KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SAUGMANDSGAARD ØE
ippreżentati fit-22 ta’ Frar 2018 ( 1 )
Kawża C‑632/16
Dyson Ltd,
Dyson BV
vs
BSH Home Appliances NV
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank van koophandel te Antwerpen (il-Qorti tal-Kummerċ ta’ Antwerpen, il-Belġju))
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 2010/30/UE – Regolament ta’ Delega (UE) Nru 665/2013 – Bejgħ ta’ vacuum cleaners – Tikketta enerġetika – Indikazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom twettqu t-testijiet li wasslu għall-klassifikazzjoni tal-enerġija tal-vacuum cleaner – Projbizzjoni tal-bidla tal-format jew tal-kontenut tat-tikketta enerġetika – Projbizzjoni tal-użu tat-tikketti addizzjonali li jirriproduċu jew jispeċifikaw l-informazzjoni li tinsab fuq it-tikketta enerġetika – Direttiva 2005/29/KE – Prattiki kummerċjali żleali – Protezzjoni tal-konsumaturi – Artikolu 2(d) – Kunċett ta’ prattika kummerċjali – Użu tat-tikketta enerġetika – Artikolu 3(4) – Regoli tal-Unjoni dwar aspetti speċifiċi tal-prattiki kummerċjali żleali – Kunċett ta’ kunflitt – Preżenza – Inapplikabbiltà tad-direttiva – Artikolu 7 – Ommissjoni qarrieqa – Informazzjoni importanti – Assenza – Informazzjoni li l-komunikazzjoni tagħha ma hijiex rikjesta mir-Regolament Nru 665/2013”
I. Introduzzjoni
1.
B’deċiżjoni tas-6 ta’ Lulju 2016, li waslet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Diċembru 2016, ir-rechtbank van koophandel te Antwerpen (il-Qorti tal-Kummerċ ta’ Antwerpen, il-Belġju) ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba maħsuba sabiex tikseb deċiżjoni preliminari fuq l-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29/KE ( 2 ) u tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 665/2013 ( 3 ).
2.
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ kawża bejn Dyson Ltd u Dyson BV (iktar ’il quddiem, flimkien, “Dyson”), minn naħa, u BSH Home Appliances NV (iktar ’il quddiem “BSH”), min-naħa l-oħra, dwar diversi tikketti li jiddeskrivu l-konsum tal-enerġija ta’ vacuum cleaners ikkummerċjalizzati minn BSH taħt it-trade marks Siemens u Bosch, inkluża t-tikketta enerġetika li l-użu tagħha huwa impost mir-Regolament Nru 665/2013 (iktar ’il quddiem “it-tikketta enerġetika”). Dyson tqis li jikkostitwixxi prattika kummerċjali żleali, fis-sens tad-Direttiva 2005/29, l-użu minn BSH ta’ dawn it-tikketti mingħajr ma jiġi speċifikat li jirriflettu r-riżultati ta’ testijiet magħmulin b’borża tat-trab vojta. Barra minn hekk, il-qorti tar-rinviju tistaqsi dwar il-kompatibbiltà ma’ dan ir-regolament tal-użu minn BSH ta’ tikketti li jirriproduċu l-informazzjoni li tinsab fuq it-tikketta enerġetika.
3.
Jiena nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi dawn id-domandi fis-sens li r-Regolament Nru 665/2013 jobbliga lill-fornituri u lid-distributuri li jużaw esklużivament it-tikketta enerġetika, u dan mingħajr ma jinbidel il-kontenut jew il-format. Dan l-approċċ huwa ddettat, fil-fehma tiegħi, min-neċessità li jiġi ppreżervat l-għan ta’ uniformità tal-informazzjoni pprovduta lill-utenti finali dwar il-konsum tal-enerġija bl-għan li jkun jista’ jsir tqabbil faċli tal-prodotti kkonċernati, kif implementat mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2010/30/UE ( 4 ) u ta’ dak ir-regolament.
4.
Fid-dawl tal-interpretazzjoni li jiena nipproponi għal dan ir-regolament, inqis li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma hijiex applikabbli fiċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali, fid-dawl tan-nuqqas ta’ marġni ta’ diskrezzjoni f’idejn il-kummerċjanti kkonċernati dwar l-użu tat-tikketta enerġetika u dak ta’ tikketti addizzjonali li jirriproduċu jew li jispeċifikaw l-informazzjoni li tinsab fuqhom.
II. Il-kuntest ġuridiku
A. Id-dritt tal-Unjoni
1. Id-Direttiva 2005/29
5.
Il-premessa 10 tad-Direttiva 2005/29 tiddikjara:
“Hu meħtieġ li tiġi żgurata l-koerenza tar-relazzjoni bejn din id-]Direttiva u l-liġi [tal-Unjoni] eżistenti, b’mod partikolari fejn dispożizzjonijiet dettaljati dwar prattiċi kummerċjali żleali japplikaw għal setturi speċifiċi. […] din id-Direttiva tapplika biss fejn m’hemmx dispożizzjonijiet speċifiċi ta’ liġi [tal-Unjoni] li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, bħal rekwiżiti dwar tagħrif u regoli dwar kif it-tagħrif ikun preżentat lill-konsumatur. Tipprovdi wkoll ħarsien għall-konsumaturi fejn m’hemmx leġiżlazzjoni speċifika settorali fil-livell [tal-Unjoni] u tipprojbixxi lill-kummerċjanti milli joħolqu impressjoni falza tal-prodotti. Dan huwa importanti b’mod partikolari għal prodotti kumplessi b’livelli għolja ta’ riskju għal konsumaturi, bħal ċerti prodotti ta’ servizzi finanzjarji. Din id-Direttiva konsegwentement tikkomplimenta l-acquis [tal-Unjoni], li huwa applikabbli għal prattiċi ta’ kummerċ li jagħmlu ħsara lill-interessi ekonomiċi tal-konsumaturi.”
6.
L-Artikolu 2(d) ta’ din id-direttiva jipprovdi d-definizzjoni li ġejja tal-kunċett “prattiċi kummerċjali”: “kwalunkwe att, ommissjoni, imġieba jew rappreżentazzjoni, komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi”.
7.
Taħt it-titolu “L-Ambitu ta’ l-Applikazzjoni”, l-Artikolu 3(4) tal-imsemmija direttiva jipprevedi:
“Fil-każ ta’ konflitt bejn id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva u regoli [tal-Unjoni] oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali, dawn ta’ l-aħħar għandhom jipprevalixxu u japplikaw għal dawk l-aspetti speċifiċi.”
8.
L-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29, intitolat “L-Ommissjonijiet Qarrieqa”, jipprevedi:
“1. Prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, b’kont meħud tal-karatteristiċi u ċ-ċirkostanzi kollha tagħha u tal-limitazzjonijiet tal-mezz ta’ komunikazzjoni, tħalli barra tagħrif importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skond il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni transazzjonali informata u għaldaqstant tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.
2. Prattika kummerċjali għandha titqies ukoll bħala ommissjoni qarrieqa meta kummerċjant jaħbi jew jipprovdi b’manjiera mhux ċara, mhux intelliġibbli, ambigwa u/jew mhux f’waqtha, dak it-tagħrif importanti msemmi fil-paragrafu 1, b’kont meħud tal-kwistjonijiet deskritti f’dak il-paragrafu, jew jonqos milli jidentifika l-intenzjoni kummerċjali wara l-prattika kummerċjali jekk din ma tkunx diġà apparenti mill-kuntest u fejn, fi kwalunkwe każ, din tikkawża jew x’aktarx tikkawża li l-konsumatur medju jieħu deċiżjoni transazzjonali li ma kienx jieħu f’ċirkostanzi oħra.
[…]
5. Ir-rekwiżiti ta’ tagħrif stabbiliti mill-liġi Komunitarja fir-rigward ta’ komunikazzjonijiet kummerċjali inklużi r-reklamar jew il-kummerċjalizzazzjoni li jinsabu f’lista mhux eżawrjenti fl-Anness II, għandhom jitqiesu bħala importanti.”
2. Id-Direttiva 2010/30
9.
Il-premessi 5 u 8 tad-Direttiva 2010/30 jgħidu:
“(5)
Il-forniment ta’ informazzjoni preċiża, rilevanti u komparabbli dwar il-konsum speċifiku ta’ enerġija tal-prodotti marbutin mal-enerġija għandu jinfluwenza l-għażla tal-utenti finali favur dawk il-prodotti li jikkonsmaw jew indirettament iwasslu għal konsum inqas tal-enerġija u riżorsi oħra essenzjali matul l-użu, u b’hekk iwassal lill-produtturi biex jieħdu passi biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra essenzjali mill-prodotti li jimmanifatturaw. Dan għandu jinkoraġġixxi wkoll indirettament l-użu effiċjenti ta’ dawn il-prodotti sabiex jikkontribwixxi għall-mira tal-UE ta’ 20 % effiċjenza tal-enerġija. Fin-nuqqas ta’ din l-informazzjoni, il-ħidma tal-forzi tas-suq waħidha tonqos milli tippromwovi l-użu razzjonali tal-enerġija u riżorsi essenzjali oħra għal dawn il-prodotti.
