SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla)
6 ta’ Lulju 2017 ( *1 )
[Test rettifikat permezz ta’ digriet tat-12 ta’ Lulju 2017]
“Appell — Kompetizzjoni — Akkordji — Suq ta’ proġetti relatati ma’ switchgear iżolat bil-gass — Deċiżjoni meħuda mill-Kummissjoni Ewropea wara l-annullament parzjalment mill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-deċiżjoni inizjali — Modifika tal-multi — Drittijiet tad-difiża — Assenza ta’ adozzjoni ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida — Ugwaljanza fit-trattament — Impriża konġunta — Kalkolu tal-ammont inizjali — Grad ta’ kontribuzzjoni fil-ksur — Awtorità ta’ res judicata”
Fil-Kawża C-180/16 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fid-29 ta’ Marzu 2016
Toshiba Corp., stabbilita f’Tokyo (il-Ġappun), irrappreżentata minn J. F. MacLennan, solicitor, S. Sakellariou, avukat, Me A. Schulz, avukat, u Me J. Jourdan, avukat,
rikorrenti,
il-parti l-oħra fil-kawża li hija:
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn N. Khan, bħala aġent,
konvenuta fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Seba’ Awla),
komposta minn A. Prechal (Relatur), President tal-Awla, A. Rosas u C. Toader, Imħallfin,
Avukat Ġenerali : E. Tanchev,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tas-26 ta’ April 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
Permezz tal-appell tagħha, Toshiba Corp. titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tad-19 ta’ Jannar 2016, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-404/12, iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:18), li permezz tagħha din ċaħdet ir-rikors tagħha intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2012) 4381, tas-27 ta’ Ġunju 2012, li temenda d-Deċiżjoni C (2006) 6762 finali, tal-24 ta’ Jannar 2007, li tirrigwarda proċedura skont l-Artikolu 81 [KE (issa l-Artikolu 101 TFUE)] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE sa fejn Mitsubishi Electric Corp u Toshiba Corp kienu d-destinatarji tagħha (Każ COMP/39.966 – Switchgear Iżolat bil-Gass – Multi) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni inkwistjoni”).
Il-fatti li wasslu għall-kawża u d-deċiżjoni inkwistjoni
2
Fil-punti 1 sa 20 tas-sentenza appellata, il-fatti tal-kawża huma esposti kif ġej:
“1
[Toshiba] hija kumpannija Ġappuniża attiva f’diversi setturi u, b’mod partikolari, fil-qasam ta’ switchgear iżolat bil-gass (iktar ’il quddiem is-“SIG”). Bejn Ottubru 2002 u April 2005, l-attività tagħha fil-qasam tas-SIG kienet eżerċitata minn kumpannija konġunta, jiġifieri TM T&D Corp., li tagħha hija kienet proprjetarja, f’ishma indaqs, ma’ Mitsubishi Electric Corp. (iktar ’il quddiem ‘[Mitsubishi]’) li ġiet xolta fl-2005.
2
Fl-24 ta’ Jannar 2007, il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej adottat id-Deċiżjoni C (2006) 6762 finali dwar proċedura skont l-Artikolu 81 [KE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Kawża COMP/38.899 – Switchgear Iżolat bil-Gass), (iktar ’il quddiem id“[d]eċiżjoni tal-2007”).
3
Fid-[d]eċiżjoni tal-2007, il-Kummissjoni kkonstatat li ksur uniku u kontinwu tal-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekomomika Ewropea kien jeżisti fis-suq tas-SIG taż-Żona Ekomomika Ewropea (ŻEE) bejn il-15 ta’ April 1988 u l-11 ta’ Mejju 2004 u imponiet fuq id-destinatarji tal-imsemmija deċiżjoni, li kienu prodotturi Ewropej u Ġappuniżi ta’ SIG, multi [...]
