2000 Sb. o provozu na pozemních komunikacích a o změnách některých zákonů (Liġi Nru 361/2000 dwar it-traffiku fuq ir-rotot ta’ trasport fuq l-art u li jemendaw ċerti liġijiet), kif emendata fl-aħħar ( 4 ), tipprevedi:
“1) Fil-kategorija
[…]
g)
C1 hemm inklużi vetturi bil-mutur, bl-eċċezzjoni ta’ tratturi, li l-massa massima awtorizzata tagħhom teċċedi 3500 kg iżda ma teċċedix 7500 kg, li huma intiżi għat-trasport ta’ mhux iktar minn tmien persuni, minbarra s-sewwieq, u li jistgħu jiġu gganċjati ma’ rmonk ta’ massa massima awtorizzata li ma teċċedix 750 kg;
h)
C hemm inklużi vetturi bil-mutur, bl-eċċezzjoni ta’ tratturi u ta’ vetturi imsemmija fil-punt (g), li l-massa massima awtorizzata teċċedi 3500 kg, li huma intiżi għat-trasport ta’ mhux iktar minn tmien persuni, minbarra s-sewwieq, u li jistgħu jiġu gganċjati ma’ karru ta’ massa massima awtorizzata li ma teċċedix 750 kg;
i)
D1 hemm inklużi vetturi bil-mutur b’tul li ma jeċċedix 8 m, li huma intiżi għat-trasport ta’ bejn 8 u sa mhux iktar minn 16–il persuna, minbarra s-sewwieq, u li jistgħu jiġu gganċjati ma’ karru ta’ massa massima awtorizzata li ma teċċedix 750 kg.”
II. Il-proċedura prekontenzjuża
9.
Permezz ta’ ittra tal-11 ta’ Lulju 2014, il-Kummissjoni bagħtet ittra ta’ intimazzjoni lir-Repubblika Ċeka, li fiha ġibdet l-attenzjoni ta’ dan l-Istat Membru għall-fatt li ċerti dispożizzjonijiet tal-legiżlazzjoni nazzjonali tiegħu, speċjalment dawk li jikkonċernaw id-definizzjoni tal‑kategoriji C1, C u D1 tal-liċenzji tas-sewqan, ma kinux konformi mad-Direttiva 2006/126.
10.
Wara li eżaminat l-argumenti mressqa mir-Repubblika Ċeka, li kienu jinsabu fir-risposta tat-8 ta’ Ottubru 2014, il-Kummissjoni ħarġet opinjoni motivata permezz ta’ ittra tas-27 ta’ Frar 2015,. Hija stiednet ukoll lir-Repubblika Ċeka tieħu l-miżuri neċessarji sabiex tikkonforma ruħha ma’ din l-opinjoni f’terminu ta’ xahrejn min-notifika. Dan it‑terminu ġie estiż sas-27 ta’ Mejju 2015, fuq talba tar-Repubblika Ċeka.
11.
Permezz ta’ ittra tat-22 ta’ Mejju 2015, ir-Repubblika Ċeka wieġbet għall-opinjoni motivata billi indikat, rigward id-definizzjoni tal‑kategoriji C, C1 u D1 tal-vetturi, li, “sabiex jiġi eskluż kull riskju ta’ ambigwità u sabiex ikun hemm ċertezza legali ikbar, ir-Repubblika Ċeka taċċetta li temenda parzjalment id-dispożizzjonijiet legali fis-seħħ li għandhom jissodisfaw ir-rekwiżiti tal-Kummissjoni”.
12.
Fin-nuqqas ta’ komunikazzjoni dwar l-adozzjoni possibbli tal‑emendi previsti u peress li, fi kwalunkwe każ, l-allegati nuqqasijiet kienu għadhom fis-seħħ fid-data tal-iskadenza tat-terminu stabbilit fl‑opinjoni motivata, il-Kummissjoni ppreżentat dan ir-rikors quddiem il‑Qorti tal-Ġustizzja.
III. L-argumenti tal-partijiet
A. Il-Kummissjoni
13.
Insostenn tar-rikors tagħha, il-Kummissjoni tinvoka żewġ motivi.
14.
Permezz tal-ewwel motiv, hija ssostni li, fl-Artikolu 4(4) tad-Direttiva 2006/126, id-definizzjonijiet tal-kategoriji C1 u C tal‑vetturi huma espliċitament differenti mill-kategoriji D1 u D u li d-dritt Ċek ma inkludiex din id-distinzjoni, li taqra kif ġej: “vetturi bil-mutur għajr dawk tal-kategoriji D1 jew D”. Dan in-nuqqas għandu l-konsegwenza li, f’dan l-Istat Membru, id-detentur ta’ liċenzja tal-kategorija C1 jew C huwa awtorizzat isuq vettura maħsuba għat-trasport ta’ mhux iktar minn tmien passiġġieri, irrispettivament minn jekk kinitx intiża għat-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija, filwaqt li din id-direttiva teżiġi liċenzja tas-sewqan tal-kategorija D1 jew D jekk il-vettura hija maħsuba u mibnija għat-trasport ta’ passiġġieri.
15.
Il-Kummissjoni tesponi l-konsegwenzi ta’ tali nuqqas, billi tieħu l‑eżempju ta’ minibus lussuża jew ta’ karozzi b’armatura privati maħsuba għat-trasport ta’ passiġġieri. Minħabba l-karatteristiċi tekniċi tagħhom (mhux iktar minn tmien passiġġieri, massa ikbar minn 3500 kg u tul inqas minn jew ekwivalenti għal tmien metri), huma jistgħu jinsaqu mid‑detentur ta’ liċenzja tal-kategorija C1 filwaqt li għat-trasport ta’ persuni għandha tkun meħtieġa liċenzja tal-kategorija D1.
