KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI
SAUGMANDSGAARD ØE
ippreżentati fil‑21 ta’ Frar 2018 ( 1 )
Kawża C-667/16
M.N.J.P.W. Nooren, aventi kawża ta’ M.N.F.M. Nooren
J.M.F.D.C. Nooren, aventi kawża ta’ M.N.F.M. Nooren
vs
Staatssecretaris van Economische Zaken
[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi)]
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Politika agrikola komuni – Pagamenti diretti – Regolament (KE) Nru 73/2009 – Artikoli 23 u 24 – Regolament (KE) Nru 1122/2009 – Artikoli 70 sa 72 – Nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ kundizzjonalità – Tnaqqis u esklużjonijiet – Aggregazzjoni tat-tnaqqis”
I. Introduzzjoni
1.
Il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi) ressqet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja talba għal deċiżjoni preliminari dwar l-interpretazzjoni tal-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament (KE) Nru 1122/2009 ( 2 ).
2.
Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn l-aventi kawża ta’ baqqâr u s-staatssecretaris van Economische Zaken (is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi, il-Pajjiżi l-Baxxi) dwar it-tnaqqis tal-għajnuna mogħtija skont l-iskema ta’ appoġġ dirett għall-bdiewa, kif stabbilit mir-Regolament (KE) Nru 73/2009 ( 3 ), minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ kundizzjonalità marbuta mal-benesseri tal-annimali.
3.
Permezz tad-domandi preliminari tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn huma kkonstatati diversi każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fi ħdan l-istess qasam, l-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament Nru 1122/2009 jippermettux li jiġu aggregati flimkien, minn naħa, it-tnaqqis applikabbli għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità dovuti għal negliġenza, kemm jekk ripetuti kif ukoll jekk mhux ripetuti, u min-naħa l-oħra, it-tnaqqis applikabbli għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali.
4.
Fil-konklużjonijiet preżenti, ser nispjega r-raġunijiet li għalihom inqis li din id-domanda jistħoqqilha risposta fl-affermattiv u kif, f’tali sitwazzjoni, l-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament Nru 1122/2009, moqrija flimkien mal-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 73/2009, mhux biss jippermettu iżda jeżiġu l-aggregazzjoni ta’ dan it-tnaqqis.
II. Id-dritt tal-Unjoni
A. Ir-Regolament Nru 73/2009
5.
L-Artikolu 23, intitolat “Tnaqqis jew esklużjoni minn pagamenti fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli tal-kundizzjonalità” li jinsab fil-Kapitolu 4 tat-Titolu II tar-Regolament Nru 73/2009, intitolat “Sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Fejn fi kwalunkwe żmien f’sena kalendarja partikolari (minn hawn ’il quddiem imsejħa ‘is-sena kalendarja konċernata’) ma ssirx konformità mal-kundizzjonjiet amministrattivi statutorji u l-kundizzjoni agrikola u ambjentali tajba, u n-nuqqas ta’ konformità msemmi jkun ir-riżultat ta’ att jew ta’ nuqqas direttament marbut mal-bidwi li kien ippreżenta l-applikazzjoni għall-għajnuna fis-sena kalendarja konċernata, l-ammont totali ta’ pagamenti diretti li ngħata jew għandu jingħata lil dak il-bidwi, wara l-applikazzjoni tal-Artikoli 7, 10 u 11 għandhu jitnaqqas jew jiġi eskluż f’konformità mar-regoli dettaljati stipulati fl-Artikolu 24.”
6.
L-Artikolu 24, li jinsab fl-istess kapitolu tar-Regolament Nru 73/2009, intitolat “Regoli dettaljati dwar tnaqqis u esklużjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità mar-regoli ta’ kundizzjonalità”, jipprovdi:
“1) Regoli dettaljati għat-tnaqqis u l-esklużjonijiet imsemmija fl-Artikolu 23 għadhom jiġu stabbiliti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 141(2). F’dan il-kuntest, għandhom jiġu meqjusa s-severità, il-firxa, il-permanenza u r-repetizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità li jirriżulta kif ukoll il-kriterji mniżżla fil-paragrafi 2, 3 u 4 ta’ dan l-Artikolu.
2) F’każ ta’ negliġenza, il-perċentwali tat-tnaqqis m’għandux jaqbeż il-5 % u, 15 % fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità repetittiv.
[…]
3) Fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonat, bħala prinċipju l-perċentwali ta’ tnaqqis m’għandux ikun inqas minn 20 % u jista’ jwassal saħansitra għal esklużjoni totali minn waħda jew aktar mill-iskemi ta’ għajnuna varji u dan ikun japplika għal sena kalendarja waħda jew aktar.
4) Fi kwalunkwe każ, l-ammont totali tat-tnaqqis u l-esklużjonijiet għal sena kalendarja waħda m’għandux ikun aktar mill-ammont totali msemmi fl-Artikolu 23(1).”
7.
Ir-Regolament Nru 73/2009 ġie abrogat u ssostitwit bir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 ( 4 ) b’effett mill-1 ta’ Jannar 2015 ( 5 ). Ir-Regolament Nru 73/2009 jibqa’ madankollu applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali li jirrigwardaw is-sena 2011 ( 6 ).
B. Ir-Regolament Nru 1122/2009
8.
L-Artikolu 70, intitolat “Prinċipji ġenerali u definizzjoni” li jinsab fil-Kapitolu III tat-Titolu IV tal-Parti II tar-Regolament Nru 1122/2009, intitolat “Sejbiet relatati mal-kundizzjonalità”, jipprovdi fil-paragrafu 6 tiegħu:
“Fejn ikun ġie ddeterminat aktar minn każ wieħed ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward ta’ atti jew standards varji tal-istess qasam ta’ kundizzjonalità, dawk il-każi għandhom, għall-finijiet tal-iffissar tat-tnaqqis skont l-Artikoli 71(1) u 72(1), jitqiesu bħala nuqqas ta’ konformità waħda.”
9.
L-Artikolu 71, li jinsab fl-istess kapitolu tar-Regolament Nru 1122/2009, intitolat “Applikazzjoni tat-tnaqqisiet fil-każ ta’ negliġenza”, jipprovdi:
“1) Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 77, meta nuqqas ta’ konformità ddeterminat jirriżulta min-negliġenza tal-bidwi, għandu jiġi applikat tnaqqis. Bħala regoli ġenerali, dak it-tnaqqis għandu jkun 3 % tal-ammont totali msemmi fl-Artikolu 70(8).
Madankollu, l-aġenzija tal-ħlas tista’, abbażi tal-valutazzjoni fornuta mill-awtorità kompetenti ta’ kontroll fil-parti tal-evalwazzjoni tar-rapport tal-kontroll skont l-Artikoli 54(1)(c), tiddeċiedi jew li tnaqqas dak il-perċentwal għal 1 % jew li żżidu għal 5 % ta’ dak l-ammont totali jew fil-każijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1)(c), li ma timponi l-ebda tanqqis.