4
Il-ksur imsemmi fid-[d]eċiżjoni tal-2007 kien fih tliet elementi essenzjali:
—
ftehim iffirmat fi Vjenna fil-15 ta’ April 1988 (iktar ’il quddiem il-“ftehim GQ”) li kellu bħala suġġett l-allokazzjoni ta’ proġetti relatati ma’ SIG fuq livell mondjali skont regoli miftiehma sabiex iżommu l-kwoti jirriflettu prinċipalment “ishma tas-suq storiċi stmati”; il-ftehim, li kien applikabbli għad-dinja kollha, ħlief l-Istati Uniti, il-Kanada, il-Ġappun u 17-il pajjiż tal-Ewropa tal-Punent, kien ibbażat fuq l-allokazzjoni ta’ ‘kwota konġunta Ġappuniża’ għall-prodotturi Ġappuniżi u ta’ ‘kwota konġunta Ewropea’ għall-prodotturi Ewropej;
—
arranġament parallel (iktar ’il quddiem l-‘arranġament komuni’) skont liema, minn naħa, il-proġetti relatati ma’ SIG li jinsabu fil-Ġappun u fil-pajjiżi ta’ membri Ewropej tal-akkordju kienu riżervati, rispettivament, għall-membri Ġappuniżi u għall-membri Ewropej tal-kartell u, min-naħa l-oħra, il-proġetti relatati ma’ SIG li jinsabu fil-pajjiżi l-oħra Ewropej kienu wkoll riżervati għall-grupp Ewropew, peress li l-produtturi Ġappuniżi impenjaw ruħhom li ma jissottomettux offerti għal proġetti li jinsabu fl-Ewropa; madankollu, bi skambju għal dan l-impenn, proġetti bħal dawn kellhom jiġu nnotifikati lill-grupp Ġappuniż u attribwiti fuq il-“kwota konġunta Ewropea” prevista fil-ftehim GQ;
—
ftehim iffirmat fi Vjenna fil-15 ta’ April 1988 u intitolat ‘E-Group Operation Agreement for GQ-Agreement’ (iktar ’il quddiem il-“ftehim EQ”), iffirmat mill-membri tal-grupp Ewropew ta’ produtturi u li kellu bħala suġġett it-tqassim tal-proġetti relatati ma’ SIG assenjati lill-imsemmi grupp taħt il-ftehim GQ.
5
Fl-Artikolu 1 tad-[d]eċiżjoni tal-2007, il-Kummissjoni sabet li [Toshiba] kienet ipparteċipat fil-ksur għall-perijodu mill-15 ta’ April 1988 sal-11 ta’ Mejju 2004.
6
Għall-ksur imsemmi fl-Artikolu 1 tad-[d]eċiżjoni tal-2007, [Toshiba] ġiet ikkundannata, skont l-Artikolu 2 tad-[d]eċiżjoni tal-2007, tħallas multa fl-ammont ta’ EUR 90900000, li minnhom EUR 4650000, kienu jikkorrispondu għall-ksur imwettaq minn TM T&D, u kellhom jitħallsu in solidum ma’ [Mitsubishi].
7
Fit-18 ta’ April 2007, ir-rikorrenti ppreżentat rikors kontra d-Deċiżjoni tal-2007.
8
Permezz ta’ sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, Ġabra, EU:T:2011:343), minn naħa, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors tar-rikorrenti sa fejn kien intiż għall-annullament tal-Artikolu 1 tad-[d]eċiżjoni tal-2007. Min-naħa l-oħra, hija annullat l-Artikolu 2(h) u (i) tad-[d]eċiżjoni tal-2007, sa fejn kien jikkonċerna lir-rikorrenti, minħabba li l-Kummissjoni kienet kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, billi għażlet, fil-kuntest tal-kalkolu tal-ammont tal-multa, sena ta’ referenza għar-rikorrenti li kienet differenti minn dik magħżula għall-parteċipanti Ewropej tal-ksur.
9
Fit-23 ta’ Settembru 2011, ir-rikorrenti ressqet appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra s-sentenza Toshiba vs Il-Kummissjoni, (T-113/07, EU:T:2011:343).
10
Fil-15 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti ittra ta’ fatti li indikat li kellha l-intenzjoni tadotta deċiżjoni ġdida li timponilha multa (iktar ’il quddiem l-“ittra li tesponi l-fatti”). Il-Kummissjoni esponiet il-fatti li kienu, skontha, rilevanti għall-kalkolu tal-ammont ta’ din il-multa, meħud kont tas-sentenza [tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343)].
11
Fis-7 u t-23 ta’ Marzu 2012, [Toshiba] ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq l-ittra li tesponi l-fatti.
12
Fit-12 ta’ Ġunju 2012 saret laqgħa bejn ir-rappreżentanti [ta’ Toshiba] u t-tim tal-Kummissjoni inkarigat bil-kawża.
13
Permezz tad-[d]eċiżjoni [inkwistjoni], l-Artikolu 2 tad-[d]eċiżjoni tal-2007 ġie emendat biż-żieda ta’ żewġ punti ġodda bl-inċiżi (h) u (i). Fl-inċiż (h) [Toshiba] ġiet imposta fuqha multa fl-ammont ta’ EUR 4650000, sabiex titħallas in solidum ma’ [Mitsubishi]. Fl-inċiż (i), [Toshiba] ġiet imposta fuqha multa fl-ammont ta’ EUR 56793000 bħala unikament responsabbli.