16.
Permezz tat-tieni motiv tagħha, il-Kummissjoni tiddikjara li, filwaqt li l-Artikolu 4(4)(h) tad-Direttiva 2006/126 jiddefinixxi l‑kategorija D1 bħala dik li tinkludi “vetturi bil-mutur projettati u mibnija għat-trasport ta’ mhux iktar minn 16-il passiġġier minbarra s‑sewwieq”, id-dritt Ċek, billi impona numru minimu ta’ tmien persuni, introduċa kundizzjoni addizzjonali, kuntrarjament għall-Artikolu 4(4)(h) ta’ din id-direttiva.
17.
Insostenn ta’ dawn iż-żewġ motivi, il-Kummissjoni tispjega li, tradizzjonalment, il-kategorija C tkopri vetturi bil-mutur intiżi għat‑trasport ta’ merkanzija, filwaqt li l-kategorija D tkopri vetturi bil‑mutur intiżi għat-trasport ta’ passiġġieri. Madankollu, dan ma jipprekludix lill-vetturi bil-mutur ta’ kategorija C milli jittrasportaw passiġġieri. F’dan il-każ, dawn ikunu prinċipalment il-persuni ttrasportati li huma inkarigati bit-tagħbija tal-vettura.
18.
Billi ċerti karatteristiċi tekniċi tal-kategoriji C u C1 huma identiċi għal dawk tal-kategoriji D1 u D, il-Kummissjoni tenfażizza l-ħtieġa li tirriżerva l-aħħar kategoriji għall-vetturi bil-mutur maħsuba għat-trasport ta’ persuni.
19.
Il-Kummissjoni tinvoka l-istorja leġiżlattiva tal-liġijiet tal-Unjoni dwar il-liċenzja tas-sewqan. Hija ssostni li:
–
l-Artikolu 3(1) tal-ewwel Direttiva 80/1263/KEE ( 5 ) dwar l-introduzzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan Komunitarja, għamel distinzjoni bejn il-kategoriji C u D skont jekk il-vetturi bil-mutur kinux jintużaw għall-ġarr ta’ merkanzija (kategorija C) jew ta’ passiġġieri (kategorija D), b’din l-aħħar kategorija tkun barra minn hekk limitata bin-numru ta’ passiġġieri awtorizzati, li kellu jkun ta’ tmienja jew iktar.
–
l-Artikolu 3(1) u (2) tad-Direttiva 91/439/KEE ( 6 ) dwar il-liċenzji tas-sewqan introduċiet il-klassifikazzjoni tas‑subkategoriji C u C1, minn naħa, kif ukoll D u D1, min‑naħa l-oħra. Id-distinzjoni tal-vetturi bil-mutur skont il-finalità tagħhom (it-trasport ta’ passiġġieri jew ta’ merkanzija) ma baqgħetx “daqshekk ċara” ( 7 ) peress li d-definizzjoni tal-kategoriji C u C1 ma semmietx iktar il-ġarr ta’ merkanzija. Madankollu, il-kategoriji C u D ġew iddefiniti f’din id-direttiva bħala reċiprokament esklużivi. Is-subkategoriji bin-numru 1 kienu jirreferu, fil-prinċipju, għall-vetturi ta’ daqs iżgħar.
20.
Il-Kummissjoni ssemmi wkoll il-fatt li d-definizzjoni tal-kategoriji kienet emendata ftit bid-Direttiva 2006/126. Il-leġiżlatur tal-Unjoni żied in-numru massimu ta’ passiġġieri awtorizzati li jistgħu jiġu ttrasportati fil-vetturi bil-mutur tal-kategoriji C u C1, numru li jikkorrispondi man-numru ta’ persuni li jistgħu jiġi ttrasportati li huma inkarigati bit-tagħbija. L-espressjoni “ġarr tal‑merkanzija” ma tidhirx fit-test tad-dispożizzjonijiet li jiddefinixxi l-kategoriji C. Madankollu, kif jidher fl-Anness II, intitolat “Rekwiżiti minimi għat-testijiet tas-sewqan”, il-vetturi tal-kategoriji C huma primarjament intiżi għall-ġarr ta’ merkanzija u l-vetturi tal-kategoriji D għat-trasport ta’ passiġġieri. Barra minn hekk, id-Direttiva 2006/126 neħħiet il-limitu minimu ta’ tmien passiġġieri għall-vetturi bil-mutur tal‑kategorija D1. B’hekk, din il-kategorija hija ddefinita biss min-numru massimu ta’ passiġġieri, li ma jistax ikun iktar minn sittax, u mit-tul massimu tal-vettura, stabbilit bħala tmien metri.
B. Ir-Repubblika Ċeka
21.
Ir-Repubblika Ċeka tqis li r-rikors tal-Kummissjoni ma huwiex fondat u titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tiċħdu. Hija ssostni li l-metodu li għażlet iwassal għal traspożizzjoni xierqa u komprensibbli tad-dispożizzjonijiet inkwistjoni, li tiżgura l-għan li għandu jintlaħaq mid-Direttiva 2006/126.
22.
Din il-parti tqis, minn naħa, li, skont id-dritt tal-Unjoni, hija ma kinitx marbuta twettaq traspożizzjoni letterali tad‑dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva u setgħet tagħżel li tikkjarifika l-kriterji oġġettivi li jippermettu li ssir distinzjoni bejn kategoriji differenti ta’ vetturi, kemm-il darba jwasslu għar-riżultat mixtieq.
23.