[…]
5) Mingħajr preġudizzju għall-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali skont l-Artikolu 72, meta jkunu ġew stabbiliti nuqqasijiet ta’ konformità ripetuti, il-perċentwal iffissat skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità ripetut għandu, fir-rigward tal-ewwel repetizzjoni, jiġi multiplikat bil-fattur ta’ tlieta. Għal dan il-għan, l-aġenzija tal-ħlas għandha, fil-każ fejn il-perċentwal kien iffissat skont il-paragrafu 70(6), tiddetermina l-perċentwal li kieku kien jiġi applikat għan-nuqqas ta’ konformità ripetut mar-rekwiżit jew mal-istandard konċernat.
Fil-każ ta’ repetizzjonijiet ulterjuri, il-fattur ta’ multiplikazzjoni ta’ tlieta għandu jiġi applikat kull darba għar-riżultat tat-tnaqqis iffissat fir-rigward tan-nuqqas ta’ konformità ripetut preċedenti. Madankollu, it-tnaqqis massimu ma għandux ikun aktar minn 15 % tal-ammont totali msemmi fl-Artikolu 70(8).
Ladarba l-perċentwal massimu ta’ 15 % jintlaħaq, l-awtorità tal-ħlas għandha tinforma lill-bidwi konċernat li jekk jerġa jiġi determinat l-istess nuqqas ta’ konformità, għandu jitqies li hu jkun aġixxa intenzjonalment skont it-tifsira tal-Artikolu 72. Meta jiġi stabbilit nuqqas ta’ konformità ulterjuri wara dan, il-perċentwal ta’ tnaqqis li għandu jiġi applikat għandu jiġi ffissat billi jiġi multiplikat ir-riżultat tal-multiplikazzjoni preċedenti, fejn applikabbli, qabel ma tkun ġiet applikata l-limitazzjoni ta’ 15 % prevista fl-aħħar sentenza tat-tieni subparagrafu, bil-fattur ta’ tlieta.
6) F’każ fejn nuqqas ta’ konformità ripetut jiġi ddeterminata flimkien ma’ nuqqas ta’ konformità ieħor jew ma’ nuqqas ta’ konformità ripetut ieħor, il-perċentwal ta’ tnaqqis li jirriżulta għandu jingħadd flimkien. Madankollu, mingħajr preġudizzju għat-tielet subparagrafu 5, it-tnaqqis massimu ma għandux ikun aktar minn 15 % tal-ammont totali msemmi fl-Artikolu 70(8).”
10.
L-Artikolu 72, li jinsab fl-istess kapitolu tar-Regolament Nru 1122/2009, intitolat “Applikazzjoni ta’ tnaqqis u esklużjonijiet f’każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonat”, jipprovdi fil-paragrafu 1 tiegħu:
“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 77, fejn in-nuqqas ta’ konformità ddeterminat ikun twettaq intenzjonalment mill-bidwi, it-tnaqqis li għandu jiġi applikat għall-ammont totali msemmi fl-Artikolu 70(8) għandu, bħala regola ġenerali, ikun ta’ 20 % ta’ dak l-ammont totali.
Madanakollu, l-aġenzija tal-ħlas tista’, abbażi tal-valutazzjoni fornuta mill-awtorità kompetenti ta’ kontroll fil-parti tal-evalwazzjoni tar-rapport ta’ kontroll skont l-Artikolu 54(1)(c), tiddeċiedi li tnaqqas dak il-perċentwal għal mhux inqas minn 15 % jew, fejn xieraq, li żżid dak il-perċentwal sa 100 % ta’ dak l-ammont totali.”
11.
Ir-Regolament Nru 1122/2009 ġie abrogat u ssostitwit bir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 640/2014 ( 7 ), b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2015 ( 8 ). Ir-Regolament Nru 1122/2009 jibqa’ madankollu applikabbli ratione temporis għall-fatti tal-kawża prinċipali li jirrigwardaw is-sena 2011 ( 9 ).
III. Il-kawża prinċipali, id-domandi preliminari u l-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja
12.
Matul is-sena 2011, spetturi tal-Algemene Inspectiedienst (is-Servizz Ġenerali ta’ Spezzjoni, il-Pajjiżi l-Baxxi) ikkonstataw, f’għaxar okkażjonijiet, li M.N.F.M Nooren (iktar ’il quddiem “M.Nooren”), baqqâr ta’ bhejjem tal-ħalib u tal-laħam, kien naqas milli josserva numru ta’ regoli ta’ kundizzjonalità dwar il-benesseri tal-annimali ( 10 ). Abbażi ta’ dawn il-konstatazzjonijiet, ġie applikat tnaqqis tal-ammont totali ta’ pagamenti diretti lil M. Nooren għas-sena 2011 ( 11 ).
13.
Permezz tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 2014, is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi ffissa l-perċentwali ta’ tnaqqis għal 55 % ( 12 ). Dan it-tnaqqis kien kompost minn naħa, minn tnaqqis ta’ 15 % għal diversi każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità dovuti għal negliġenza, kemm ripetuti kif ukoll mhux ripetuti u min-naħa l-oħra, minn tnaqqis ta’ 40 % għal diversi każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali. Fir-rigward tat-tnaqqis ta’ 40%, is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi qies li, minħabba ċ-ċirkustanzi aggravanti, it-tnaqqis ta’ 20 %, normalment applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali, kellu jiġi rdoppjat ( 13 ).
14.
L-aventi kawża ta’ M. Nooren, M.N.J.P.W. Nooren u J.M.F.D.C. Nooren ippreżentaw rikors quddiem il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku) b’mod partikolari kontra d-deċiżjoni tat‑18 ta’ Settembru 2014 tas-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi ( 14 ).
15.
Insostenn tar-rikors tagħhom, l-aventi kawża ta’ M. Nooren jargumentaw, b’mod partikolari, li skont l-Artikolu 70(6) tar-Regolament Nru 1122/2009, il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatati għandhom jitqiesu bħala każ wieħed ta’ nuqqas ta’ konformità. Fil-każ ineżami, hemm inkwistjoni każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità ripetuti fi ħdan l-istess qasam ta’ kundizzjonalità. Għalhekk, fil-kuntest tal-Artikolu 71(6) tal-imsemmi regolament, ma jistax ikun hemm l-aggregazzjoni tal-perċentwali ta’ tnaqqis. Għaldaqstant, fil-fehma tagħhom, it-tnaqqis ma jistax jeċċedi l-15 %.
16.
Il-qorti tar-rinviju tqis li s-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi stabbilixxa korrettament, minn naħa, it-tnaqqis ta’ 15 % għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità dovuti għal negliġenza, kemm ripetuti kif ukoll mhux ripetuti, u min-naħa l-oħra, tnaqqis ta’ 40 % għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali. Madankollu, din il-qorti għandha dubji dwar il-kwistjoni ta’ jekk, skont l-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament Nru 1122/2009, l-imsemmi tnaqqis jistax jiġi aggregat, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali.
17.