(8)
L-informazzjoni tilgħab rwol importanti fil-ħidma tal-forzi tas-suq u huwa għalhekk neċessarju li tiġi introdotta tikketta uniformi għall- prodotti kollha tal-istess tip, sabiex ix-xerrejja potenzjali jiġu pprovduti b’informazzjoni supplimentari standard dwar l-ispejjeż ta’ dawk il-prodotti f’termini ta’ enerġija u l-konsum ta’ riżorsi essenzjali oħra u sabiex jittieħdu miżuri sabiex jiġi żgurat li utenti aħħarin potenzjali li ma jarawx il-prodott għall-wiri, u għalhekk li ma jkollhomx l-opportunità jaraw it-tikketta, ikunu wkoll fornuti b’din l-informazzjoni. Sabiex tkun effiċjenti u ta’ suċċess, it-tikketta għandha tkun tingħaraf faċilment mill-utent aħħari, sempliċi u fil-qosor. Għal dan il-għan il-format eżistenti tat-tikketta għandu jinżamm bħala l-bażi biex l-utenti aħħarin jiġu informati dwar l-effiċjenza tal-prodotti. Il-konsum tal-enerġija mill-prodotti u informazzjoni oħra dwarhom għandhom jitkejlu skont standards u metodi armonizzati”.
10.
Taħt it-titolu “Kamp ta’ applikazzjoni”, l-Artikolu 1(1) ta’ din id-direttiva jipprevedi:
“Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas għall-armonizzazzjoni ta’ miżuri nazzjonali dwar l-informazzjoni għall-utent aħħari, b’mod partikolari b’mezzi ta’ ttikkettar u b’informazzjoni standard dwar il-prodott, dwar il-konsum ta’ enerġija u, fejn rilevanti, dwar riżorsi essenzjali oħra waqt l-użu, u b’informazzjoni supplimentari dwar prodotti marbutin mal-enerġija, u b’hekk tippermetti lill-utenti aħħarin jagħżlu prodotti aktar effiċjenti.”
11.
Taħt it-titolu “Ir-responsabbiltajiet tal-Istati Membri”, l-Artikolu 3(1) tal-istess direttiva jipprevedi li:
“L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji kollha sabiex jiżguraw li:
a)
il-fornituri u n-negozjanti kollha stabbiliti fit-territorju tagħhom jissodisfaw l-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 5 u 6;
b)
fir-rigward ta’ prodotti koperti minn din id-Direttiva, il-wiri ta’ tikketti, marki, simboli jew skrizzjonijiet oħra li ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u tal-atti delegati relevanti mhuwiex permess, jekk tali wiri jkun jista’ jħawwad jew jiżgwida lill-utenti aħħarin fir-rigward tal-konsum tal-enerġija jew, fejn applikabbli, ta’ riżorsi essenzjali oħra waqt l-użu;
[…]”
12.
L-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2010/30, bit-titolu “Rekwiżiti ta’ informazzjoni”, jistabbilixxi:
“L-Istati Membri għandhom jiżguraw li:
a)
informazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija elettrika, forom oħra ta’ enerġija u fejn rilevanti riżorsi essenzjali oħra waqt l-użu, u informazzjoni supplimentari għanndha, f’konformita’ mal-atti delegati taħt din id-Direttiva, tinġieb għall-attenzjoni tal-utenti aħħarin permezz ta’ skeda u tikketta dwar il-prodotti offruti għall-bejgħ, kiri, xiri bin-nifs jew murija lill- utenti aħħarin direttament jew indirettament bi kwalunkwe mezz ta’ bejgħ mill-bogħod inkluż bl-Internet;
[…]”
13.
L-Artikolu 10 tad-Direttiva 2010/30 jagħti s-setgħa lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tadotta atti ddelegati sabiex tiddefinixxi l-ispeċifikazzjonijiet dwar it-tikketta u l-iskeda għal kull tip ta’ prodott.
3. Ir-Regolament Nru 665/2013
14.
Adottat b’mod partikolari fuq il-bażi tal-Artikoli 10 u 11 tad-Direttiva 2010/30, ir-Regolament Nru 665/2013 jispeċifika disinn u kontenut uniformi għat-tikketta enerġetika li għandha titwaħħal fuq il-vacuum cleaners, skont il-premessa 5 tiegħu.
15.
Taħt it-titolu “Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni”, l-Artikolu 1(1) ta’ dan ir-regolament jipprevedi:
“Dan ir-Regolament jistabbilixxi rekwiżiti għat-tikkettar u l-għoti ta’ informazzjoni supplimentari dwar il-prodott għal vacuum cleaners li jitqabbdu mal-mejn tal-elettriku, inklużi vacuum cleaners ibridi.”
16.
Taħt it-titolu “Responsabbiltajiet tal-fornituri u skeda taż-żmien”, l-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-regolament jipprovdi:
“Il-fornituri għandhom jiżguraw li mill-1 ta’ Settembru 2014:
a)
kull vacuum cleaner ikun fornut b’tikketta stampata fil-format u bil-kontenut kif stipulat fl-Anness II;
[…]”
17.
Taħt it-titolu “Responsabbiltajiet tan-negozjanti” l-Artikolu 4 tal-istess regolament jistabbilixxi:
“In-negozjanti għandhom jiżguraw li mill-1 ta’ Settembru 2014:
a)
Kull mudell ippreżentat fil-punt tal-bejgħ għandu tikketta pprovduta mill-fornituri skont l-Artikolu 3 li tidher fuq barra tal-apparat jew imdendla miegħu b’mod li tkun viżibbli b’mod ċar;
[…]”
18.
L-Anness II ta’ dan ir-regolament, bit-titolu “It-Tikketta”, jistabbilixxi d-disinn tat-tikketta enerġetika li titwaħħal fuq il-vacuum cleaners u tenumera l-informazzjoni li għandha tinġieb fuqha.
B. Id-dritt Belġjan
19.
L-Artikolu VI.97(2) tal-Wetboek Economisch Recht, (il-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku, Moniteur belge, tat-30 ta’ Diċembru 2013, p. 103506), li jittrasponi l-Artikolu 6(1)(a) tad-Direttiva 2005/29, jipprevedi li prattika kummerċjali għandha titqies bħala qarrieqa jekk ikun fiha informazzjoni falza u li għalhekk ma tgħidx il-verità jew li, bi kwalunkwe mod, inkluż permezz tal-preżentazzjoni ġenerali tagħha, tqarraq jew tista’ tqarraq bil-konsumatur medju fir-rigward tal-karatteristiċi prinċipali tal-prodott, bħar-riżultati u l-karatteristiċi essenzjali tat-testijiet jew il-kontrolli imwettqa fuqu, anki jekk l-informazzjoni ppreżentata tkun fattwalment korretta u li, fi kwalunkwe każ, dik il-prattika twasslu jew tista’ twasslu biex jieħu deċiżjoni kummerċjali li kieku ma kienx jieħu.
20.
L-Artikolu VI.105(1)(a) ta’ dan il-kodiċi jipprojbixxi kull reklamar ta’ impriża li, meta jiġu kkunsidrati l-elementi kollha, b’xi mod, inkluż il-preżentazzjoni tiegħu jew l-ommissjoni ta’ informazzjoni, iqarraq jew jista’ jqarraq bil-persuna li jkun qed jindirizzaha jew jolqot, b’mod partikolari dwar il-karatteristiċi tal-oġġetti, bħar-riżultati u l-karatteristiċi essenzjali tat-testijiet jew kontrolli mwettqa fuq l-oġġetti jew is-servizzi.
21.
Bis-saħħa tal-Artikolu VI.99(1) tal-imsemmi kodiċi, li jittrasponi l-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2005/29, prattika kummerċjali għandha titqies bħala ommissjoni qarrieqa meta, fil-kuntest fattwali tagħha, wara li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi u ċ-ċirkustanzi kollha tagħha u l-limitazzjonijiet tagħha permezz tal-komunikazzjoni użata, din tħalli barra informazzjoni importanti li l-konsumatur medju għandu bżonn, skont il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali informata u għaldaqstant twassal jew tista’ twassal lill-konsumatur medju jieħu deċiżjoni kummerċjali li ma kienx jieħu mod ieħor.
III. It-tilwima fil-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
22.
Dyson tikkummerċjalizza vacuum cleaners li jaħdmu mingħajr borża għat-trab. BHS tikkummerċjalizza, taħt it-trade marks Siemens u Bosch, vacuum cleaners li jaħdmu bil-mod klassiku u fihom borża għat-trab.
23.
Dyson ikkontestat it-tikkettar tal-enerġija tal-vacuum cleaners kkummerċjalizzati minn BSH għar-raġunijiet li ġejjin. Dan it-tikkettar jirrifletti r-riżultati ta’ testijiet ta’ effiċjenza enerġetika li jitwettqu b’borża vojta. Issa, skont Dyson, f’kundizzjonijiet normali ta’ użu, il-pori tal-borża jinstaddu meta din timtela bit-trab, bil-konsegwenza li l-mutur ikollu jiżviluppa qawwa ogħla biex il-vacuum cleaner iżżomm l-istess qawwa ta’ aspirazzjoni. Għaldaqstant, Dyson tqis li t-tikkettar tal-enerġija ta’ vacuum cleaners iqarraq bil-konsumatur. Barra minn hekk, il-vacuum cleaners li tikkummerċjalizza Dyson, li jaħdmu mingħajr borża għat-trab, ma humiex affettwati minn dan it-telf tal-effiċjenza enerġetika f’kundizzjonijiet normali ta’ użu.
24.
Għal dawn il-motivi, fl-20 ta’ Ottubru 2015, Dyson għamlet kawża kontra BSH quddiem ir-rechtbank van koophandel te Antwerpen (il-Qorti tal-Kummerċ ta’ Antwerpen), li tinkludi żewġ partijiet.
25.
Minn naħa, Dyson tqis li r-reklami elenkati iktar ’il quddiem huma skorretti u jiżgwidaw lill-konsumatur dwar l-effiċjenza tal-vacuum cleaner Siemens VSQ8POWER4 u kwalunkwe mudell ieħor ta’ BSH li għandu l-istess karatteristiċi tekniċi. Għalhekk, BSH allegatament kisret l-Artikolu IV.97(2) tal-Kodiċi tad-Dritt Ekonomiku u wettqet att kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu IV.105(1)(a) ta’ dan il-kodiċi.
26.