Hija tqis, min-naħa l-oħra, li l-leġiżlatur tal-Unjoni ddefinixxa l-kategoriji tal-vetturi fl-Artikolu 4(4) tal-imsemmija direttiva, b’karatteristiċi tekniċi li jikkoinċidu, mingħajr ma għamel riferiment għat-trasport ta’ merkanzija u ta’ persuni, filwaqt li ħalla f’idejn l-Istati Membri sabiex jiddistingwu dawn il-kategoriji, kif jindikaw it-termini “vetturi bil-mutur diversi minn dawk tal-Kategoriji D1 jew D”. Għaldaqstant, ir-Repubblika Ċeka, fasslet definizzjoni, fuq livell nazzjonali, komprensibbli u li fil-prattika diffiċli li tagħti lok għal tilwim, tal-kategoriji tal-vetturi Cl, C, u D1, li tissodisfa l-għan, stabbilit mid-dritt tal-Unjoni, li ssir distinzjoni bejn il-kategoriji tal-vetturi skont il-finalità tat-trasport ( 8 ). Għaldaqstant, hija tiġġustifika għalfejn għażlet li tiddistingwi l-kategorija D1 permezz tan-numru ta’ passiġġieri li jistgħu jiġu ttrasportati (limitu minimu ta’ iktar minn tmienja).
24.
Fil-fatt, ir-Repubblika Ċeka tenfasizza l-fatt li l-varjetà ta’ kriterji distintivi, bħal dak tal-massa tal-vettura (kategoriji C u C1), it-tul tal‑vettura (kategorija D1), jew inkella n-numru massimu jew minimu tal‑persuni ttrasportati (C, C1, D, D1), twassal għal koinċidenzi li joħolqu nuqqas ta’ ftehim jew konfużjoni peress li vettura waħda tista’ taqa’ taħt diversi kategoriji.
25.
Hija tispjega wkoll li, fin-nuqqas ta’ distinzjoni, il-kategorija ta’ vetturi bil-mutur D1 (vetturi bil-mutur ta’ tul massimu ta’ tmien metri li jistgħu jittrasportaw mhux iktar minn sittax–il passiġġier) hija inkluża de facto fil-kategoriji Cl u C. Minn dan jista’ jiġi dedott ukoll li s-sewqan ta’ trakk ta’ inqas minn tmien metri jaqa’ taħt il-liċenzja tas-sewqan tal-kategorija D1 u, sempliċement għaliex ikun itwal minn tmien metri, jaqa’ taħt il‑liċenzja tas-sewqan tal-kategorija C1.
26.
Fil-kontroreplika tagħha, ir-Repubblika Ċeka tirrileva li l‑ġustifikazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni, li tipprovdi li l-vetturi tal‑kategoriji C huma “prinċipalment intiżi għat-trasport ta’ merkanzija” u l-vetturi tal-kategoriji D huma “prinċipalment intiżi għat-trasport ta’ passiġġieri” ( 9 ), sostanzjalment toħloq inċertezza u applikazzjoni prattika kontenzjuża. Skont ir‑Repubblika Ċeka, it-terminu “prinċipalment” jipprovdi opportunità ta’ nuqqas ta’ applikazzjoni tar-regola, iktar u iktar ladarba l‑klassifikazzjoni stretta tal-vetturi skont wieħed minn dawn il‑kriterji ma hijiex dejjem possibbli u, barra minn hekk, maż-żmien, jista’ jkun hemm bidliet fl-użu prinċipali tal-vetturi.
27.
Ir-Repubblika Ċeka ma taqbilx ukoll mal-allegazzjoni tal‑Kummissjoni li tipprovdi li t-traspożizzjoni fid-dritt Ċek twassal għal restrizzjoni inaċċettabbli tad-definizzjoni tal-kategorija tal-vetturi D1. Il-Kummissjoni ssostni b’mod żbaljat li l-minibuses lussużi jew il‑karozzi b’armatura privati, li jistgħu jakkomodaw sa mhux iktar minn tmien passiġġieri minbarra s-sewwieq, jaqgħu fil-kategorija ta’ vetturi D1, skont id-Direttiva 2006/126.
28.
Skont ir-Repubblika Ċeka, il-kategorija ta’ vetturi D1 tirrappreżenta subkategorija tal-kategorija ta’ vetturi D, kif jirriżulta mill-isem tagħha u mill-istorja leġiżlattiva tad-definizzjoni tal-kategoriji ta’ vetturi fi ħdan l-Unjoni. Din hija verżjoni “issemplifikata” tal-kategorija D u għalhekk ta’ parti speċifika mill-vetturi tal-kategorija D li, fid-dawl tal‑karatteristiċi tagħhom, jeħtieġu biss verżjoni ssemplifikata tal-liċenzja tas‑sewqan tal-kategorija D. Peress li l-limitu marbut man-numru ta’ persuni li jistgħu jiġu ttrasportati jidher fid-definizzjoni tal‑kategorija D ( 10 ), dan għandu jiġi applikat għall-kategorija D1. Inqas minn hekk, il-vetturi jistgħu biss jaqgħu taħt il-kategorija C, jew possibbilment C1.
IV. L-analiżi tiegħi
29.
Id-diskussjoni tirrigwarda l-kontenut tad-dispożizzjonijiet tad‑Direttiva 2006/126 li jiddefinixxi żewġ kategoriji prinċipali ta’ vetturi (C, D) u s-subkategoriji tagħhom (C1, D1) kif ukoll, essenzjalment, il-finalità tagħhom li ma tissemmiex espliċtiament fl-Artikolu 4(4)(d), (f), (h) u (j) ta’ dan it-test, jiġifieri li ssir distinzjoni bejn il-vetturi intiżi għat-trasport ta’ persuni u l-oħrajn.