F’dan ir-rigward, il-qorti tar-rinviju tqis li l-interpretazzjoni proposta mis-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi li tipprovdi li tali aggregazzjoni hija possibbli, teskludi r-regola ġenerali li tinsab fl-Artikolu 70(6) tar-Regolament Nru 1122/2009 (diversi każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fi ħdan l-istess qasam ta’ kundizzjonalità għandhom jitqiesu bħala każ uniku għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tnaqqis) favur ir-regola speċifika prevista fl-Artikolu 71(6) tar-Regolament Nru 1122/2009 (fil-każ ta’ nuqqas ta’ konformità ripetut flimkien ma’ nuqqas ta’ konformità ieħor jew ta’ nuqqas ta’ konformità ripetut ieħor, il-perċentwali ta’ tnaqqis għandhom jiġu aggregati). Barra minn hekk, dejjem skont il-qorti tar-rinviju, permezz ta’ din l-interpretazzjoni, is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi jidher li ma jiħux inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikolu 71(6) tar-Regolament Nru 1122/2009 ma huwiex applikabbli meta regola ta’ kundizzjonalità, bħala tali, ma tiġix osservata intenzjonalment. Ir-regoli ta’ kalkolu għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali huma rregolati mill-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1122/2009. Madankollu, din id-dispożizzjoni ma tinkludi ebda regola għas-sitwazzjoni fejn każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità dovuti għal negliġenza, kemm ripetuti kif ukoll mhux ripetuti, minn naħa, jikkoinċidu ma’ każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali, min-naħa l-oħra. L-imsemmija dispożizzjonijiet ma jippermettux li jiġi ddeterminat b’mod ċar jekk u kif it-tnaqqis rilevanti jistax jiġi aggregat flimkien, jew jekk is-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi ffissax korrettament it-tnaqqis totali għal 55 %.
18.
Fuq din il-bażi, il-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi li ġejjin:
“1)
Il-leġiżlatur tal-Unjoni ippreveda taħt l-Artikoli 70, 71 u 72 tar-Regolament Nru 1122/2009, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali fejn hemm diversi każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fi ħdan l-istess qasam suġġett għal kundizzjonalità, il-possibbiltà ta’ għadd flimkien tat-tnaqqis fl-għajnuna li jirriżulta mill-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità għall-kundizzjonalità ripetuti u mhux ripetuti minn naħa, u fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali għall-kundizzjonalità, min-naħa l-oħra?
2)
Fil-każ ta’ risposta affermattiva, liema dispożizzjoni tikkostitwixxi l-bażi legali ta’ tali għadd flimkien u liema hija r-regola ta’ kalkolu li tirregolah?
3)
Fil-każ ta’ risposta negattiva, teżisti bażi legali differenti oħra fid-dritt tal-Unjoni għal tali għadd flimkien?”
19.
Osservazzjonijiet bil-miktub ġew ippreżentati mill-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u mill-Kummissjoni Ewropea. Kull waħda minn dawn il-partijiet ġiet irrappreżentata matul is-seduta tas‑7 ta’ Novembru 2017.
IV. Analiżi
A. Kunsiderazzjonijiet preliminari
20.
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari, li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tanalizza flimkien, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ġew ikkonstatati diversi każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fi ħdan l-istess qasam ta’ kundizzjonalità, l-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament Nru 1122/2009 jippermettux li jiġi aggregat flimkien, minn naħa, it-tnaqqis applikabbli għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità dovuti għal negliġenza, kemm ripetuti kif ukoll mhux ripetuti, u min-naħa l-oħra, it-tnaqqis u l-esklużjonijiet applikabbli għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali. Fil-każ ta’ risposta fin-negattiv, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, permezz tat-tielet domanda preliminari, jekk teżistix bażi legali oħra fid-dritt tal-Unjoni li tippermetti tali aggregazzjoni.
21.
Qabel ma nibda l-analiżi ta’ dawn id-domandi, nemmen li jkun siewi jekk nesponi l-karatteristiċi prinċipali tas-sistema ta’ tnaqqis u ta’ esklużjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ kundizzjonalità stabbilita mir-Regolamenti Nru 73/2009 u Nru 1122/2009 (Taqsima B).
22.
Sussegwentement, ser nanalizza d-domandi preliminari. F’dan ir-rigward, ser nagħti r-raġunijiet għalfejn inqis li l-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament Nru 1122/2009, moqrija flimkien mal-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 73/2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, għandhom jiġu aggregati flimkien, minn naħa, it-tnaqqis applikabbli għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità dovuti għal negliġenza, kemm ripetuti kif ukoll mhux ripetuti, u min-naħa l-oħra, it-tnaqqis u l-esklużjonijiet applikabbli għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali (Taqsima C).
B. Fuq il-karatteristiċi prinċipali tas-sistema ta’ tnaqqis u ta’ esklużjonijiet fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonalità, kif stabbilita mir-Regolamenti Nru 73/2009 u Nru 1122/2009
23.
Fil-kuntest tas-sistema ta’ “kundizzjonalità”, li hija parti integrali mill-appoġġ tal-Unjoni fil-kuntest ta’ pagamenti diretti, il-bdiewa li ma josservawx ċerti kundizzjonijiet statutorji (imsejħa “regoli ta’ kundizzjonalità”) ikunu suġġetti għal tnaqqis ta’ appoġġ dirett jew għall-esklużjoni ta’ dan tal-aħħar ( 15 ). Din is-sistema ta’ tnaqqis u ta’ esklużjonijiet għandha l-għan li tinċentiva lill-bdiewa josservaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fis-seħħ, fl-oqsma differenti tal-kundizzjonalità, bil-għan li r-regoli marbuta, fost l-oħrajn, mal-benesseri tal-annimali, jiġu inklużi fil-politika agrikola komuni (PAK) ( 16 ).
24.
L-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 73/2009 jipprovdi tnaqqis tal-ammont totali ta’ pagamenti diretti mogħtija jew li ser jingħataw lil bidwi li ssottometta applikazzjoni għall-għajnuna meta l-kundizzjonijiet statutorji fil-qasam tal-ġestjoni jew il-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba ma jiġux osservati matul is-sena kalendarja li fir-rigward tagħha tkun ġiet sottomessa l-applikazzjoni għall-għajnuna ( 17 ). It-tnaqqis u l-esklużjonijiet huma applikati konformement mar-regoli previsti fl-Artikolu 24 tal-imsemmi regolament u fl-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament Nru 1122/2009, fejn dawn tal-aħħar jipprovdu regoli iktar iddettaljati dwar it-tnaqqis u l-esklużjonijiet ( 18 ).
25.
L-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 73/2009 u l-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament Nru 1122/2009 jistabbilixxu distinzjoni bejn is-sanzjonijiet applikabbli, minn naħa, fil-każ ta’ negliġenza, u min-naħa l-oħra, fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza intenzjonali ( 19 ). Fil-fatt, skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, dawn iż-żewġ tipi ta’ ksur jiskattaw sanzjonijiet ferm distinti.
26.
Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-tnaqqis applikabbli fil-każijiet ta’ negliġenza (mhux ripetuta), l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 73/2009 jipprevedi limitu massimu ta’ 5 %. L-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1122/2009 jispeċifika li l-perċentwali ta’ tnaqqis applikabbli fil-każ ta’ negliġenza jikkorrispondi, bħala regola ġenerali, għal 3 %, iżda jista’ jitnaqqas sa 1 % u jiżdied sa 5 % ( 20 ).