Il-komunikazzjonijiet ta’ natura promozzjonali koperti minn din l-ewwel parti huma kif ġej:
–
it-tikketta enerġetika li tindika l-klassi A tal-effiċjenza enerġetika u prestazzjoni tat-tindif fuq it-tapit;
–
it-tikketta enerġetika ħadra li tindika l-klassi A tal-effiċjenza enerġetika;
–
it-tikketta tapit li tindika l-klassi A fil-prestazzjoni tat-tindif fuq tapit;
–
it-tikketta AAAA mwaħħla fuq il-kaxxa tal-ippakkjar u fuq il-vacuum cleaner innifisha;
–
it-tikketta AAAA oranġjo mwaħħla fuq il-kaxxa tal-ippakkjar;
–
l-ekotikketta mwaħħla fuq il-kaxxa tal-ippakkjar, u
–
ir-riferiment “filtru HEPA”.
27.
Min-naħa l-oħra, Dyson tqis li BSH qarrqet bil-konsumatur permezz ta’ ommissjoni fis-sens tal-Artikolu IV.99(1) tal-Kodiċi ta’ Dritt Ekonomiku, billi naqset milli tispeċifika li dawn ir-reklami huma bbażati fuq ir-riżultati ta’ testijiet magħmula b’borża vojta.
28.
Il-qorti tar-rinviju tispeċifika li, fuq talba ta’ BSH, VDE Prüf- und Zertifizierungsinstitut (l-Istitut ta’ Testijiet u ta’ Ċertifikazzjoni VDE) għamel diversi testijiet fil-15 ta’ Jannar 2015, fid-29 ta’ Ottubru 2015 u fil-2 ta’ Novembru 2015, li minnhom jirriżulta li l-vacuum cleaner Siemens-VSQ8POWER4 tassew taqa’ fil-klassi ta’ effiċjenza enerġetika A. Għaldaqstant, din il-qorti żżid tgħid li Dyson ma tistax tingħata raġun meta hija ssostni li BSH tinvoka b’mod żbaljat it-tikketti A għal dik vacuum cleaner.
29.
Fid-dawl tar-riżultati ta’ dawn it-testijiet, il-qorti tar-rinviju tqis li s-soluzzjoni għat-tilwima fil-kawża prinċipali tqajjem żewġ problemi relattivi, minn naħa, it-tikketta enerġetika, li l-użu tagħha hija rikjesta mir-Regolament Nru 665/2013 u, min-naħa l-oħra, it-tikketti l-oħra mwaħħla minn BSH fuq bażi addizzjonali.
30.
Fir-rigward tat-tikketta enerġetika, il-kwistjoni li tqum hija dik dwar jekk BSH qarrqitx bil-konsumatur, fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29, billi ma semmietx li t-testijiet kienu saru b’borża għat-trab vojta. Dik il-qorti taqbel ma’ Dyson fuq il-fatt li dawn it-testijiet ma jippermettux li tiġi pparagunata l-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaners li jaħdmu bi u mingħajr borża għat-trab. Madankollu, l-imsemmija qorti tirrileva li BSH osservat b’mod skrupluż id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 665/2013. Hija tistaqsi wkoll jekk iż-żieda ta’ tali riferiment hijiex kompatibbli mad-dispożizzjonijiet ta’ dan ir-regolament li jistabbilixxu l-format u l-kontenut ta’ din it-tikketta.
31.
Il-qorti tar-rinviju tikkonstata wkoll li BSH użat diversi simboli li ma humiex previsti mir-Regolament Nru 665/2013, bħalma huma b’mod partikolari:
–
it-tikketta ħadra li ssemmi “Energy A”, li tindika li l-vacuum cleaner tkun ġeneralment laħqet il-klassi A fl-effiċjenza enerġetika;
–
it-tikketta oranġjo li ssemmi “AAAA Best rated: A in all classes”, tindika li l-vacuum cleaner laħqet il-klassi A fil-prestazzjoni tat-tindif kemm fuq tapit kif ukoll fuq art iebsa, fl-effiċjenza enerġetika u fil-ħruġ tat-trab;
–
it-tikketta sewda li tirrappreżenta tapit u li ssemmi “class A Performance”, tindika li l-vacuum cleaner laħqet il-klassi A rigward ir-rata tat-tneħħija tat-trab miġbur minn tapit.
32.
Issa, dik il-qorti tikkonstata li dawk it-tikketti qegħdin jirriproduċu informazzjoni li tipprovdi t-tikketta enerġetika. Konsegwentement, hija tistaqsi jekk l-użu ta’ tali tikketti huwiex kompatibbli ma’ dan ir-regolament, minħabba r-riskju li jistgħu jqarrqu jew iħawdu lill-konsumaturi fir-rigward tal-konsum tal-enerġija.
33.
Huwa f’dan il-kuntest li r-rechtbank van koophandel te Antwerpen (il-Qorti tal-Kummerċ ta’ Antwerpen, il-Belġju) iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel id-domandi preliminari li ġejjin lill-Qorti tal-Ġustizzja:
“1.
L-osservanza stretta tar-[Regolament Nru 665/2013] (mingħajr ma tiġi kkompletata t-tikketta kif iddefinita fl-Anness II ta’ dan ir-regolament permezz ta’ informazzjoni li tikkonċerna l-kundizzjonijiet tal-ittestjar li wasslu għall-klassifikazzjoni fi klassi tal-effiċjenza enerġetika konformement mal-Anness I) [tal-imsemmi regolament] tista’ titqies bħala ommissjoni qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7 tad-[Direttiva 2005/29]?
2.
Ir-[Regolament Nru 665/2013] jipprekludi li t-tikketta [enerġetika] tiġi kkompletata permezz ta’ simboli oħra li jikkomunikaw l-istess informazzjoni?”
IV. Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
34.
It-talba għal deċiżjoni preliminari ġiet irreġistrata fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Diċembru 2016.
35.
Dyson, BSH, il-Gvern Belġjan, dak Ġermaniż u Taljan kif ukoll il-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.
36.
Dyson, BSH, il-Gvern Belġjan u l-Kummissjoni dehru fis-seduta tas-26 ta’ Ottubru 2017 sabiex jinstemgħu l-osservazzjonijiet tagħhom.
V. Analiżi
37.
Permezz tal-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-użu tat-tikketta enerġetika skont ir-Regolament Nru 665/2013, mingħajr ma jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet li fihom kienu twettqu t-testijiet li wasslu għall-klassifikazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaner, jistax jikkostitwixxi ommissjoni qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29.
38.
Fil-fehma tiegħi, din l-ewwel domanda fiha żewġ partijiet distinti. Fl-ewwel fażi, għandu jiġi ddeterminat jekk ir-Regolament Nru 665/2013 jipprekludix li l-informazzjoni li tinsab fuq it-tikketta enerġetika, tiġi speċifikata, kemm jekk fuq dik it-tikketta jew fuq tikketta addizzjonali, bil-għan li jindikaw il-kundizzjonijiet li fihom kienu twettqu t-testijiet. Huwa biss fit-tieni fażi, u fid-dawl tal-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament, li għandu jiġi eżaminat jekk l-użu tat-tikketta enerġetika tistax tikkostitwixxi ommissjoni qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29.
39.
Barra minn hekk, it-tieni domanda magħmula għandha l-għan li tiddetermina jekk ir-Regolament Nru 665/2013 jipprekludix li t-tikketta enerġetika tkun akkumpanjata b’tikketti addizzjonali li jirriproduċu l-informazzjoni li tinsab fiha. Fil-fehma tiegħi, din it-tieni domanda u l-ewwel parti tal-ewwel domanda jistgħu jiġu eżaminati b’mod utli flimkien, peress li t-tnejn jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ dan ir-regolament.
40.
Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, l-espożizzjoni segwenti tiegħi ser tkun strutturata f’żewġ partijiet, iddedikati rispettivament għall-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 665/2013 u tad-Direttiva 2005/29.
A. Fuq l-interpretazzjoni tar-Regolament Nru 665/2013
41.
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel domanda tagħha u permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk ir-Regolament Nru 665/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, minn naħa, li l-kontenut jew il-format tat-tikketta enerġetika jinbidlu, u, min-naħa l-oħra, li dik it-tikketta tkun akkumpanjata b’tikketti addizzjonali li jirriproduċu jew li jispeċifikaw l-informazzjoni li tinsab fuqhom, b’mod partikolari sabiex jissemmew il-kundizzjonijiet li fihom ikunu twettqu t-testijiet li wasslu għall-klassifikazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaner.
42.
Jiena ser neżamina dawn iż-żewġ kwistjonijiet b’mod separat fl-espożizzjoni segwenti tiegħi.
43.
Qabel ma nibda dan l-eżami, nenfasizza li l-iskema relattiva għat-tikkettar enerġetiku tal-prodotti kienet is-suġġett, minkejja li ilha ( 5 ), ta’ ġurisprudenza relattivament ftit abbondanti fil-livell tal-qrati tal-Unjoni ( 6 ). Fil-fehma tiegħi, la din il-ġurisprudenza, u lanqas dik dwar l-iskema dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini ( 7 ), ma fihom ebda element rilevanti sabiex tingħata risposta għad-domandi magħmula fil-kuntest ta’ din il-kawża.
44.
Fir-rigward, b’mod partikolari, tar-rikors għal annullament ippreżentat minn Dyson kontra r-Regolament Nru 665/2013, infakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jgawdu, bħala prinċipju, minn preżunzjoni ta’ legalità u jipproduċu, għalhekk, effetti legali sakemm dawn ma jkunux ġew irtirati, annullati fil-kuntest ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità ( 8 ). Issa, fil-kuntest ta’ din il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja hija mitluba mhux biex teżamina l-validità ta’ dan ir-regolament, imma biex tiġġudika jekk l-imsemmi regolament u/jew id-Direttiva 2005/29 jipprekludux l-użu tat-tikketta enerġetika u/jew dik ta’ tikketti addizzjonali fiċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali. Billi r-rikors għal annullament ippreżentat minn Dyson huwa pendenti quddiem il-Qorti Ġenerali ( 9 ), il-Qorti tal-Ġustizzja għandha, fil-kuntest ta’ din il-kawża, titlaq mill-premessa li r-Regolament Nru 665/2013 huwa validu.