30.
Bħall-Kummissjoni, jidhirli li huwa neċessarju li nesponi s-sens u l-portata tal-esklużjoni tal-kategoriji D u D1, bħala l-ewwel kriterju distintiv tal-kategoriji C u C1, billi titiqiegħed fil-kuntest tagħha ( 11 ) u billi jitfakkru l-għanijiet li għandhom jintlaħqu mil-leġiżlazzjoni li tagħmel parti minnha ( 12 ).
31.
Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126 irriżultaw mir‑riformulazzjoni tad-Direttiva 91/439, iġġustifikata mill-emendi ta’ din tal-aħħar, li saru diversi drabi.
32.
Din id-direttiva abrogat id-Direttiva 80/1263, li kienet introduċiet liċenzja tas-sewqan Komunitarja sabiex jiġu żgurat rikonoxximent reċiproku mill-Istati Membri tal-liċenzji tas-sewqan nazzjonali kif ukoll skambju tal-liċenzji ta’ detenturi li jibdlu r-residenza normali tagħhom jew il-post tax-xogħol tagħhom minn Stat Membru għal ieħor.
33.
F’din id-direttiva, il-leġiżlatur Ewropew ddefinixxa kategoriji differenti ta’ vetturi mhux irmonkati, immarkati bl-ittri A sa D, u identifikati skont kriterji differenti.
34.
Għaldaqstant, fl-Artikolu 3(1) tal-imsemmija direttiva ġew ikklassifikati, f’ordni axxendenti, il-vetturi b’żewġ roti jew bi tlieta (kategorija A), imbagħad il-vetturi bil-mutur minbarra dawk ta’ din il-kategorija b’limitu ta’ piż (3500 kg) u b’numru ta’ postijiet bil-qiegħda limitat (mhux iktar minn tmienja minbarra s-sedil tas-sewwieq), li jaqgħu fil-kategorija B.
35.
Il-vetturi l-oħra huma differenti minn din il-kategorija minħabba l-karatteristiċi li ġejjin:
–
C: vetturi bil-mutur użati għat-“trasport ta’ merkanzija u li l-piż massimu awtorizzat tagħhom jeċċedi 3500 kg”,
–
D: vetturi bil-mutur użati għat-“trasport ta’ persuni u b’iktar minn tmien postijiet bil-qiegħda minbarra s-sedil tas-sewwieq”.
36.
Il-mudell tal-liċenzja tas-sewqan, li jidher fl-Anness I tad‑Direttiva 80/1263, kien jinkludi t-termini ta’ dawn id-dispożizzjonijiet.
37.
L-Anness II ta’ din id-direttiva, intitolat “Rekwiżiti minimi għat‑testijiet tas-sewqan”, ma jipprevedix kundizzjonijiet partikolari għat-test teoretiku, u jippermetti li ssir distinzjoni bejn il-liċenzji skont il‑kategorija tal-vetturi C jew D.
38.
B’effett mill-1 ta’ Lulju 1996, id-data tad-dħul fis-seħħ tad‑Direttiva 91/439, il-leġiżlatur għażel li jiddistingwi bejn il-kategoriji C u D b’mod differenti, u dan b’għan preċiż.
39.
Fil-fatt, kif jirriżulta mit-tielet, mir-raba’ u mill-ħames premessi tagħha, din id-direttiva hija t-tieni stadju, wara dak tal-1980, ta’ armonizzazzjoni tal-kategoriji u tas-subkategoriji tal-vetturi kif ukoll tar-rekwiżiti minimi għall-ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan, u sabiex tinġibed l-attenzjoni għan-natura obbligatorja tad-dispożizzjonijiet komuni ( 13 ). Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li nħolqu s-subkategoriji C1 u D1 fl-Artikolu 3(2) tal-imsemmija direttiva.
40.
Id-distinzjoni bejn il-kategorija C jew D tal-vetturi, iġġustifikata mit-trasport ta’ merkanzija u ta’ passiġġieri fid-Direttiva 80/1263, ma għadhiex tidher bl-istess termini fit-test tad-Direttiva 91/439. Il‑kategorija D hija rriżervata għall-“vetturi bil-mutur għall-ġarr tal‑persuni” u l-kategorija C, bħas-subkategorija C1, hija ddefinita b’mod awtomatiku: “il-vetturi tal-mutur għajr dawk fil-kategorija D”.
41.
Madankollu, din id-distinzjoni saret, għall-ewwel darba, fil-mudell tal‑liċenzja tas-sewqan, li jinsab fl-Anness I ta’ din id-direttiva. Faċċata ta’ C, hemm il-pittogramma ta’ żewġ trakkijiet jew vetturi ta’ merkanzija tqila. C1 tinsab maġenb dik tat-trakk jew ta’ vettura ta’ merkanzija iżgħar. Faċċata ta’ D, hemm il‑pittogramma ta’ żewġ karozzi tal-linja, filwaqt li għal D1 il-karozza tal-linja hija iqsar.
42.
Fl-Anness II tal-imsemmija direttiva, hemm indikati l‑kundizzjonijiet meħtieġa għas-sewqan tal-vetturi flimkien ma’ rekwiżiti speċifiċi għal kull kategorija ta’ vetturi fosthom il-vetturi C u D, b’lista partikolari li tapplika biss għall-kategorija D:
“5.5. Il-kategorija D
Is-sewwieqa tal-vetturi f’din il-Kategoriji jridu juru għarfien dwar:
5.5.1.
ir-regoli li jirrigwardaw il-persuni li jġorru;
5.5.2.
kif għandhom iġibu ruħhom fil-każ ta’ inċident;
5.5.3.
iridu wkoll ikunu kapaċi jieħdu miżuri speċjali tas-sigurtà għall‑vettura.”