27.
Fir-rigward, b’mod partikolari, tal-każijiet ta’ negliġenza ripetuti, l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 73/2009 jiffissa l-limitu massimu ta’ tnaqqis għal 15 %. Għal dawn il-każijiet, l-Artikolu 71(5) tar-Regolament Nru 1122/2009 jipprovdi regola ta’ kalkolu li tikkonsisti, essenzjalment, fil-multiplikazzjoni bil-fattur ta’ tlieta tal-perċentwali ffissat minn qabel, konformement mal-Artikolu 71(1) tal-imsemmi regolament, fir-rigward tal-ewwel repetizzjoni. Fil-każ ta’ repetizzjonijiet ulterjuri, il-perċentwali kkalkolat għar-repetizzjoni preċedenti jiġi mmultiplikat b’fattur ta’ tlieta, sakemm jintlaħaq il-limitu massimu ta’ 15 % ( 21 ).
28.
Fit-tieni lok, fir-rigward tat-tnaqqis applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza intenzjonali, l-Artikolu 24(3) tar-Regolament Nru 73/2009 jipprovdi li, bħala prinċipju, il-perċentwali ta’ tnaqqis ma għandux ikun inqas minn 20 % u jista’ jwassal saħansitra għal esklużjoni totali (jiġifieri tnaqqis ta’ 100 %) minn skema ta’ għajnuna waħda jew iktar u japplika għal sena kalendarja waħda jew iktar. L-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1122/2009 jispeċifika li l-perċentwali ta’ tnaqqis jiżdied minn 15 % sa 100 %, bit-tnaqqis iffissat, bħala regola ġenerali, għal 20 % ( 22 ).
29.
Fl-aħħar nett, l-Artikolu 24(4) tar-Regolament Nru 73/2009 jipprovdi limitu massimu li jistabbilixxi li, fi kwalunkwe każ, l-ammont totali ta’ tnaqqis u esklużjonijiet għal sena kalendarja waħda ma jistax jeċċedi l-ammont totali ta’ pagamenti diretti mogħtija jew li ser jingħataw.
30.
Minn dak li ntqal preċedentement jirriżulta li t-tnaqqis u l-esklużjonijiet li għandhom jiġu applikati fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ kundizzjonalità huma rregolati kemm mill-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 73/2009 u kif ukoll mill-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament Nru 1122/2009, bl-ewwel żewġ dispożizzjonijiet jistabbilixxu l-prinċipji u l-kriterji ġenerali, filwaqt li l-aħħar żewġ dispożizzjonijiet jistabbilixxu regoli iktar iddettaljati. Fuq din il-bażi, jiena nqis, bħall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi, li sabiex nirrispondi għad-domandi mressqa mill-qorti tar-rinviju, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss l-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament Nru 1122/2009, iżda wkoll l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 73/2009 ( 23 ).
C. Fuq l-ewwel u t-tieni domanda preliminari
31.
Għandu jitfakkar, qabelxejn, li f’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju kkonstatat li s-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi kien iffissa korrettament, minn naħa, it-tnaqqis ta’ 15% għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità dovuti għal negliġenza, kemm ripetuti kif ukoll mhux ripetuti, u min-naħa l-oħra, tnaqqis ta’ 40 % għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali ( 24 ).
32.
Permezz tal-ewwel u tat-tieni domanda preliminari, li nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tanalizza flimkien, din il-qorti tistaqsi, essenzjalment, jekk l-imsemmi tnaqqis ta’ 15 % u ta’ 40 % jistgħux jiġu aggregati, sabiex b’hekk il-bidwi kkonċernat jingħata tnaqqis totali ta’ 55 %.
33.
Bħall-Gvern tal-Pajjiżi l-Baxxi u l-Kummissjoni, jiena tal-opinjoni li r-risposta li għandha tingħata għal din id-domanda għandha tkun fl-affermattiv. Jiena nqis, fil-fatt, li l-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament Nru 1122/2009, moqrija flimkien mal-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 73/2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ġew ikkonstatati diversi każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fi ħdan l-istess qasam ta’ kundizzjonalità, għandhom jiġu aggregati flimkien, minn naħa, it-tnaqqis applikabbli għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità dovuti għal negliġenza, kemm ripetuti kif ukoll mhux ripetuti, u min-naħa l-oħra, it-tnaqqis u l-esklużjonijiet applikabbli għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali.
34.
F’dan ir-rigward, nibbaża ruħi fuq l-osservazzjonijiet li ġejjin.
35.
L-ewwel nett, kif diġà għidt f’dawn il-konklużjonijiet, l-Artikolu 23(1) tar-Regolament Nru 73/2009 jipprovdi tnaqqis tal-ammont totali ta’ pagamenti diretti mogħtija jew li ser jingħataw fil-każ li ma jiġux osservati r-regoli ta’ kundizzjonalità. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 73/2009 u l-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament Nru 1122/2009 jistabbilixxu distinzjoni bejn il-każijiet ta’ negliġenza, minn naħa, u l-każijiet ta’ nuqqas ta’ osservanza intenzjonali, min-naħa l-oħra, billi jipprovdu sanzjonijiet distinti għal dawn iż-żewġ tipi ta’ ksur ( 25 ).
36.
Isegwi, fl-opinjoni tiegħi, li f’sitwazzjoni fejn ġew ikkonstatati kemm każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità dovuti għal negliġenza u kif ukoll każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali, it-tnaqqis applikabbli għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità dovuti għal negliġenza (iddeterminati skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 73/2009 u l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1122/2009), minn naħa, u t-tnaqqis u l-esklużjonijiet applikabbli għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali (iddeterminati skont l-Artikolu 24(3) tar-Regolament Nru 73/2009 u l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1122/2009), min-naħa l-oħra, għandhom jiġu ddeterminati separatament. Huwa biss permezz ta’ tali approċċ li jiġu osservati r-regoli ddettaljati taż-żewġ sistemi ta’ sanzjonijiet, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-perċentwali ta’ tnaqqis u tal-limiti massimi applikabbli għal dawn iż-żewġ tipi ta’ ksur ( 26 ).
37.
Sussegwentement, it-tnaqqis u l-esklużjonijiet hekk stabbiliti għandhom jiġu aggregati sal-limitu massimu ta’ 100 % previst fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament Nru 73/2009. L-obbligu li ssir tali aggregazzjoni huwa, fl-opinjoni tiegħi, inerenti għall-iskema ta’ tnaqqis u esklużjonijiet stabbilita fl-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 73/2009 u l-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament Nru 1122/2009. Fil-fatt, l-imsemmija dispożizzjonijiet jiċċaħdu minn kull effett utli li kieku t-tnaqqis iddeterminat għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità dovuti għal negliġenza jiġi, biex jingħad hekk, “assorbit” minn dak iddeterminat għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali (jew viċi-versa). Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li, fl-assenza ta’ tali aggregazzjoni, il-limitu massimu previst fl-Artikolu 24(4) tar-Regolament Nru 73/2009 jitlef il-portata kollha tiegħu ( 27 ). Għalhekk, jiena nqis li tajt risposta għad-domanda dwar il-bażi legali ta’ tali aggregazzjoni, imressqa mill-qorti tar-rinviju permezz tat-tieni domanda preliminari tagħha ( 28 ).