1. Dwar il-projbizzjoni li jinbidel il-kontenut jew il-format tat-tikketta enerġetika
45.
Sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda magħmula, jeħtieġ li jiġi eżaminat jekk huwiex possibbli li l-manifatturi u d-distributuri ta’ vacuum cleaners ibiddlu l-kontenut jew il-format tat-tikketta enerġetika, b’mod partikolari sabiex jissemmew il-kundizzjonijiet li fihom ikunu twettqu t-testijiet li wasslu għall-klassifikazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaner. Fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, l-eżistenza ta’ tali marġni ta’ diskrezzjoni tista’ timplika l-possibbiltà li BSH tispeċifika, fuq dik it-tikketta stess, li l-informazzjoni li hija msemmija fiha tirrifletti r-riżultati ta’ testijiet magħmula b’borża vojta, skont ix-xewqa ta’ Dyson.
46.
Jiena madankollu konvint li dan ir-regolament ma joffri l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni għall-produtturi u għad-distributuri fir-rigward tal-format u l-kontenut tat-tikketta enerġetika.
47.
Kif jindika t-titolu tiegħu, ir-Regolament Nru 665/2013 jikkompleta d-Direttiva 2010/30 fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-vacuum cleaners. Bis-saħħa tal-Artikolu 4(a) ta’ dan ir-regolament, id-distributuri għandhom jiżguraw li kull mudell ta’ vacuum cleaner ikollu “b’mod li tkun viżibbli b’mod ċar” it-tikketta enerġetika pprovduta mill-fornitur u stabbilita skont l-Anness II ta’ dan ir-regolament.
48.
L-Anness II tar-Regolament Nru 665/2013 jinkludi tliet taqsimiet rispettivament intitolati “It-Tikketta Numru 1”, “It-Tikketta Numru 2” u “Disinn tat-Tikketta”. It-taqsima “Tikketta Numru 2” ma hijiex rilevanti fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali, b’din it-taqsima tkun applikabbli biss mill-1 ta’ Settembru 2017 skont l-Artikolu 3(2) ta’ dan ir-regolament ( 10 ).
49.
Barra minn hekk, kull waħda minn dawn it-tliet taqsimiet hija maqsuma fi tliet subtaqsimiet rispettivament iddedikati għal “vacuum cleaners bi skopijiet ġenerali”, għal “vacuum cleaners għal art iebsa” u “vacuum cleaners tat-[għat-]twapet”. Fl-assenza ta’ preċiżjoni dwar il-klassifikazzjoni tal-mudell inkwistjoni fit-tilwima fil-kawża prinċipali, għandu jsir riferiment għall-punti 1.1 u 3.1 ta’ dak l-anness, dwar “vacuum cleaners bi skopijiet ġenerali”. Fi kwalunkwe każ, nenfasizza li d-differenzi żgħar li jeżistu bejn dawn is-subtaqsimiet huma mingħajr rilevanza għall-finijiet ta’ din il-kawża ( 11 ).
50.
Il-punt 1.1 tal-Anness II tar-Regolament Nru 665/2013 jelenka l-informazzjoni li t-tikketta enerġetika għandu jkollha, jiġifieri l-isem tal-fornitur jew tat-trade mark, ir-riferiment tal-mudell, il-klassi tal-effiċjenza enerġetika, il-konsum tal-enerġija annwali medju, il-klassi tal-emissjoni tat-trab, il-klassi tal-prestazzjoni tat-tindif, il-klassi tal-prestazzjoni tat-tindif ta’ art iebsa u l-livell tal-qawwa akustika.
51.
Barra minn hekk, huwa speċifikat li d-disinn tat-tikketta enerġetika għandu jkun skont il-punt 3.1 ta’ dan l-anness ( 12 ). Dan il-punt jistabbilixxi, b’mod speċifiku u ddettaljat, id-disinn tat-tikketta enerġetika li għandha tiġi pprovduta mill-fornituri u mwaħħla mid-distributuri ta’ vacuum cleaners. Dan il-punt jiddefinixxi b’mod partikolari l-qisien minimi ta’ din it-tikketta u tal-elementi tagħha kif ukoll tal-kuluri u t-tipa tal-kitba li għandhom jintużaw għal kull wieħed minn dawn l-elementi.
52.
Fil-fehma tiegħi, minn dak li ntqal iktar ’il fuq jirriżulta li l-fornituri u d-distributuri ta’ vacuum cleaners ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni dwar l-użu u t-tfassil tat-tikketta enerġetika. Minn naħa, l-użu tagħha huwa obbligatorju. Min-naħa l-oħra, din it-tikketta għandha tosserva r-rekwiżiti kollha tar-regoli fl-Anness II ta’ dan ir-regolament, fir-rigward kemm tal-format tagħha kif ukoll l-informazzjoni li għandha tinsab fiha. L-uniċi żewġ eċċezzjonijiet, f’dan ir-rigward, qegħdin fil-possibbiltà tal-użu, b’mod addizzjonali, ta’ riproduzzjoni tal-ekotikketta mogħtija bis-saħħa tar-Regolament (KE) Nru 66/2010 ( 13 ) (punt 1.1 ta’ dan l-anness) ( 14 ) u fl-użu ta’ tikketta enerġetika ikbar mid-dimensjonijiet minimi meħtieġa (punt 1.3 ta’ dak l-anness).
53.
Fi kliem ieħor, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 665/2013, il-leġiżlatur tal-Unjoni, b’mod konxju, għamel għażla fir-rigward tal-informazzjoni – f’numru neċessarjament limitat – li għandha tiġi pprovduta lill-konsumaturi permezz tat-tikketta enerġetika, li fosthom ma tinsabx il-metodoloġija użata biex titkejjel il-prestazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaners.
54.
Minn dak li ntqal qabel jirriżulta li r-Regolament Nru 665/2013 għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li dan il-kontenut jew il-format tat-tikketta enerġetika jinbiddlu, b’mod partikolari bil-ħsieb li jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet li fihom kienu twettqu t-testijiet li wasslu għall-klassifikazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaner.
55.
Jeħtieġ li jiġi eżaminat ukoll jekk tali informazzjoni tistax tiġi pprovduta fuq tikketta addizzjonali li takkumpanja t-tikketta enerġetika.
2. Dwar il-projbizzjoni tal-użu ta’ tikketti addizzjonali li jirriproduċi jew li jispeċifikaw l-informazzjoni li tinsab fuq it-tikketta enerġetika
56.
Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk ir-Regolament Nru 665/2013 għandux jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi li t-tikketta enerġetika tkun akkumpanjata b’tikketti addizzjonali li jirriproduċu l-informazzjoni li tinsab fuqhom. Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, din il-kwistjoni tirrigwarda diversi simboli użati minn BSH minkejja li ma humiex previsti minn dan ir-regolament, jiġifieri ekotikketta ħadra li fiha l-kliem “Energy A”, tikketta oranġjo li fiha l-kliem “AAAA Best rated: A in all classes” u tikketta sewda li tirrappreżenta tapit bil-kliem “class A Performance” ( 15 ).
57.
Barra minn hekk, huwa wkoll meħtieġ, sabiex tingħata risposta għall-ewwel domanda ( 16 ), li jiġi ddeterminat jekk l-imsemmi regolament jipprekludix li t-tikketta enerġetika tiġi akkumpanjata b’tikketta addizzjonali li tispeċifika li l-informazzjoni msemmija tirrifletti r-riżultati ta’ testijiet magħmulin b’borża vojta, f’konformità max-xewqa ta’ Dyson. L-għan ta’ tali tikketta addizzjonali ma huwiex ta’ riproduzzjoni tal-informazzjoni li tinsab fuq it-tikketta enerġetika, imma pjuttost li tiġi speċifikata dik l-informazzjoni.
58.
Fil-fehma tiegħi, dawn iż-żewġ problemi jeħtieġu risposta komuni, jiġifieri li r-Regolament Nru 665/2013, moqri flimkien mad-Direttiva 2010/30, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi l-użu ta’ tikketti addizzjonali li jirriproduċu jew li jispeċifikaw l-informazzjoni li tinsab fuq it-tikketta enerġetika.
59.
Din l-interpretazzjoni tirriżulta, fl-ewwel lok, mill-għan stess tas-sistema stabbilita minn din id-direttiva, kif jirriżulta mill-Artikolu 1(1) tagħha, jiġifieri l-istandardizzazzjoni tal-informazzjoni kkomunikata lill-utenti aħħarin fir-rigward tal-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra essenzjali, sabiex ikun jista’ jsir paragun faċli ta’ prodotti kkonċernati ( 17 ). Issa, li tippermetti lill-manifatturi jew lid-distributuri jużaw tikketti addizzjonali li jirriproduċi jew li jispeċifikaw l-informazzjoni li tinsab fuq it-tikketta enerġetika jpoġġi fid-dubju din l-istandardizzazzjoni ( 18 ).
60.
Dan huwa iktar u iktar il-każ minħabba li l-awtorizzazzjoni tal-użu ta’ tikketti bħal dawn tista’ tipprovoka eżaġerazzjonijiet bejn il-produtturi ta’ vacuum cleaners, li jistgħu jimlew il-mudelli tagħhom b’tikketti addizzjonali multipli u varjati, u dan iġib fix-xejn ix-xogħol ta’ standardizzazzjoni tal-informazzjoni mwettaq mid-Direttiva 2010/30 u r-Regolament Nru 665/2013.