43.
Ix-xewqa li tinżamm il-kategorija speċifika tal-vettura “użata għat-trasport tal-persuni” esklużivament (fi kliem ieħor, “kategorija D”) tirriżulta b’mod ċar mill-għażla ta’ termini tad-dispożizzjonijiet ġodda tad-Direttiva 91/439.
44.
Fil-fatt, il-kategorija C issa hija ddefinita b’mod awtomatiku fir‑rigward tal-kategorija D, u mhux mill-kategorija B ( 14 ) minħabba l‑massa ta’ vetturi koperti. Għandha titqies ukoll in-neċessità li l-vetturi tal-kategorija C ma jkunux limitati biss għat-trasport ta’ merkanzija. It-trasport ta’ persuni, li għalih huma esklużivament intiżi l-vetturi, ikompli jiġġustifika l-eżistenza ta’ kategorija speċifika (D).
45.
L-istess kriterji ma humiex inklużi fid-definizzjoni tal-kategoriji C1 u D1, li jikkorrispondu għal vetturi li għandhom l-istess funzjoni iżda ta’ daqs iżgħar (każijiet li fihom il-massa jew in-numru ta’ passiġġieri huwa limitat). Il-massa tal-vettura tagħmel differenza fil-kategoriji ( 15 ) C u C1 filwaqt li għall-kategoriji D u D1 huwa in-numru ta’ passiġġieri, li huwa iktar minn tmienja ( 16 ) jew bejn tmienja u mhux iktar minn sittax, rispettivament.
46.
Id-Direttiva 2006/126 tirfina d-definizzjoni tal-kategoriji differenti ( 17 ), mingħajr, madankollu, ma tbiddel id-distinzjoni prinċipali tal-kategorija D, li hija rriżervata għat-trasport ta’ persuni.
47.
Fil-fatt, l-esklużjoni tal-kategorija D fid-definizzjoni tal-kategoriji C u C1 tintuża u hija kkompletata biż-żieda tal-kategorija D1. Il-mudell tal‑liċenzja tas-sewqan jinkludi l-istess pittogrammi bħal dawk deskritti fil-punt 41 ta’ dawn il-konklużjonijiet ( 18 ). Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet li jidhru fl-Anness II ( 19 ), li rrefera għalihom il-Gvern Ċek fir-risposta tiegħu ( 20 ), huma konsistenti.
48.
L-għan li għandu jintlaħaq huwa spjegat fil-premessa 12 tal‑imsemmija direttiva li tipprovdi li “id-definizzjonijiet tal-kategoriji għandhom jirriflettu aktar il-karatteristiċi tekniċi tal-vetturi konċernati u l-ħiliet meħtieġa sabiex tinsaq vettura.”
49.
Għalhekk, fir-rigward tar-rekwiżiti minimi għat-testijiet tas-sewqan u għat-testijiet tat-teorija, id-dispożizzjonijiet speċifiċi tad‑Direttiva 2006/126 li jirrigwardaw il-kategoriji C u D kif ukoll is-subkategoriji tagħhom juru, mill-ġdid, id-distinzjoni bbażata fuq il-finalità prinċipali tat-trasport:
“4.1.9.
Il-fatturi tas-sigurtà relatati mat-tagħbija tal-vettura: il-kontroll tat-tagħbija (l-istivar u l-irbit), id-diffikultajiet rigward id-diversi tipi ta’ tagħbijiet (e.ż. il-likwidi, it-tagħbijiet sospiżi [imdendla]), it-tagħbija u l-ħatt tal-merkanzija u l-użu ta’ l-apparat tat-tagħbija (il-Kategoriji C, CE, C1, C1E biss);
4.1.10.
Ir-responsabbiltà tas-sewwieq rigward it-trasport tal-passiġġieri; il-kumdità u s-sigurtà tal-passiġġieri; il-ġarr tat-tfal; il-verifiki meħtieġa qabel qabel is-sewqan; kull tip ta’ karozza tal-linja għandu jkun rappreżentat fit-test tat-teorija [karrozzi tal-linja u coaches għat-trasport pubbliku, karrozzi tal-linji b’dimensjonijiet speċjali, eċċ] [Kategoriji D, DE, D1 u D1E biss).
[…]
4.2. It-test obbligatorju tat-tagħrif ġenerali tad-dispożizzjonijiet addizzjonali li ġejjin rigward il-kategoriji C, CE, D u DE:
[…]
4.2.8.
Ir-responsabiltà tas-sewwieq rigward l-aċċettazzjoni, it-trasport u t-twassil tal-merkanzija skond il-kondizzjonijiet miftiehma (il-Kategoriji C, CE biss).”
50.
L-istess jgħodd fir-rigward tat-test tal-ħiliet u tal-komportament:
“5.2.
Il-vetturi wżati fi testijiet ta’ ħila u ta’ komportament għandhom jikkonformaw mal-kriterji minimi mogħtija hawn taħt. L-Istati Membri jistgħu jipprovdu għal kriterji aktar stretti jew iżidu oħrajn.
[…]
Kategorija C:
Vettura tal-kategorija C b’massa massima awtorizzata ta’ mill‑anqas 12000 kg, ta’ tul mill-anqas ta’ 8 m, ta’ wisa’ ta’ mill‑anqas 2,40 m u b’kapaċità ta’ veloċita’ ta’ mill-anqas 80 km/siegħa; attrezzata bi brejkijiet anti-lock, mgħammra b’ingranaġġ li jkollu mill-anqas tmien ratios għal quddiem u apparat ta’ reġistrazzjoni kif definit fir-Regolament (KEE) Nru 3821/85 [ ( 21 )]; il-kompartiment tal-merkanzija għandu jkun jikkonsisti fi struttura b’kaxxa magħluqa li tkun mill-anqas ta’ l‑istess għoli u wisa’ tal-karru; il-vettura għandha tkun ippreżentata b’massa minima totali reali ta’ 10000 kg.