38.
It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tar-Regolamenti Nru 73/2009 u Nru 1122/2009 ma tippermetti d-deroga minn dan il-prinċipju ta’ aggregazzjoni f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn huma kkonstatati diversi każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fi ħdan l-istess qasam ta’ kundizzjonalità, li wħud minnhom huma dovuti għal negliġenza, kemm ripetuti kif ukoll mhux ripetuti, u oħrajn għal nuqqas ta’ konformità intenzjonali. B’mod partikolari, ir-regoli previsti fl-Artikolu 70(6) u fl-Artikolu 71(6) tar-Regolament Nru 1122/2009, li ġew invokati mill-aventi kawża ta’ M. Nooren ( 29 ), ma jiġġustifikawx li jkun hemm deroga mill-prinċipju ta’ aggregazzjoni, minn naħa, tat-tnaqqis iddeterminat għal każijiet ta’ negliġenza u, min-naħa l-oħra, tat-tnaqqis u l-esklużjonijiet iddeterminati għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali.
39.
Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-Artikolu 70(6) tar-Regolament Nru 1122/2009, għandu jiġi kkonstatat li din id-dispożizzjoni tipprovdi li, fejn jiġu kkonstatati diversi każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fir-rigward ta’ atti jew standards varji tal-istess qasam ta’ kundizzjonalità, dawn il-każijiet għandhom, għall-finijiet tad-determinazzjoni tat-tnaqqis skont l-Artikoli 71(1) u 72(1) tal-imsemmi regolament, jitqiesu bħala każ wieħed ta’ nuqqas ta’ konformità ( 30 ).
40.
Fl-opinjoni tiegħi, din id-dispożizzjoni tipprevedi l-“kombinazzjoni” tal-ksur għall-finijiet tad-determinazzjoni tas-sanzjonijiet rispettivi għal, minn naħa, każijiet ta’ negliġenza, skont l-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1122/2009 u, min-naħa l-oħra, każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali, skont l-Artikolu 72(1) tal-imsemmi regolament. Fi kliem ieħor, inqis li l-imsemmija dispożizzjoni timplika li l-każijiet kollha ta’ negliġenza għandhom jitqiesu bħala każ ta’ negliġenza u li l-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali għandhom jitqiesu bħala każ wieħed ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali, meta jiġu stabbiliti s-sanzjonijiet rispettivi ( 31 ).
41.
Min-naħa l-oħra, fl-opinjoni tiegħi, ma hemm xejn fit-test tal-Artikolu 70(6) tal-imsemmi regolament li jindika li hemm lok li tiġi stabbilita sanzjoni unika għal każijiet kollha ta’ nuqqas ta’ konformità kkonstatati irrispettivament min-natura tagħhom, kif jidhru li qegħdin jissuġġerixxu l-aventi kawża ta’ M. Nooren ( 32 ). Barra minn hekk, tali interpretazzjoni ma tkunx konformi mad-distinzjoni li jagħmel l-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 73/2009 u l-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament Nru 1122/2009 bejn sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ negliġenza u dawk applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza intenzjonali. Infakkar f’dan il-kuntest li, skont il-ġurisprudenza stabbilita mill-Qorti tal-Ġustizzja, regolament ta’ implementazzjoni għandu, jekk possibbli, ikun suġġett għal interpretazzjoni konformi mar-regolament bażiku ( 33 ).
42.
Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 70(6) tar-Regolament Nru 1122/2009 ma japplikax għal każijiet ta’ negliġenza ripetuti. Fil-fatt, it-test ta’ din id-dispożizzjoni jirreferi biss għall-Artikolu 71(1) u għall-Artikolu 72(1) tal-imsemmi regolament li jikkonċernaw, rispettivament, it-tnaqqis applikabbli fil-każijiet ta’ negliġenza mhux ripetuti u t-tnaqqis applikabbli fil-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija dispożizzjoni ma tagħmel ebda riferiment għall-Artikolu 71(5) tal-istess regolament rigward il-każijiet ta’ negliġenza ripetuti. Isegwi li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-Artikolu 70(6) tar-Regolament Nru 1122/2009, ma huwiex applikabbli għal każijiet ta’ negliġenza ripetuti. Għaldaqstant, it-tnaqqis applikabbli f’dawn il-każijiet għandu, f’kull każ, jiġi stabbilit b’mod separat.
43.
Fit-tieni lok, fir-rigward tal-Artikolu 71(6) tar-Regolament Nru 1122/2009, għandu jiġi kkonstatat li, bħalma jirriżulta mit-titolu tiegħu, l-imsemmi Artikolu 71 jikkonċerna biss il-każijiet ta’ negliġenza u li l-paragrafu 6 tiegħu jikkonċerna s-sitwazzjoni partikolari li fiha jiġi stabbilit każ ta’ nuqqas ta’ konformità ripetut flimkien ma’ nuqqas ta’ konformità ieħor, ripetut jew mhux ripetut. Isegwi li din id-dispożizzjoni ma tapplikax għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali u li, f’tali sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-imsemmija dispożizzjoni ma għandha ebda effett fuq it-tnaqqis u l-esklużjonijiet applikabbli għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali kkonstatati.
44.
Minn dak li ntqal preċedentement, jirriżulta li la l-Artikolu 70(6), la l-Artikolu 71(6) tar-Regolament Nru 1122/2009 u lanqas l-applikazzjoni konġunta ta’ dawn it-tnejn, ma jiġġustifikaw l-iffissar ta’ sanzjoni unika suġġetta għal limitu massimu ta’ 15 %, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħalma jargumentaw l-aventi kawża ta’ M. Nooren ( 34 ).
45.
Barra minn hekk, fil-fehma tiegħi, tali interpretazzjoni tkun illoġika. Fil-fatt, din ikollha bħala konsegwenza li t-tnaqqis applikabbli f’tali sitwazzjoni fejn jiġu kkonstatati diversi każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità dovuti għal negliġenza u diversi każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali, ikun inqas mit-tnaqqis applikabbli f’każ wieħed ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali li huwa, bħala regola ġenerali, ta’ 20 %, kif previst fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1122/2009. Barra minn hekk, tali riżultat ikun irrikonċiljabbli mal-għan tas-sistema ta’ tnaqqis u esklużjonijiet stabbilita fl-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 73/2009 u fl-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament Nru 1122/2009, li huma intiżi sabiex jinkoraġġixxu lill-bdiewa josservaw il-leġiżlazzjoni fis-seħħ fid-diversi oqsma ta’ kundizzjonalità ( 35 ).
46.
F’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, l-applikazzjoni tal-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 73/2009 u tal-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament Nru 1122/2009 twassal, fl-opinjoni tiegħi, għat-tnaqqis u l-esklużjonijiet segwenti.
47.