61.
Fit-tieni lok, din l-interpretazzjoni tirriżulta wkoll mill-Artikolu 3(1)(b) tad-Direttiva 2010/30, li jobbliga lill-Istati Membri sabiex jipprojbixxu li jitwaħħlu iktar tikketti mhux konformi ma’ din id-direttiva jew atti ddelegati meta dan jista’ jitqarraq bl-utent finali jew joħloqlu konfużjoni fir-rigward tal-konsum tal-enerġija.
62.
Issa, dan huwa preċiżament il-każ ta’ tikketti li jirriproduċi jew li jispeċifikaw l-informazzjoni li tinsab fuq it-tikketta enerġetika. Fil-fatt, il-preżenza eventwali ta’ tali tikketti addizzjonali tirriskja, fl-opinjoni tiegħi, li toħloq konfużjoni f’moħħ l-utent finali dwar il-prestazzjonijiet enerġetiċi rispettivi ta’ vacuum cleaners li juruhom u vacuum cleaners li ma għandhomx minnhom.
63.
Bħala eżempju, l-użu minn BSH ta’ tikketta oranġjo bil-kliem “AAAA Best rated: A in all classes” fiċ-ċirkustanzi tat-tilwima fil-kawża prinċipali ( 19 ) jagħti lok għar-riskju li l-utenti finali jispiċċaw jemmnu li l-mudell ikkonċernat huwa iktar effiċjenti milli mudell mingħajr din it-tikketta addizzjonali. Bl-istess mod, tikketta addizzjonali li tispeċifika l-kundizzjonijiet li fihom twettqu t-testijiet li wasslu għall-klassifikazzjoni enerġetika, li l-użu tagħha huwa impost fuq BSH bis-saħħa tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29, tista’ twassal lill-utenti finali sabiex jaħsbu li l-mudell ikkonċernat huwa inqas effiċjenti milli l-mudell li ma jkollux waħda minnhom.
64.
Fit-tielet lok, insib konferma għal din l-interpretazzjoni wkoll fl-Anness II tar-Regolament Nru 665/2013. Fil-fatt, l-unika eċċezzjoni tal-obbligu tal-użu tat-tikketta enerġetika tinsab fil-punt 1.1 ta’ dak l-anness li jipprevedi li, b’deroga, tista’ tiżdied riproduzzjoni tal-ekotikketta mogħtija bis-saħħa tar-Regolament Nru 66/2010. Minn dan jiena niddeduċi, a contrario, li dan ir-regolament jipprekludi l-użu ta’ kwalunkwe tikketta oħra addizzjonali li tirriproduċi jew li tispeċifika l-informazzjoni li tinsab fuq it-tikketta enerġetika ( 20 ).
65.
Nippreċiża li l-interpretazzjoni li jiena nipproponi tirrigwarda esklużivament l-informazzjoni li taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 665/2013. Evidentement, dan ir-regolament ma jipprekludix il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni li ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu bħal, pereżempju, il-prezz tal-bejgħ, il-post ta’ manifattura jew ukoll it-tul tal-garanzija. Iżda, min-naħa l-oħra, jipprekludi, fl-opinjoni tiegħi, iż-żieda ta’ tikketti li jirriproduċu jew li jispeċifikaw l-informazzjoni li tinsab fuq it-tikketta enerġetika, bħal tikketta li ssemmi l-kundizzjonijiet li fihom twettqu t-testijiet li wasslu għall-klassifikazzjoni tal-enerġija.
66.
Inżid ngħid, għall-kompletezza, li l-approċċ meħud iktar ’il fuq ma jimplikax li t-testijiet li saru għall-finijiet tat-tikkettar uniformi stabbilit mir-Regolament Nru 665/2013 jirriflettu l-kundizzjonijiet normali ta’ użu tal-vacuum cleaners, kemm jekk jaħdmu b’borża jew inkella mingħajrha. Nenfasizza, f’dan ir-rigward, li kwalunkwe sforz ta’ standardizzazzjoni, bħal dak imwettaq fid-dawl ta’ dan it-tikkettar, neċessarjament jimplika s-semplifikazzjoni tar-realtà, kif sostniet essenzjalment BSH ( 21 ). Jekk din is-semplifikazzjoni tmur kontra dispożizzjonijiet ta’ livell ogħla tad-dritt tal-Unjoni, huwa possibbli li tiġi kkontestata l-validità quddiem il-qrati tal-Unjoni, bħar-rikors għal annullament ippreżentat minn Dyson kontra dan ir-regolament ( 22 ).
67.
Min-naħa l-oħra, l-eżistenza ta’ tali semplifikazzjoni ma tista’ fl-ebda każ tikkontesta l-istandardizzazzjoni tat-tikkettar enerġetiku magħmula mid-Direttiva 2010/30 kif ukoll, f’dak li jikkonċerna l-vacuum cleaners, mir-Regolament Nru 665/2013, li jippermetti lill-impriżi kkonċernati li jbiddlu l-format tat-tikketta enerġetika jew jużaw tikketti addizzjonali li jirriproduċi jew li jispeċifikaw l-informazzjoni li tinsab fuqhom.
68.
Għaldaqstant, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda magħmula. kif ġej: Ir-Regolament Nru 665/2013, moqri fid-dawl tad-Direttiva 2010/30, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, minn naħa, li l-kontenut jew il-format tat-tikketta enerġetika jitbiddlu u, min-naħa l-oħra, li din it-tikketta tkun akkumpanjata b’tikketti addizzjonali li jirriproduċu jew li jispeċifikaw l-informazzjoni li tinsab fuqhom, b’mod partikolari biex jissemmew il-kundizzjonijiet li fihom ikunu twettqu t-testijiet li wasslu għall-klassifikazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaner.
69.
Jibqa’ li issa neżamina, fil-kuntest tar-risposta għall-ewwel domanda, jekk id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29 jistgħux jiġġustifikaw obbligu li jiġi speċifikat jekk l-informazzjoni li tinsab fuq it-tikketta enerġetika tirriflettix ir-riżultati ta’ testijiet magħmula b’borża vojta.
B. Dwar l-interpretazzjoni tad-Direttiva 2005/29
70.
L-ewwel domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju hija intiża sabiex tiddetermina jekk l-użu tat-tikketta enerġetika f’konformità mar-Regolament Nru 665/2013, mingħajr ma jiġu speċifikati l-kundizzjonijiet li fihom kienu twettqu t-testijiet li wasslu għall-klassifikazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaner, jistax jikkostitwixxi ommissjoni qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29.
71.
Fil-fehma tiegħi, jekk l-użu ta’ din it-tikketta jikkostitwixxi “prattika kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 (Taqsima 1), l-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva għandu jiġi interpretat fis-sens li din ma hijiex applikabbli għall-aspetti speċifiċi ta’ prattiki kummerċjali żleali rregolati mir-Regolament Nru 665/2013 peress li dan ma jħalli l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-kummerċjanti kkonċernati (Taqsima 2). Sussidjarjament, nikkunsidra li ma tikkostitwixxix ommissjoni qarrieqa, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-istess direttiva, l-assenza ta’ indikazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom kienu saru t-testijiet li wasslu għall-klassifikazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaner, peress li l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni ma hijiex imposta minn dak ir-regolament (Taqsima 3).
1. Fuq il-preżenza ta’ “prattika kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 2 tad-Direttiva 2005/29
72.
BSH ressqet argument fuq l-assenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni dwar l-użu u l-iffissar tat-tikketta enerġetika, li ddeskrivejt fit-taqsima preċedenti, sabiex issostni li l-użu ta’ din it-tikketta ma tikkostitwixxix “prattika kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29. Għaldaqstant, din id-direttiva ma hijiex applikabbli fil-kuntest tat-tilwima fil-kawża prinċipali.
73.
Skont dan ir-raġunament, l-espressjoni “minn kummerċjant” użata fil-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni, timplika l-eżistenza ta’ marġni ta’ diskrezzjoni li jista’ jiġi sfruttat mill-kummerċjant sabiex jinfluwenza lill-konsumatur. Barra minn hekk, l-użu ta’ din it-tikketta ma jkunx “konness direttament mal-promozzjoni jew bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi” fis-sens tad-dispożizzjoni msemmija, imma jirriżulta minn obbligu ta’ informazzjoni impost fuq il-kummerċjant, inkluż meta l-informazzjoni murija fuq it-tikketta tkun kuntrarja għall-interessi tiegħu minħabba r-riżultati ħżiena miksuba mill-vacuum cleaner.
74.
Dan l-argument ma huwiex konvinċenti għalija.
75.
Infakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-Direttiva 2005/29 hija kkaratterizzata minn “kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae partikolarment wiesa’”, li jinkludi kull prattika kummerċjali li għandha rabta diretta mal-promozzjoni, il-bejgħ jew il-provvista ta’ prodott lill-konsumaturi ( 23 ).
76.
Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, nikkunsidra li l-pożizzjoni sostnuta minn BSH tbati minn formaliżmu eċċessiv. Fil-fatt, il-komunikazzjoni ta’ informazzjoni dwar, b’mod partikolari, l-effiċjenza enerġetika u l-prestazzjoni tat-tindif ( 24 ) ta’ vacuum cleaner murija sabiex tinbiegħ lill-konsumaturi tikkostitwixxi bla dubju “komunikazzjoni kummerċjali inlużi reklamar u kummerċjalizzazzjoni, minn kummerċjant, konnessi direttament mal-[…]bejgħ jew fornitura ta’ xi prodott lil konsumaturi” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29.
77.