[…]
Kategorija C1:
Vettura tas-subkategorija C1 b’massa massima awtorizzata ta’ mill‑anqas 4000 kg, b’tul ta’ mill-anqas 5 m u b’kapaċità ta’ veloċita’ ta’ mill-anqas 80 km/siegħa; li jkollha fiha brejkijiet antil-lock u li tkun mgħammra bl-apparat ta’ reġistrazzjoni kif definit fir-Regolament […] Nru 3821/85; il-kompartiment tat-tagħbija għandu jikkonsisti fi struttura b’kaxxa magħluqa li tkun mill-anqas ta’ wisa’ u għoli daqs il‑kabina;
[…]
Kategorija D:
Vettura tal-kategorija D b’tul ta’ mill-anqas 10 m, b’wisa’ ta’ mill-anqas 2,40 m u b’kapaċità ta’ veloċita’ ta’ mill-anqas 80 km/siegħa; mgħammra bi brejkijiet anti lock u armata b’apparat ta’ reġistrazzjoni kif definit fir-Regolament […] Nru 3821/85;
[…]
Kategorija D1:
Vettura tas-subkategorija D1 b’massa massima awtorizzata ta’ mill-anqas 4000 kg, b’tul ta’ mill-anqas 5 m u b’kapaċità ta’ veloċita’ ta’ mill-anqas 80 km/siegħa; mgħammra bi brejkijiet anti‑lock u armata b’apparat ta’ reġistrazzjoni kif definit fir-Regolament […] Nru 3821/85.”
51.
Barra minn hekk, skont l-istess loġika, fir-rigward tat-testijiet ta’ ħiliet u ta’ komportament li għandhom jiġu ttestjati fir-rigward tal-kategoriji C u D u s-subkategoriji tagħhom, huwa indikat:
“8.1.6.
Kontroll tal-fatturi tas-sigurtà relatati mat-tagħbija tal-vettura: l‑istruttura, il-pjanċi, il-bibien mnejn tidħol it-tagħbija, il‑mekkaniżmu tat-tagħbija (jekk ikun hemm), l-illokkjar tal-kabina (jekk ikun hemm), il-metodu tat-tagħbija, l-irbit tat-tagħbija (il-Kategoriji C, CE, C1, C1E biss);
[…]
8.1.8.
Li persuna tkun kapaċi sabiex tieħu l-miżuri speċjali tas-sigurtà rigward il-vettura; tikkontrolla persunitha, il-bibien tas-servizz, il‑ħruġ ta’ l-emerġenza, l-apparat ta’ l-ewwel għajnuna, l-apparat tat-tifi tan-nar u l-apparat l-ieħor ta’ sigurtà (il-Kategoriji D, DE, D1, D1E biss).
[…]
8.2. Il-manuvri speċjali li għandhom jiġu ttestjati billi jkollhom effett fuq is-sigurtà fit-toroq:
[…]
8.2.3.
L-ipparkjar bla periklu ma’ rampa/pjattaforma tat-tagħbija jew ma’ stallazzjoni simili (il-kategoriji C, CE, C1, C1E biss);
8.2.4.
L-ipparkjar biex il-passiġġieri jitħallew jitilgħu jew jinżlu minn fuq ix-xarabank bla periklu (il-kategoriji D, DE, D1, D1E biss).”
51.
Mill-qari tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126, meqjusa fl-intier tagħhom, ma hemm ebda dubju li d-definizzjonijiet tal-kategoriji ta’ vetturi huma bbażati fuq id-distinzjoni tat-trasport ta’ persuni, mingħajr bdil mill-1980. Dan huwa kriterju ċar u preċiż, li jiġġustifika l-esklużjoni tal-kategoriji D1 jew D fid-definizzjoni tal-kategoriji C u C1. Minkejja li l-għażla ta’ formulazzjoni iqsar hija dibattibbli ( 22 ), ma jidhirlix li tagħti lok għal ekwivoku.
52.
Konsegwentement, l-għażla tal-leġiżlatur tal-Unjoni li jispeċifika n-numru massimu ta’ persuni li jistgħu jiġu ttrasportat fi trakkijiet (kategoriji C jew C1), bħala l-aħħar kriterju għal dawn il-vetturi, ma hijiex tali li toħloq konfużjoni.
53.
Din l-għażla lanqas ma hija ta’ natura li tnaqqas il-portata tat‑termini “diversi minn dawk tal-Kategoriji D1 jew D” fil-bidu tal‑Artikolu 4(4)(d) jew (f) ta’ din id-direttiva, skont l-istess proċedura stabbilita fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 91/439. Fil-fatt, l-importanza tagħha tirriżulta mir-rekwiżit li s-sewwieq ta’ vettura ta’ din il-kategorija għandu jkollu għarfien dwar il-ġarr tal-passiġġieri, il-kumdità u s-sigurtà tagħhom.
54.