L-ewwel nett, għandhom jiġu kkombinati flimkien, konformement mal-Artikolu 70(6) tar-Regolament Nru 1122/2009, minn naħa, il-każijiet kollha ta’ negliġenza mhux ripetuti u min-naħa l-oħra, il-każijiet kollha ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali, u għandhom jiġu stabbiliti, b’mod separat, għal dawn iż-żewġ gruppi ta’ ksur, it-tnaqqis u l-esklużjonijiet li għandhom jiġu applikati skont l-Artikolu 71(1) (għal każijiet ta’ negliġenza mhux ripetuti) u l-Artikolu 72(1) tal-imsemmi regolament (għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali). It-tieni nett, għandhom jiġu ddeterminati t-tnaqqis applikabbli għal każijiet ta’ negliġenza ripetuti, skont l-Artikolu 71(5) tar-Regolament Nru 1122/2009. It-tielet nett, skont l-Artikolu 71(6) tal-imsemmi regolament, għandhom jiġu aggregati flimkien il-perċentwali ta’ tnaqqis iffissat minn naħa, għal każijiet ta’ negliġenza mhux ripetuti u, min-naħa l-oħra, għal każijiet ta’ negliġenza ripetuti, sakemm jintlaħaq il-limitu massimu ta’ 15% previst f’din id-dispożizzjoni. Fl-aħħar nett, għandhom jiġu aggregati flimkien, minn naħa, t-tnaqqis iddeterminat għal każijiet ta’ negliġenza, kemm ripetuti kif ukoll mhux ripetuti u, min-naħa l-oħra, it-tnaqqis (jew esklużjonijiet) iddeterminati għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali. Kif jipprovdi l-Artikolu 24(4) tar-Regolament Nru 73/2009, l-ammont totali ta’ tnaqqis u esklużjonijiet għal sena kalendarja waħda ma jistax madankollu jeċċedi l-100 % tal-ammont totali ta’ pagamenti diretti mogħtija jew li għandhom jingħataw. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika jekk, f’dan il-każ, dawn ir-regoli ddettaljati ġewx osservati matul l-iffissar tat-tnaqqis ta’ 55 %.
48.
Bħala konklużjoni, nemmen li jkun utli jekk nikkummenta ftit dwar ir-risposta li pproponiet il-Kummissjoni għad-domandi preliminari. Hija tipproponi risposta globali għal dawn id-domandi fis-sens li l-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament Nru 1122/2009 ma jipprekludux li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jieħdu inkunsiderazzjoni, f’sitwazzjoni ta’ akkumulazzjoni ta’ każ wieħed jew iktar ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali skont l-Artikolu 72(1) tal-imsemmi regolament, l-eżistenza ta’ każijiet oħra ta’ nuqqas ta’ konformità dovuti għal negliġenza, kemm ripetuti kif ukoll mhux ripetuti, u li huma japplikaw, fil-limiti ta’ din id-dispożizzjoni, tnaqqis globali uniku filwaqt li jieħdu inkunsiderazzjoni, għall-parti stabbilita tar-rati ta’ tnaqqis globali, l-eżistenza tal-każijiet l-oħra ta’ nuqqas ta’ konformità dovuti għal negliġenza.
49.
Fi kliem ieħor, il-Kummissjoni tqis li, peress li l-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1122/2009 jipprovdi tnaqqis li jilħaq il-100 % għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali, l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jistgħu, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ġew ikkonstatati kemm każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità dovuti għal negliġenza, ripetuti u mhux ripetuti, kif ukoll każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali, jistabbilixxu tnaqqis globali, skont l-imsemmija dispożizzjoni, li jieħu inkunsiderazzjoni mhux biss il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali, iżda wkoll il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità dovuti għal negliġenza.
50.
L-approċċ propost mill-Kummissjoni ma jikkonvinċinix, u dan għar-raġunijiet segwenti.
51.
L-ewwel nett, tali approċċ ma jkunx, fl-opinjoni tiegħi, konformi mal-formolazzjoni tal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1122/2009 li tipprovdi li din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss il-każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali. Barra minn hekk, dan ma jkunx josserva d-distinzjoni magħmula mill-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 73/2009 u mill-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament Nru 1122/2009 bejn it-tnaqqis applikabbli fil-każ ta’ negliġenza, minn naħa, u t-tnaqqis u l-esklużjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza intenzjonali, min-naħa l-oħra ( 36 ).
52.
It-tieni nett, inqis li l-approċċ tal-Kummissjoni joħloq problemi ta’ ċertezza legali għall-persuni kkonċernati peress li jagħti setgħa diskrezzjonali wiesgħa ħafna lill-awtoritajiet nazzjonali fir-rigward tad-determinazzjoni tat-“tnaqqis globali” li għandu jiġi applikat f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, li kieku dan l-approċċ kellu jiġi adottat, ikun prattikament impossibbli għall-persuni kkonċernati li jipprevedu s-sanzjoni li ser tiġi imposta fil-konfront tagħhom f’tali sitwazzjoni ( 37 ). F’dan ir-rigward, għandu jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament Nru 1122/2009 għandhom l-għan li jipprevedu regoli ddettaljati rigward it-tnaqqis u l-esklużjonijiet applikabbli fil-każ ta’ nuqqas ta’ osservanza tar-regoli ta’ kundizzjonalità ( 38 ). L-approċċ li pproponiet il-Kummissjoni jkollu bħala effett li jrendi dawn ir-regoli mingħajr effett, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, peress li, fir-realtà, dawn ikunu “assorbiti” mir-regola prevista fl-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1122/2009.
53.
Bħala konklużjoni, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja tikkonstata li l-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament Nru 1122/2009, moqrija flimkien mal-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 73/2009, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ġew ikkonstatati diversi każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fi ħdan l-istess qasam ta’ kundizzjonalità, għandhom jiġu aggregati flimkien, minn naħa, it-tnaqqis applikabbli għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità dovuti għal negliġenza, kemm ripetuti kif ukoll mhux ripetuti, iddeterminati skont l-Artikolu 24(2) tar-Regolament Nru 73/2009 u l-Artikolu 71 tar-Regolament Nru 1122/2009, u min-naħa l-oħra, it-tnaqqis u l-esklużjonijiet applikabbli għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali kkonstatati skont l-Artikolu 24(3) tar-Regolament Nru 73/2009 u l-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1122/2009. Konformement mal-Artikolu 24(4) tar-Regolament Nru 73/2009, l-ammont totali ta’ tnaqqis u esklużjonijiet għal sena kalendarja ma jistax madankollu jeċċedi l-100 % tal-ammont totali ta’ pagamenti diretti mogħtija jew li ser jingħataw.
54.
Fid-dawl ta’ din ir-risposta, ma hemmx lok li tingħata risposta għat-tielet domanda preliminari.
V. Konklużjoni
55.