Mill-kliem stess ta’ din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni kummerċjali” huwa usa’ minn dak ta’ “reklamar”. Għaldaqstant, ma nara ebda raġuni li teskludi li tali komunikazzjoni tista’ tinkludi informazzjoni kuntrarja għall-interessi tal-kummerċjant, kuntrarjament għal dak li allegat BSH ( 25 ). Barra minn hekk, huwa irrilevanti li din il-komunikazzjoni kienet saret obbligatorja permezz tar-Regolament Nru 665/2013. Fil-fatt, jekk l-awtur ta’ prattika kummerċjali għandu, bħala definizzjoni, ikun kummerċjant, il-fatt li huwa aġixxa b’mod spontanju jew sabiex jikkonforma ma’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni huwa mingħajr rilevanza.
78.
Minn dak li ntqal nikkonkludi li, kuntrarjament għal dak sostnut minn BSH, l-użu tat-tikketta enerġetika jikkostitwixxi “prattika kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29.
79.
Inżid ngħid li l-argument imressaq minn BSH, essenzjalment, iqajjem il-kwistjoni dwar ir-relazzjoni bejn ir-Regolament Nru 665/2013 u d-Direttiva 2005/29. Fil-fehma tiegħi, din il-problema għandha tinftiehem permezz tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva, li l-għan tiegħu huwa preċiżament li jirregola l-kunflitti bejn din id-direttiva u r-regoli tal-Unjoni li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiki kummerċjali żleali.
2. Fuq il-preżenza ta’ “konflitt” fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29
80.
Skont ir-regola ta’ supremazija prevista fl-Artikolu 3(4) tagħha, għandhom jipprevalu regoli oħra tal-Unjoni li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiki kummerċjali żleali, “fil-każ ta’ konflitt”, fuq id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29.
81.
L-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni hija ta’ importanza strateġika kunsiderevoli. Fil-fatt, din id-direttiva hija intiża sabiex tapplika għal kull prattika kummerċjali żleali irrispettivament mis-settur tal-attività kkonċernat, u dan sabiex ikun żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi ( 26 ). Skont il-kliem użat mill-Kummissjoni f’komunikazzjoni ddatata l-14 ta’ Marzu 2013, “[i]d-Direttiva [2005/29] tipprovdi livell għoli ta’ ħarsien tal-konsumatur fis-setturi kollha. Hija tagħmilha ta’ lqugħ li jimla l-vojt li jkun tħalla bla ma ġie rregolat minn regoli oħra tal-UE speċifiċi għas-settur” ( 27 ).
82.
Issa, kull sitwazzjoni li fiha d-Direttiva 2005/29 tiġi ddikjarata inapplikabbli skont l-Artikolu 3(4) tagħha, toħloq ir-riskju li tiftaħ lakuna fix-xibka ta’ sigurtà stabbilita minn din id-direttiva meta r-regoli l-oħra tal-Unjoni ‐ dawk li għandhom supremazija ‐ ma jiggarantixxux livell daqstant għoli ta’ protezzjoni lill-konsumaturi.
83.
Dan ir-riskju jidhirli li jimponi approċċ strett, saħansitra prudenti, fl-interpretazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni.
84.
Fl-opinjoni tiegħi, u fid-dawl ta’ dan ir-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta, għandu jiġi dedott mill-kliem ta’ din id-dispożizzjoni li l-inapplikabbiltà tad-Direttiva 2005/29 hija suġġetta għat-tlaqqigħ ta’ żewġ kundizzjonijiet. L-ewwel kundizzjoni tirrigwarda l-eżistenza ta’ “regoli [tal-Unjoni] oħra li jirregolaw aspetti speċifiċi ta’ prattiċi kummerċjali żleali”. It-tieni kundizzjoni tirrigwarda l-eżistenza ta’ “konflitt” bejn dawn ir-regoli l-oħra u d-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva ( 28 ).
85.
Barra minn hekk, u jekk dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ikunu ssodisfatti, l-inapplikabbiltà ta’ din id-direttiva għandha tkun limitata biss għal dawk l-aspetti speċifiċi biss tal-prattiki kummerċjali żleali rregolati minn dawn ir-regoli l-oħra, skont il-kliem tal-Artikolu 3(4) ta’ din l-istess direttiva. B’hekk, fiċ-ċirkustanzi tal-kawża prinċipali, din id-direttiva, u b’mod partikolari l-Artikoli 6 u 7 tagħha, tibqa’ kompletament applikabbli għall-aspetti kollha mhux irregolati mir-Regolament Nru 665/2013 ( 29 ), u dan anki fil-każ ta’ kunflitt ma’ dan ir-regolament.
86.
Fil-kuntest ta’ din il-kawża, għandu jiġi vverifikat, fl-ewwel lok, jekk ir-Regolament Nru 665/2013 jirregolax aspetti speċifiċi ta’ prattiki kummerċjali żleali.
87.
F’dan ir-rigward, għandi nirrileva li l-għan primarju tal-ittikkettar uniformi previst mid-Direttiva 2010/30, li fuqu dan ir-regolament huwa bbażat, ma jinsabx fil-protezzjoni tal-konsumaturi kontra prattiki bħal dawn imma fil-ħarsien tal-ambjent grazzi għat-tnaqqis tal-konsum tal-enerġija u ta’ riżorsi essenzjali oħrajn fi ħdan l-Unjoni ( 30 ).
88.
Madankollu, il-motiv implementat minn din id-direttiva sabiex jintlaħaq dan l-għan jikkonsisti f’obbligu ta’ informazzjoni għall-konsumaturi permezz ta’ tikketta uniformi, skont l-Artikolu 1, l-Artikolu 4(a), l-Artikolu 5(a), u l-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva. Fir-rigward tal-vacuum cleaners, il-format u l-kontenut tat-tikketta enerġetika huma strettament iddefiniti fl-Anness II tar-Regolament Nru 665/2013 ( 31 ).
89.
Issa, kif speċifikajt iktar ’il fuq, l-użu tat-tikketta enerġetika jikkostitwixxi “prattika kummerċjali” fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29 ( 32 ). Għaldaqstant, meta jobbliga lill-fornituri u lid-distributuri sabiex jużaw tikketta b’forma standardizzata l-informazzjoni fir-rigward, b’mod partikolari, tal-effiċjenza enerġetika tal-vacuum cleaners, dan ir-regolament jirregola aspetti speċifiċi ta’ prattiki kummerċjali żleali fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29, u dan anki jekk dan mhux l-għan prinċipali tiegħu.
90.
Fit-tieni lok, għad jeħtieġ li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ “konflitt” bejn id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 665/2013 u dawk tad-Direttiva 2005/29. Fil-fehma tiegħi, u fid-dawl tal-approċċ strett li għandu jiġi adottat fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva ( 33 ), din il-kundizzjoni tirrikjedi li jiġi evalwat jekk l-obbligi li jirriżultaw minn dawn l-istrumenti humiex irrikonċiljabbli min-naħa tal-kummerċjanti kkonċernati jew, fi kliem ieħor, jekk dawn l-obbligi ma jistgħux jiġu ssodisfatti simultanjament. Għalhekk, nikkunsidra li sempliċi “sovrappożizzjoni” bejn il-kamp ta’ applikazzjoni tal-imsemmija direttiva u dak ta’ regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni ma hijiex biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-applikabbiltà ta’ din l-istess direttiva għall-aspetti ta’ prattiki kummerċjali żleali rregolati minn dawn ir-regoli ( 34 ).
91.
Meta jiġi speċifikat dan, l-eżistenza ta’ kunflitt bħal dan għandu neċessarjament jiġi kkonstatat meta r-“regoli oħra tal-Unjoni” ma jħallu l-ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-kummerċjanti kkonċernati. Fil-fatt, f’sitwazzjoni bħal din, kull obbligu supplimentari li jista’ jirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2005/29 ikun neċessarjament f’kunflitt mal-obbligi previsti minn dawn ir-regoli l-oħra.
92.
Issa, fil-kuntest ta’ din il-kawża, spjegajt ir-raġunijiet għaliex inqis li r-Regolament Nru 665/2013 ma jħalli ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-manifatturi u lid-distributuri dwar l-użu tat-tikketta enerġetika jew tikketti addizzjonali ( 35 ). Ħa nassumi, b’mod ipotetiku, li l-assenza ta’ preċiżjoni dwar il-kundizzjonijiet li fihom it-testijiet twettqu effettivament tikkostitwixxi ommissjoni qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29, kif issostni Dyson. F’dan il-każ, għandha neċessarjament tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ kunflitt fis-sens tal-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva, peress li r-Regolament Nru 665/2013 ma jippermettix l-inklużjoni ta’ tali dikjarazzjoni, kemm fuq it-tikketta enerġetika kif ukoll fuq tikketta addizzjonali.
93.
Konsegwentement, u mingħajr ma jkun neċessarju li tiġi vverifikata l-eżistenza ta’ ommissjoni qarrieqa fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29, hemm lok li l-Artikolu 3(4) ta’ din id-direttiva jiġi interpretat fis-sens li din tal-aħħar ma hijiex applikabbli għal aspetti speċifiċi tal-prattiki kummerċjali żleali rregolati permezz ta’ regoli tal-Unjoni li ma jħallu ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-kummerċjanti kkonċernati, bħall-obbligu li jużaw it-tikketta enerġetika u l-projbizzjoni fuq l-użu ta’ tikketti addizzjonali li jirriproduċu jew li jispeċifikaw l-informazzjoni li tinsab fuqhom.
94.
Għal finijiet ta’ kompletezza, nixtieq nerġa’ neżamina argument imressaq waqt is-seduta għas-sottomissjonijiet orali, li l-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jirrigwardax il-kunflitti bejn din id-direttiva u att ta’ natura mhux leġiżlattiva, bħar-Regolament Nru 665/2013. Jiena m’iniex konvint b’dan l-argument. Din id-dispożizzjoni tirrigwarda, fil-fatt, “regoli […] oħra” tad-dritt tal-Unjoni, mingħajr restrizzjoni rigward in-natura tal-att li fih dawn ir-regoli. Kieku din kienet l-intenzjoni tal-leġiżlatur tal-Unjoni, kien ikun faċli għalih li jispeċifika li dawn ir-regoli għandhom ikunu “ta’ natura leġiżlattiva”, ispirat mill-kliem tal-Artikolu 290 TFUE ( 36 ).