Huwa għalhekk, minħabba l-ħtieġa essenzjali li tiġi żgurata s‑sigurtà tal-persuni fit-toroq ( 23 ), u dan b’mod uniformi fi ħdan l-Unjoni, li nsostni, kif allegat korrettament il-Kummissjoni insostenn tar-rikors tagħha, li għandu jkun hemm riproduzzjoni testwali tad-dispożizzjonijiet ċari u preċiżi tal-imsemmija direttiva ( 24 ). Barra minn hekk, it‑traspożizzjoni letterali tippermetti, f’dan il-każ partikolari, li jiġi ssodisfatt għan ewlieni ieħor, li kellu jintlaħaq sa mill-ewwel Direttiva 80/1263, li huwa dak li jiġu ffaċilitati l-moviment liberu u l-libertà tal‑istabbilment tal-persuni, billi titwettaq l-armonizzazzjoni tar‑regoli dwar il-liċenzja tas-sewqan.
55.
Minn dan isegwi li ma jistax jiġi aċċettat li l-għażla ta’ kriterji differenti twassal għal riżultat kuntrarju minn dak imsemmi mid‑Direttiva 2006/126, jiġifieri li t-trasport esklużiv ta’ persuni jista’ jkun żgurat minn sewwieqa, awtorizzati li jsuqu vetturi tal-kategorija C jew C1, li jkunu ġew mitluba jagħtu prova tal-għarfien tagħhom fir-rigward tal-aċċettazzjoni, tat-trasport u tal-kunsinna tal‑merkanzija, tat-tagħbija u tal-irbit tat-tagħbija kif ukoll tal-ħatt.
56.
L-eżempju mogħti mill-Kummissjoni juri perfettament il‑konsegwenzi tal-għażla magħmula mil-leġiżlatur Ċek li jistabbilixxi limitu ta’ iktar minn tmien persuni għall-kategorija D1 ( 25 ): minibus, ta’ tul ta’ inqas minn tmien metri li sservi sabiex tittrasporta inqas minn tmien persuni, taqa’ fil-kategorija C jew C1 filwaqt li r-rekwiżiti meħtieġa huma dawk relatati mal-ġarr ta’ persuni.
57.
L-argumentazzjoni tal-Gvern Ċek li ma tiħux inkunsiderazzjoni l‑ispeċifikazzjonijiet tal-vettura, inkwantu ma tintużax għall-ġarr tal‑merkanzija, għalhekk ma hijiex konvinċenti. Il-koinċidenza tal‑karatteristiċi tekniċi kollha tal-vetturi, inklużi fid-Direttiva 2006/126, hija wkoll superfluwa peress li dawn jikkorrispondu mal-użu li għalih huma intiżi. B’hekk, il-kategorija C, tradizzjonalment irriżervata għall-vetturi ta’ merkanzija tqila, hija ddefinita b’mod sekondarju mill-massa tal-vettura, peress li n-numru ta’ passiġġieri huwa ekwivalenti għal dak tal‑kategorija B. Il-kategorija D hija ddefinita biss b’limitu ta’ passiġġieri u s-subkategorija tagħha D1 hija differenti minħabba n-numru massimu ta’ persuni ttrasportati u t-tul tal-vettura mibnija għal dan l-għan.
58.
Fid-dawl ta’ dawn l-argumenti kollha, inqis li, peress li ma eskludietx il-vetturi D u D1 tal-kategoriji C u C1, u billi żiedet limitu ta’ tmien passiġġieri mal-kategorija D1, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 4(4)(d), (f) u (h) tad-Direttiva 2006/126.
V. L-ispejjeż
59.
Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal‑Ġustizzja, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni ddeċidiet li r-Repubblika Ċeka naqset mill-obbligi tagħha u din tilfet il-kawża, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż.
VI. Konklużjoni
60.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li tiddeċiedi kif ġej:
1)
Billi ma ssodisfatx l-obbligu li tikkategorizza taħt id-definizzjoni tal‑kategoriji C1 u C biss il-vetturi bil-mutur għajr dawk tal-kategoriji D1 jew D, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 4(4)(d) u (f) tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewroprew u tal‑Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan.
2)
Billi illimitat id-definizzjoni tal-kategorija D1 għall-vetturi bil‑mutur maħsuba u mibnija għat-trasport ta’ iktar minn tmien passiġġieri, ir-Repubblika Ċeka naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 4(1) u l-Artikolu 4(4)(h) ta’ din id-direttiva.
3)
Ir-Repubblika Ċeka hija kkundannata għall-ispejjeż.
ANNESS: Tabella sommarja tal-kontenut tad-direttivi prinċipali dwar il-liċenzja tas-sewqan
Direttiva 80/1263Artikolu 3(1)
Direttiva 91/439Artikolu 3(1) u (2)
Direttiva 2006/126Artikolu 4(4)(d), (f), (h) u (j)
C
Vetturi bil-mutur “użati għat-trasport tal-merkanzija”
≥ 3 500 kg
Vetturi bil-mutur “għajr dawk fil-kategorija D”
≥ 3 500 kg
Vetturi bil-mutur “diversi minn dawk tal-Kategoriji D1 jew D”
≥ 3 500 kg
“proġettati u mibnija għat‑trasport ta’ mhux aktar minn tmien passiġġieri”
C1
Mhux applikabbli
Vetturi bil-mutur “għajr dawk fil-kategorija D”
Bejn 3 500 kg u 7 500 kg
Vetturi bil-mutur “diversi minn dawk tal-Kategoriji D1 jew D ”Bejn 3 500 kg u 7 500 kg
“proġettati u mibnija għat‑trasport ta’ mhux aktar minn tmien passiġġieri”
‑D
Vetturi bil-mutur “użati għat-trasport ta’ persuni”
Iktar minn tmien postijiet bil-qiegħda minbarra l-post tas-sewwieq
Vetturi bil-mutur “għall‑ġarr tal-persuni”
Iktar minn tmien postijiet bil-qiegħda b’żieda mal-post tas-sewwieq
Vetturi bil-mutur “proġettati u mibnija għat‑trasport ta’ mhux aktar minn 8 passiġġieri minbarra s-sewwieq”
D1
Mhux applikabbli
Vetturi bil-mutur “użati għall-ġarr tal-persuni”
Bejn tmienja u sittax–il post bil-qiegħda, minbarra l-post tas-sewwieq
Vetturi bil-mutur “proġettati u mibnija għat‑trasport ta’ mhux aktar minn 16-il passiġġier minbarra s-sewwieq”Tul ta’ mhux iktar minn 8 metri
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) ĠU 2006, L 403, p. 18.