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi kif ġej id-domandi preliminari mressqa mill-College van Beroep voor het bedrijfsleven (il-Qorti tal-Appell għall-Kwistjonijiet Amministrattivi fil-Qasam Ekonomiku, il-Pajjiżi l-Baxxi):
L-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxu regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ dirett għall-bdiewa previsti minn dan ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid, moqrija flimkien mal-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għall-iskemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda ir-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, f’sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fejn ġew ikkonstatati diversi każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fi ħdan l-istess qasam ta’ kundizzjonalità,, għandhom jiġu aggregati flimkien, minn naħa, it-tnaqqis applikabbli għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità dovuti għal negliġenza, kemm ripetuti kif ukoll mhux ripetuti, u min-naħa l-oħra, it-tnaqqis applikabbli għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali. Konformement mal-Artikolu 24(4) tar-Regolament Nru 73/2009, l-ammont totali ta’ tnaqqis u esklużjonijiet għal sena kalendarja ma jistax madankollu jeċċedi l-100 % tal-ammont totali ta’ pagamenti diretti mogħtija jew li ser jingħataw.
( 1 ) Lingwa oriġinali: il-Franċiż.
( 2 ) Regolament tal-Kummissjoni tat‑30 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ dirett għall-bdiewa previsti minn dan ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU 2009, L 316, p. 65).
( 3 ) Regolament tal-Kunsill tad‑19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU 2009, L 30, p. 16).
( 4 ) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU 2013, L 347, p. 608). Għandu jiġi nnotat li r-regoli dwar il-kundizzjonalità issa huma previsti fir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1200/2005 u (KE) Nru 485/2008 tal-Kunsill (ĠU 2013, L 347, p. 549).
( 5 ) Ara l-Artikolu 72(2) u l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 1307/2013.
( 6 ) Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 7 ) Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tas-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll u l-kundizzjonijiet għar-rifjut jew l-irtirar ta’ pagamenti u penali amministrattivi applikabbli għall-pagamenti diretti, l-appoġġ għall-iżvilupp rurali u l-kundizzjonalità (ĠU 2014, L 181, p. 48).
( 8 ) Ara l-Artikolu 43 tar-Regolament ta’ Delega Nru 640/2014.
( 9 ) Ara l-punt 12 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 10 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-ksur ikkonstatat kien jikkonċerna, b’mod partikolari, l-obbligu li tingħata l-kura adegwata lil għoġġiela; li jiġi pprovdut biżżejjed ilma frisk u adegwat lil għoġġiela; li jiġu protetti l-annimali miżmuma barra kontra l-kundizzjonijiet ħżiena meteoroloġiċi, kontra l-predaturi u kontra r-riskji għas-saħħa; li jiġi pprovdut biżżejjed għalf xieraq u tajjeb għas-saħħa; li jkun hemm konformità mad-dimensjonijiet minimi tal-kaxex għall-akkomodazzjoni individwali tal-għoġġiela; li jiġu iżolati annimali morda jew imweġġa’ u li l-tingħata kura immedjata u adegwata lill-annimali li jidhru morda jew imweġġa’ u li jiġi kkonsultat veterinarju.
( 11 ) Għat-terminu “pagament dirett”, ara l-Artikolu 2(d) tar-Regolament Nru 73/2009.
( 12 ) Mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li t-tnaqqis kien inizjalment stabbilit għal 15 %. Sussegwentement, ġie kkalkolat mill-ġdid, l-ewwel darba għal 65 %, it-tieni darba għal 100 % u, fl-aħħar nett, għal 55 %, permezz tad-deċiżjoni tat-18 ta’ Settembru 2014.
( 13 ) F’dan ir-rigward, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li kien ġie kkonstatat li numru ta’ annimali kienu sofrew għalxejn u kienu sfaw imweġġa’ u wħud minnhom kellhom jiġu ewtanizzati minħabba l-ksur ikkonstatat. Barra minn hekk, jirriżulta li s-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi qies li din kienet “politika kontinwa u fuq tul taż-żmien” min-naħa tal-bidwi kkonċernat.
( 14 ) Minbarra d-deċiżjoni tat‑18 ta’ Settembru 2014, ir-rikors ippreżentat mill-aventi kawża ta’ M. Nooren jikkonċerna, b’mod partikolari, id-deċiżjoni tat‑23 ta’ Settembru 2014 tas-Segretarju tal-Istat għall-Affarijiet Ekonomiċi, li permezz tagħha dan tal-aħħar ikkalkola mill-ġdid l-għajnuna mogħtija għas-sena 2011 billi ttieħed inkunsiderazzjoni t-tnaqqis stabbilit fid-deċiżjoni tiegħu tat‑18 ta’ Settembru 2014.
( 15 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessa 3 tar-Regolament Nru 73/2009.
( 16 ) Ara dwar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU 2003, L 270, p. 1), u r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004 tal-21 ta’ April 2004 li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 tad-29 ta’ Settembru 2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243), li ġew abrogati u ssostitwiti, rispettivament, mir-Regolamenti Nru 73/2009 u Nru 1122/2009, is-sentenzi tal-11 ta’ Marzu 2008, Jager (C-420/06, EU:C:2008:152, punt 71), u tas-27 ta’ Frar 2014, van der Ham u van der Ham-Reijersen van Buuren (C-396/12, EU:C:2014:98, punt 52). Ara, barra minn hekk, f’dan is-sens, fir-rigward tar-Regolament Nru 73/2009, is-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Maatschap L.A. en D.A.B. Langestraat en P. Langestraat-Troost (C-11/12, EU:C:2012:808, punti 35 u 40).
( 17 ) Ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2012, Maatschap L.A. en D.A.B. Langestraat en P. Langestraat-Troost (C-11/12, EU:C:2012:808, punt 22). Ara, barra minn hekk, l-Artikolu 4(1) tar-Regolament Nru 73/2009, li jipprovdi li kull bidwi li jirċievi pagamenti diretti għandu jissodisfa l-kundizzjonijiet statutorji fil-qasam tal-ġestjoni elenkati fl-Anness II tal-imsemmi regolament, kif ukoll il-kundizzjonijiet agrikoli u ambjentali tajba previsti fl-Artikolu 6 tal-imsemmi regolament. Skont Artikolu 5 tal-istess regolament, il-kundizzjonijiet statutorji fil-qasam tal-ġestjoni huma stabbiliti fil-leġiżlazzjoni Komunitarja, b’mod partikolari fil-qasam tal-benesseri tal-annimali.
( 18 ) Skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 73/2009, ir-regoli ddettaljati dwar it-tnaqqis u l-esklużjonijiet huma stabbiliti skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 141(2) tar-Regolament Nru 73/2009. B’dan il-mod, jittieħdu inkunsiderazzjoni s-severità, il-portata, il-permanenza u r-repetizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità li jirriżulta kif ukoll il-kriterji stabbiliti fil-paragrafi 2 sa 4 tal-Artikolu 24. L-imsemmi Artikolu 141(2) jirreferi għall-Artikoli 4 u 7 tad-Deċiżjoni 1999/468/KE tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 1999 li tipprovdi l-proċeduri għall-eżerċizzju tas-setgħat ta’ l-implementazzjoni konferiti fuq il-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 124 sa 127).