3. Fuq l-assenza ta’ “ommissjoni qarrieqa” fis-sens tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29
95.
Sussidjarjament, jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li d-Direttiva 2005/29 hija applikabbli għall-aspetti ta’ prattiki kummerċjali koperti bir-Regolament Nru 665/2013, nikkunsidra li ma tikkostitwixxix ommissjoni qarrieqa, fis-sens tal-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva, l-assenza ta’ indikazzjoni tal-kundizzjonijiet li fihom kienu twettqu t-testijiet li wasslu għall-klassifikazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaner, peress li l-komunikazzjoni ta’ din l-informazzjoni ma hijiex imposta minn dan ir-regolament.
96.
Fil-fatt, ommissjoni ma tistax tkun qarrieqa, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, ħlief jekk din tkun tikkonċerna informazzjoni “importanti” li l-konsumatur medju għandu bżonn, skont il-kuntest, sabiex jieħu deċiżjoni kummerċjali informata.
97.
Skont l-Artikolu 7(5) tad-Direttiva 2005/29, l-informazzjoni li l-preżenza tagħha hija rikjesta mir-Regolament Nru 665/2013, jiġifieri dik li tinsab fuq it-tikketta enerġetika, għandha titqies bħala “importanti”. Il-kwistjoni li tqum f’dan l-istadju madankollu ma hijiex irregolata mill-Artikolu 7(5) ta’ din id-direttiva, peress li hija tikkonċerna informazzjoni li l-preżenza tagħha ma hijiex rikjesta minn dan ir-regolament, jiġifieri li jissemmew il-kundizzjonijiet li fihom twettqu t-testijiet ta’ prestazzjoni enerġetika.
98.
F’dan ir-rigward, u kif sostnew essenzjalment BSH u l-Gvern Ġermaniż, nikkunsidra li l-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa, bl-adozzjoni tar-Regolament Nru 665/2013, lista eżawrjenti ta’ informazzjoni li għandha tiġi kkunsidrata importanti fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-regolament u li, għaldaqstant, għandha tiġi kkomunikata lill-konsumaturi permezz ta’ tikketta enerġetika. Fil-fehma tiegħi, il-qrati nazzjonali ma għandhomx il-libertà li jikkontestaw din l-għażla politika tal-leġiżlatur tal-Unjoni meta jiddeċiedu, minn każ għal każ, li informazzjoni li ma hijiex rikjesta minn dan ir-regolament hija “importanti” fir-rigward tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29. Kull interpretazzjoni oħra tista’ ġġib fix-xejn l-isforz ta’ standardizzazzjoni tal-informazzjoni dwar il-konsum tal-enerġija bl-għan li jkun jista’ jsir tqabbil faċli tal-prodotti kkonċernati ( 37 ).
99.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda magħmula kif ġej. L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma hijiex applikabbli għall-aspetti speċifiċi tal-prattiki kummerċjali żleali rregolati permezz ta’ regoli tal-Unjoni li ma jħallu ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-kummerċjanti kkonċernati, bħall-obbligu li jużaw it-tikketta enerġetika u l-projbizzjoni fuq l-użu ta’ tikketti addizzjonali li jirriproduċi jew li jispeċifikaw l-informazzjoni li tinsab fuqhom.
VI. Konklużjoni
100.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej id-domandi preliminari tar-rechtbank van koophandel te Antwerpen (il-Qorti tal-Kummerċ ta’ Antwerpen, il-Belġju):
1)
L-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, għandu jiġi interpretat fis-sens li din id-direttiva ma tapplikax għall-aspetti speċifiċi tal-prattiki kummerċjali żleali rregolati permezz ta’ regoli tal-Unjoni li ma jħallu ebda marġni ta’ diskrezzjoni lill-kummerċjanti kkonċernati, bħall-obbligu li jużaw it-tikketta enerġetika, previst mir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013, tat-3 ta’ Mejju 2013, li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-vacuum cleaners, u l-projbizzjoni fuq l-użu ta’ tikketti addizzjonali li jirriproduċu jew li jispeċifikaw l-informazzjoni li tinsab fuqhom.
2)
Ir-Regolament Nru 665/2013, moqri flimkien mad-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija, għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi, minn naħa, li l-kontenut jew il-format tat-tikketta enerġetika li hija prevista minn dan ir-regolament jista’ jinbidel u, min-naħa l-oħra, li din it-tikketta tkun akkumpanjata b’tikketti addizzjonali li jirriproduċu jew li jispeċifikaw l-informazzjoni li tinsab fuqhom, b’mod partikolari fejn jissemmew il-kundizzjonijiet li fihom ikunu twettqu t-testijiet li wasslu għall-klassifikazzjoni enerġetika tal-vacuum cleaner.
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2005 dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU 2005, L 149, p. 22).
( 3 ) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 665/2013 tat-3 ta’ Mejju 2013, li jissupplimenta d-Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tat-tikkettar enerġetiku tal-vacuum cleaners (ĠU 2013, L 192, p. 1).
( 4 ) Direttiva 2010/30/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ttikkettar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra minn prodotti marbutin mal-enerġija (ĠU 2010, L 153, p. 1). Din id-direttiva kienet tħassret permezz tar-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU 2017, L 198, p. 1) b’effett mill-1 ta’ Awwissu 2017, skont l-Artikolu 20 ta’ din tal-aħħar.
( 5 ) L-iskema bażika kienet ġie inizjalment stabbilita permezz tad-Direttiva 79/530/KEE tal-Kunsill, tal-14 ta’ Mejju 1979 dwar l-informazzjoni fuq il-konsum ta’ enerġija tal-appliances domestiċi permezz tat-tikkettar (ĠU 1979, L 145, p. 1), li suċċessivament ġiet issostitwita permezz tad-Direttiva 92/75/KEE tal-Kunsill tat-22 ta’ Settembru 1992 dwar l-indikazzjoni permezz ta’ ittikkettjar u l-informazzjoni standard tal-prodott dwar il-konsum tal-enerġija u riżorsi oħra skond l-apparat tad-dar (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 11, p. 216), permezz tad-Direttiva 2010/30 u mir-Regolament (UE) 2017/1369 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Lulju 2017 li jistabbilixxi qafas għat-tikkettar tal-enerġija u li jħassar id-Direttiva 2010/30/UE (ĠU 2017, L 198, p. 1).
( 6 ) Sentenzi tat-12 ta’ Frar 1998, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑139/97, EU:C:1998:58); tat-12 ta’ Diċembru 2002, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (C‑281/01, EU:C:2002:761); tat-18 ta’ Novembru 2004, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑79/04, mhux ippubblikata, EU:C:2004:736); tat-3 ta’ April 2014, Rätzke (C‑319/13, EU:C:2014:210); tal-11 ta’ Novembru 2015, Dyson vs Il-Kummissjoni (T‑544/13, EU:T:2015:836), kif ukoll tat-11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il-Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357).
( 7 ) Din l-iskema ġiet stabbilita bid-Direttiva 2002/91/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002 dwar il-prestazzjoni tal-enerġija tal-bini (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 12, Vol. 2, p. 168), issostitwita bid-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU 2010, L 153, p. 13). Ara s-sentenzi tas-17 ta’ Jannar 2008, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑342/07, mhux ippubblikata, EU:C:2008:25); tad-29 ta’ Ottubru 2009, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu (C‑22/09, ma hijiex ippubblikata, EU:C:2009:684); tat-13 ta’ Ġunju 2013, Il-Kummissjoni vs L-Italja (C‑345/12, mhux ippubblikata, EU:C:2013:396), tas-16 ta’ Jannar 2014, Il-Kummissjoni vs Spanja (C‑67/12, EU:C:2014:5), kif ukoll tat-2 ta’ Marzu 2017, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja (C‑160/16, mhux ippubblikata, EU:C:2017:161).
( 8 ) Sentenza tas-6 ta’ Ottubru 2015, Schrems (C‑362/14, EU:C:2015:650, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata).
( 9 ) Wara li annullat is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Novembru 2015, Dyson vs Il-Kummissjoni (T‑544/13, EU:T:2015:836), il-Qorti tal-Ġustizzja bagħtet lura l-kawża quddiemha. Ara s-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il-Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357).
( 10 ) L-azzjoni ta’ Dyson fit-tilwima fil-kawża prinċipali ġiet ippreżentata fl-20 ta’ Ottubru 2015. Ara l-punt 24 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 11 ) It-tikketta enerġetika għal “vacuum cleaners bi skopijiet ġenerali” għandha tinkludi kemm il-klassi ta’ prestazzjoni tat-tindif kif ukoll il-klassi ta’ prestazzjoni tat-tindif fuq art iebsa (punt 1.1, VI u VII). It-tikketta enerġetika għal “vacuum cleaners għal art iebsa” għandha tinkludi l-klassi ta’ prestazzjoni tat-tindif fuq art iebsa u sinjal ta’ esklużjoni minflok il-klassi ta’ prestazzjoni tat-tindif (punt 1.2, VI u VII). Iżda min-naħa l-oħra, it-tikketta enerġetika għal “vacuum cleaners tat-[għat-]twapet” għandha tinkludi l-klassi ta’ prestazzjoni tat-tindif u sinjal ta’ esklużjoni minflok il-klassi ta’ prestazzjoni għat-tindif ta’ art iebsa (punt 1.3, VI u VII). Ara wkoll il-punti 3.2 u 3.3, li jispeċifikaw il-format ta’ dawn is-sinjali ta’ esklużjonijiet.