( 3 ) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 317.
( 4 ) Din hija waħda mill-miżuri nazzjonali ta’ implementazzjoni nnotifikati lill‑Kummissjoni sabiex tiġi żgurata t-traspożizzjoni tad-Direttiva 2006/126, kif emendata bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2009/113/KE, tal-25 ta’ Awwissu 2009 (ĠU 2009, L 223, p. 31) u bid-Direttiva tal-Kummissjoni 2011/94/UE, tat-28 ta’ Novembru 2011 (ĠU 2011, L 314, p. 31).
( 5 ) L-ewwel Direttiva tal-Kunsill, tal-4 ta’ Diċembru 1980, dwar l-introduzzjoni ta’ liċenzja tas-sewqan Komunitarja (ĠU 1980, L 375, p. 1).
( 6 ) Direttiva tal-Kunsill, tad-29 ta’ Lulju 1991, dwar il-liċenzji tas-sewqan (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 317).
( 7 ) Ara l-punt 5 tar-replika.
( 8 ) Ara l-punti 19 u 20 tar-risposta.
( 9 ) Ara l-punt 7 ta’ din il-kontroreplika.
( 10 ) “[G]ħat-trasport ta’ mhux aktar minn 8 passiġġieri minbarra s-sewwieq” fl‑Artikolu 4(4)(j) tad-Direttiva 2006/126.
( 11 ) Ara t-tabella fl-Anness ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 12 ) Skont il-metodu ta’ analiżi indikat mill-Qorti tal-Ġustizzja, ara s-sentenza tas‑26 ta’ Ottubru 2006, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑36/05, EU:C:2006:672, punti 24 u 25).
( 13 )
( 14 ) F’din il-kategorija jaqgħu l-vetturi ta’ massa ta’ inqas minn 3500 kg.
( 15 ) Li huwa t-tieni kriterju għal dawn il-kategoriji, bħal fid-Direttiva 80/1263.
( 16 ) Dan il-limitu ta’ tmien persuni għandu jiġi relatat ma’ dak li jidher fil-kategorija B.
( 17 ) Ara l-premessa 2 ta’ din id-Direttiva.
( 18 ) Mudell riprodott bid-Direttiva 2011/94.
( 19 ) Estratti, iċċitati fil-punti 49 sa 51 ta’ dawn il-konklużjonijiet, kif enfasizzati minni.
( 20 ) Ara l-punti 15 sa 17 ta’ din ir-risposta.
( 21 ) Regolament tal-Kunsill tal-20 ta’ Diċembu 1985 dwar apparat ta’ reġistrazzjoni għat-trasport bit-triq (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 227).
( 22 ) Sabiex jitneħħa kull dubju, għandha tingħata preferenza fil-futur lit-termini “minbarra dawk li huma esklużivament involuti fit-trasport ta’ persuni”?
( 23 ) Ara l-punt 51 tas-sentenza tat-22 ta’ Mejju 2014, Glatzel (C‑356/12, EU:C:2014:350 u l-ġurisprudenza ċċitata): “F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-titjib tas-sigurtà fit-toroq jikkostitwixxi għan ta’ interess ġenerali tal-Unjoni (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi van Schaik, C‑55/93, EU:C:1994:363, punt 19; Cura Anlagen, C‑451/99, EU:C:2002:195, punt 59; Il‑Kummissjoni vs Il‑Finlandja, C‑54/05, EU:C:2007:168, punt 40; Il‑Kummissjoni vs L‑Italja, C‑110/05, EU:C:2009:66, punt 60; Attanasio Group, C‑384/08, EU:C:2010:133 punt 50; Il‑Kummissjoni vs Il‑Portugall, C‑438/08, EU:C:2009:651, punt 48; Grasser, C‑184/10, EU:C:2011:324, punt 26; kif ukoll Apelt, C‑224/10, EU:C:2011:655, punt 47).” Ara wkoll, dwar l-għan tad‑Direttiva 2006/126, imfakkra reċentement, is-sentenza tas-26 ta’ April 2017, Popescu (C‑632/15, EU:C:2017:303, punt 40).
( 24 ) Għandha ssir distinzjoni fil-każijiet li fihom il-Qorti tal-Ġustizzja ddikjarat li “it‑traspożizzjoni fid-dritt nazzjonali ta’ direttiva […] tista’, skont il-kontenut tagħha, tkun biżżejjed f’kuntest ġuridiku ġenerali, sakemm tiżgura effettivament l‑applikazzjoni sħiħa tad-direttiva b’mod suffiċjentement ċar u preċiż, sabiex, f’każ li d-direttiva toħloq drittijiet lill-individwi, il-benefiċjarji jkunu jafu dwar id-drittijiet tagħhom u jinvokawhom, jekk ikun il-każ, quddiem il-qrati nazzjonali”. Ara s‑sentenza tad-9 ta’ April 1987, Il-Kummisjoni vs L-Italja (363/85, EU:C:1987:196, punt 7 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 25 ) Filwaqt li kien tneħħa bid-Direttiva 2006/126 sabiex jiġi ssostitwit bit-tul tal-vettura.