( 19 ) Għandu jiġi nnotat li l-Artikoli 23 u 24 tar-Regolament Nru 73/2009 jużaw it-terminu “nuqqas ta’ konformità”, filwaqt li l-Artikoli 70 sa 72 tar-Regolament Nru 1122/2009 jużaw it-terminu “nuqqas ta’ osservanza”. Barra minn hekk, filwaqt li l-Artikolu 24(3) tar-Regolament Nru 73/2009 jirreferi għall-każ ta’ “nuqqas ta’ konformità intenzjonat”, l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1122/2009 juża t-terminu “nuqqas ta’ [osservanza] intenzjonat”. Madankollu, dawn id-differenzi lingwistiċi, fl-opinjoni tiegħi, ma jistgħux jimplikaw sinjifikat differenti bejn it-termini użati.
( 20 ) Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 71(1) tar-Regolament Nru 1122/2009, l-aġenzija tal-ħlas tista’ tiddeċiedi, fil-każijiet li jaqgħu taħt it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 54(1)(c), li ma timponi ebda tnaqqis.
( 21 ) L-imsemmi tielet subparagrafu tal-Artikolu 71(5) jispeċifika, barra minn hekk, li ladarba jintlaħaq il-limitu ta’ 15 %, il-bidwi għandu jiġi informat li, fil-każ li jerġa’ jiġi kkonstatat l-istess nuqqas ta’ konformità, għandu jitqies li huwa jkun aġixxa intenzjonalment skont l-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1122/2009. Għall-kunċett ta’ “nuqqas ta’ konformità ripetut”, ara l-Artikolu 47(1) tar-Regolament Nru 1122/2009.
( 22 ) Għall-kunċett ta’ “nuqqas ta’ konformità intenzjonali”, skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament Nru 796/2004 (li jikkorrispondi għall-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1122/2009), ara s-sentenza tas-27 ta’ Frar 2014, van der Ham u van der Ham-Reijersen van Buuren (C-396/12, EU:C:2014:98, punti 27 sa 37).
( 23 ) Konformement mal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, anki jekk, formalment, il-qorti tar-rinviju llimitat id-domandi tagħha għall-interpretazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, tali ċirkustanza ma tipprekludix lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdilha l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jistgħu jkunu utli għad-deċiżjoni tal-kawża li għandha quddiemha, kemm jekk din il-qorti tkun għamlet riferiment għalihom fid-domandi tagħha kif ukoll jekk le. F’dan ir-rigward, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tislet, mill-informazzjoni kollha pprovduta mill-qorti nazzjonali, u b’mod partikolari mill-motivazzjoni tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-elementi tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġu interpretazzjoni fir-rigward tas-suġġett tat-tilwima. Ara s-sentenza tad-19 ta’ Ottubru 2017, Otero Ramos (C-531/15, EU:C:2017:789, punt 40).
( 24 ) Ara l-punt 16 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 25 ) Ara l-punti 24 sa 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 26 ) Ara l-punti 26 sa 28 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 27 ) Fir-rigward tal-Artikolu 24(4) tar-Regolament Nru 73/2009, ara l-punt 29 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 28 ) Ara l-punt 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 29 ) Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Għal finijiet ta’ kompletezza, ser inżid li l-Artikolu 71(4) tar-Regolament Nru 1122/2009 ma japplikax f’sitwazzjoni bħal din inkwistjoni fil-kawża prinċipali. Fil-fatt, kif tikkonstata l-qorti tar-rinviju, din id-dispożizzjoni tikkonċerna biss sitwazzjoni fejn jiġu kkonstatati diversi każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità fi ħdan diversi oqsma ta’ kundizzjonalità, li ma huwiex il-każ inkwistjoni.
( 30 ) Ir-Regolament Nru 796/2004 li ppreċeda r-Regolament Nru 1122/2009, kien jinkludi dispożizzjoni kważi identika għall-Artikolu 70(6) tar-Regolament Nru 1122/2009 li, madankollu, kienet tirrigwarda biss it-tnaqqis applikabbli fil-każ ta’ negliġenza (Artikolu 66(2) tar-Regolament Nru 796/2004). Ma huwiex ċar għalfejn din id-dispożizzjoni ġiet spostata fir-Regolament Nru 1122/2009, fl-artikolu marbut mal-“Prinċipji ġenerali u definizzjoni” (Artikolu 70(6) tal-imsemmi regolament), b’effett li l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha ġie estiż għal każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali.
( 31 ) Ara, f’dan is-sens, il-premessa 4 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2184/2005 tat-23 ta’ Diċembru 2005 li jemenda Regolamenti (KE) Nru 796/2004 u (KE) Nru 1973/2004 li jwaqqaf regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa (ĠU 2005, L 347, p. 61), li minnha jirriżulta li “b’mod konformi mal-Artikolu 66(2) tar-Regolament (KE) Nru 796/2004 [li jikkorrispondi mal-Artikolu 70(6) tar-Regolament Nru 1122/2009], in-nuqqas ta’ osservanza ta’ diversi obbligi fil-qasam tal-kundizzjonalità fi ħdan l-istess qasam ta’ kundizzjonalità skont punt 31 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, għandu jitqies bħala każ ta’ nuqqas ta’ konformità wieħed meta jiġu stabbiliti s-sanzjonijiet rispettivi” (enfasi tiegħi).
( 32 ) Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 33 ) Ara s-sentenza tal-14 ta’ Mejju 2009, Internationaal Verhuis- en Transportbedrijf Jan de Lely (C-161/08, EU:C:2009:308, punt 38 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, tali interpretazzjoni tqajjem il-kwistjoni dwar liema regola għandha tapplika fid-determinazzjoni ta’ din is-“sanzjoni unika” (konformement mal-Artikolu 71(1) jew konformement mal-Artikolu 72(1) tar-Regolament Nru 1122/2009). Il-fatt li r-Regolament ma jgħid xejn fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, isaħħaħ il-ħsieb tiegħi li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma riedx li tiġi stabbilita sanzjoni unika f’sitwazzjoni fejn ġew ikkonstatati kemm każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità dovuti għal negliġenza kif ukoll każijiet ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali.
( 34 ) Ara l-punt 15 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 35 ) Ara l-punt 23 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Infakkar li skont l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 73/2009, fl-iffissar tar-regoli ddettaljati marbuta mat-tnaqqis u mal-esklużjonijiet, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni s-severità, il-portata, il-permanenza u r-repetizzjoni tan-nuqqas ta’ konformità kkonstatat. Ara n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Ara wkoll, barra minn hekk, il-premessa 75 tar-Regolament Nru 1122/2009 fejn hemm referenza għall-prinċipju ta’ proporzjonalità.
( 36 ) Fir-rigward din id-distinzjoni, ara l-punti 25 sa 28 u 35 sa 37 ta’ dawn il-konklużjonijiet.
( 37 ) Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti, il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi, b’mod partikolari, li r-regoli tad-dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli għall-individwi. Ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-18 ta’ Diċembru 2008, Altun (C-337/07, EU:C:2008:744, punt 60).
( 38 ) Ara l-Artikolu 24(1) tar-Regolament Nru 73/2009. Ara, ukoll, il-punt 24 u n-nota ta’ qiegħ il-paġna 18 ta’ dawn il-konklużjonijiet.