( 12 ) Nixtieq nirrileva li r-riferimenti għad-disinni magħmula fit-Taqsima 3 tal-Anness II tar-Regolament Nru 665/2013, magħmula fit-taqsimiet 1 u 2 ta’ dak l-anness, kienu suġġetti għal att ta’ rettifika (ĠU 2017, L 59, p. 40) sa fejn għamlu riferiment b’mod żbaljat għal Taqsima 4 – li ma teżistix – tal-imsemmi anness.
( 13 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar skema ta’ Ekotikketta tal-UE (ĠU 2010, L 27, p. 1).
( 14 ) Ara l-punt 64 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 15 ) Ara l-punti 31 u 32 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 16 ) Fil-fatt, il-projbizzjoni fuq l-użu ta’ dawn it-tikketti kumplimentari neċessarjament twassal għall-eżistenza ta’ “konflitt” fis-sens tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29. Ara l-punti 90 sa 93 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 17 ) Ara wkoll il-premessi 5 u 8 tad-Direttiva 2010/30.
( 18 ) Ara wkoll il-premessa 5 tar-Regolament Nru 665/2013.
( 19 ) Ara l-punt 31 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 20 ) Fiċ-ċirkustanzi tat-tilwima fill-kawża prinċipali, BSH waħħlet l-ekotikketta fuq il-kaxxa tal-ippakkjar: ara l-punt 26 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 21 ) F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tidher li taċċetta kompletament li t-testijiet magħmula bil-boroż vojta ma jippermettux li jitqies it-telf ta’ prestazzjoni ta’ vacuum cleaners tal-boroż, bħal dawk ikkummerċjalizzati minn BSH, meta l-borża timtela bit-trab. Ara l-punt 30 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Madankollu, BSH sostniet li t-testijiet imwettqa fuq vacuum cleaners mingħajr boroż, bħal dawk ikkummerċjalizzati minn Dyson, jonqsu wkoll milli jagħtu kont tat-telf ta’ prestazzjoni li jkollhom dawn il-vacuum cleaners meta jimtlew bit-trab.
( 22 ) Ara s-sentenza tal-11 ta’ Mejju 2017, Dyson vs Il-Kummissjoni (C‑44/16 P, EU:C:2017:357), li tħassar is-sentenza tal-11 ta’ Novembru 2015, Dyson vs Il-Kummissjoni (T‑544/13, EU:T:2015:836).
( 23 ) Il-Qorti tal-Ġustizzja inkludiet f’dan il-kamp ta’ applikazzjoni ratione materiae“partikolarment wiesa’” offerti magħquda (sentenza tat-23 ta’ April 2009, VTB-VAB u Galatea, C‑261/07 u C‑299/07, EU:C:2009:244, punti 49 et seq); kampanji promozzjonali li jorbtu l-parteċipazzjoni b’xejn f’lotterija mal-bejgħ ta’ oġġetti jew ta’ servizzi (sentenza tal-14 ta’ Jannar 2010, Plus Warenhandelsgesellschaft, C‑304/08, EU:C:2010:12, punti 36 et seq, kif ukoll tad-9 ta’ Novembru 2010, Mediaprint Zeitungs- und Zeitschriftenverlag, C‑540/08, EU:C:2010:660, punti 17 et seq); l-indikazzjoni f’kuntratt ta’ kreditu ta’ rata annwali effettiva globali inqas mir-realtà (sentenza tal-15 ta’ Marzu 2012, Pereničová u Perenič, C‑453/10, EU:C:2012:144, punti 38 et seq); il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar il-likwidazzjoni totali ta’ prodotti ta’ ħanut (sentenza tas-17 ta’ Jannar 2013, Köck, C‑206/11, EU:C:2013:14, punti 26 et seq); il-pubblikazzjoni ta’ informazzjoni dwar l-esklużività li jkollha aġenzija tal-ivvjaġġar (sentenza tad-19 ta’ Settembru 2013, CHS Tour Services, C‑435/11, EU:C:2013:574, punti 27 et seq); riklam għal mediċini (sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Abcur, C‑544/13 u C‑545/13, EU:C:2015:481, punti 74 et seq); riklam għal servizzi ta’ kura tal-ħalq u dentarja (sentenza tal-4 ta’ Mejju 2017, Vanderborght, C‑339/15, EU:C:2017:335, punti 23 et seq), kif ukoll l-attivitajiet ta’ rkupru ta’ krediti (sentenza tal-20 ta’ Lulju 2017, Gelvora, C‑357/16, EU:C:2017:573, punti 19 et seq). Min-naħa l-oħra, hija eskludiet il-pubblikazzjoni ta’ artikoli tal-istampa ta’ natura mhux pubbliċitarja (sentenza tas-17 ta’ Ottubru 2013, RLvS, C‑391/12, EU:C:2013:669, punti 37 et seq).
( 24 ) Ara l-punt 50 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 25 ) Inżid ngħid li d-deċiżjoni ta’ kummerċjant li ma jikkomunikax ċerta informazzjoni dwar prodott offrut għall-bejgħ lill-konsumaturi tista’ wkoll tikkostitwixxi prattika kummerċjali fis-sens tal-Artikolu 2(d) tad-Direttiva 2005/29.
( 26 ) Ara, f’dan ir-rigward, l-għan stabbilit fl-Artikolu 1 tad-Direttiva 2005/29, id-definizzjonijiet partikolarment wiesgħa previsti fl-Artikolu 2(a) sa (d) ta’ dik id-direttiva, kif ukoll il-kamp ta’ applikazzjoni kif jirriżulta mill-Artikolu 3(1) ta’ dik id-direttiva.
( 27 ) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Prattiċi Kummerċjali Żleali, COM (2013)138 finali.
( 28 ) Ninnota li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet ġew identifikati espressament mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas-16 ta’ Lulju 2015, Abcur (C‑544/13 u C‑545/13, EU:C:2015:481, punti 79 sa 81). Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja ma vverifikatx espliċitament l-eżistenza ta’ kunflitt fis-sentenza tas-7 ta’ Lulju 2016, Citroën Commerce (C‑476/14, EU:C:2016:527, punti 42 sa 46). Għal raġunijiet ta’ ċertezza legali, madankollu, jidhirli li huwa preferibbli li dawn iż-żewġ kundizzjonijiet jiġu eżaminati separatament u espressament.
( 29 ) Ara l-punt 65 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 30 ) Ara l-premessi 5 u 8 tad-Direttiva 2010/30.
( 31 ) Ara l-punti 47 u 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 32 ) Ara l-punti 75 sa 78 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 33 ) Ara l-punti 81 sa 84 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 34 ) Dan ir-rekwiżit ta’ “konflitt” għandu b’mod partikolari, ikun distint mill-ġurisprudenza stabbilita li tipprovdi li kull miżura nazzjonali f’qasam li kien is-suġġett ta’ armonizzazzjoni eżawrjenti fl-Unjoni Ewropea għandha tkun evalwata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ din il-miżura ta’ armonizzazzjoni, u mhux fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-liġi primarja. F’dan il-każ, sempliċi “sovrappożizzjoni” hija biżżejjed sabiex teskludi l-applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju. Ara b’mod partikolari, is-sentenzi tal-5 ta’ Ottubru 1977, Tedeschi (5/77, EU:C:1977:144, punti 33 sa 35); tat-12 ta’ Novembru 2015, Visnapuu (C‑198/14, EU:C:2015:751, punt 40), kif ukoll tas-7 ta’ Settembru 2017, Eqiom u Enka (C‑6/16, EU:C:2017:641, punt 15). Din il-ġurisprudenza hija madankollu rrilevanti għall-finijiet tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(4) tad-Direttiva 2005/29. Minn naħa, il-portata tal-ġurisprudenza imsemmija iktar ’il fuq hija limitata għal każ speċifiku, jiġifieri dak ta’ dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li l-portata tagħhom hija speċifikata bi strument tad-dritt sekondarju. Barra minn hekk, il-kliem tad-dispożizzjoni msemmija iktar ’il fuq jirrikjedu l-preżenza ta’ “konflitt” u mhux dik ta’ sempliċi sovrappożizzjoni.
( 35 ) Ara l-punti 54 u 68 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 36 ) Nispeċifika li l-premessa 10 tad-Direttiva 2005/29 ma tistax iddgħajjef il-konvinzjoni tiegħi f’dan ir-rigward. Minn naħa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jekk il-preambolu ta’ att tal-Unjoni jista’ jispeċifika l-kontenut tiegħu, ma jistax jiġi invokat sabiex jidderoga mid-dispożizzjonijiet stess tal-att ikkonċernat (ara b’mod partikolari s-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, Acacia u D’Amato, C‑397/16 u C‑435/16, EU:C:2017:992, punt 40). Min-naħa l-oħra, ma tista’ tinġibed l-ebda konklużjoni mit-terminoloġija użata f’din il-premessa, li tirreferi mingħajr distinzjoni għal “dispożizzjonijiet tal-[Unjoni]” (mingħajr ma tispeċifika n-natura tal-att) u l-“liġi tal-[Unjoni]”.
( 37 ) Ara l-punti 59 u 60 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Nispeċifika li dan it-tentattiv ta’ standardizzazzjoni jiġi kkontestat b’żewġ modi: minn naħa, minħabba r-riskju ta’ differenzi bejn l-Istati Membri fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2005/29 u b’mod partikolari fil-klassifikazzjoni ta’ informazzjoni bħala “importanti”; min-naħa l-oħra, minħabba r-riskju ta’ differenzi fl-informazzjoni pprovduta mill-kummerċjanti fl-Istati Membri fejn din id-dispożizzjoni hija interpretata bħala li tirrikjedi l-komunikazzjoni ta’ informazzjoni mhux rikjesta mir-Regolament Nru 665/2013.