14
Sabiex tirrimedja t-trattament mhux ugwali kkritikat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343), il-Kummissjoni bbażat ruħha, fid-deċiżjoni [inkwistjoni], fuq id-dħul mill-bejgħ globali tas-SIG għall-2003. Peress li, matul din is-sena, l-attivitajiet fil-qasam tas-SIG [ta’ Toshiba] u ta’ [Mitsubishi] kienu mwettqa minn TM T&D, il-Kummissjoni ħadet inkunsiderazzjoni d-dħul mill-bejgħ tagħha għall-2003 (premessi 59 u 60 tad-deċiżjoni [inkwistjoni]).
15
Għalhekk, l-ewwel nett, fil-kuntest tat-trattament differenzjat biex jirrifletti l-kontributi rispettivi tad-diversi parteċipanti fl-akkordju, il-Kummissjoni kkalkolat is-sehem tas-suq ta’ TM T&D fl-2003 għal dak li jirrigwarda s-SIG (15 sa 20 %) u kklassifikatu fit-tieni kategorija skont l-kategorizzazzjoni stabbilita fil-premessi 482 sa 488 tad-[d]eċiżjoni tal-2007. Għalhekk, ġie stabbilit ammont inizjali ipotetiku ta’ EUR 31000000 li ġie attribwit lil TM T&D (premessa 61 tad-deċiżjoni [inkwistjoni]).
16
It-tieni nett, sabiex jirrifletti l-kapaċità mhux ugwali [ta’ Toshiba] u [Mitsubishi] biex jikkontribwixxu għall-ksur għall-perijodu qabel il-ħolqien ta’ TM T&D, l-ammont inizjali tal-multa ta’ din tal-aħħar tqassam fost l-azzjonisti tagħha fil-proporzjon tal-bejgħ rispettiv tagħhom ta’ SIG fl-2001, l-aħħar sena sħiħa qabel l-ħolqien ta’ TM T&D. Għalhekk, [Toshiba] ngħatat ammont inizjali ta’ EUR 10863199 u [Mitsubishi] ammont inizjali ta’ EUR 20136801 (premessi 62 u 63 tad-deċiżjoni [inkwistjoni]).
17
It-tielet nett, sabiex jiġi żgurat effett dissważiv tal-multa, il-Kummissjoni applikat koeffiċjent ta’ dissważjoni ta’ 2 [lil Toshiba], fuq il-bażi tad-dħul mill-bejgħ tagħha għall-2005 (premessi 69 sa 71 tad-deċiżjoni [inkwistjoni]).
18
Ir-raba’ nett, biex jirrifletti t-tul tal-ksur matul il-perijodu preċedenti għall-ħolqien ta’ TM T&D, l-ammont inizjali [ta’ Toshiba] żdied b’140 % (premessi 73 sa 76 tad-deċiżjoni [inkwistjoni]).
19
Il-ħames nett, sabiex jirrifletti t-tul tal-ksur matul il-perijodu ta’ attività ta’ TM T&D, [Toshiba] u [Mitsubishi] kien impost in solidum fuqhom ammont ugwali għal 15 % tal-ammont inizjali ipotetiku ta’ TM T&D (premessa 77 tad-deċiżjoni [inkwistjoni]).
20
Fl-aħħar, is-sitt nett, l-ammont tal-multa in solidum ġie mmultiplikat bil-koeffiċjenti ta’ dissważjoni [ta’ Toshiba] u l-ammont li jirriżulta minn din il-multiplikazzjoni li jeċċedi l-ammont tal-multa in solidum kien impost fuqha fuq bażi individwali (premessa 78 tad-deċiżjoni [inkwistjoni]).”
3
B’sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il-Kummissjoni, C-239/11 P, C-489/11 P u C-498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet l-appell ippreżentat minn Toshiba kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343).
Il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
4
B’att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-12 ta’ Settembru 2012, Toshiba ppreżentat rikors intiż, prinċipalment, għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni, u sussidjarjament, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa li ġiet imposta fuqha.
5
Insostenn tar-rikors tagħha, Toshiba tinvoka ħames motivi, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-prinċipji ta’ amministrazzjoni tajba u ta’ proporzjonalità, it-tieni nett, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħha, it-tielet nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-ammont inizjali tal-multa, ir-raba’ nett, fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, il-ħames nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tad-determinazzjoni tal-grad ta’ responsabbiltà ta’ Toshiba meta mqabbla ma’ parteċipanti Ewropew oħra fil-ksur.
6
Permezz tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ċaħdet dan ir-rikors.
It-talbiet tal-partijiet
7
Permezz tal-appell tagħha, Toshiba titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tannulla s-sentenza appellata;
—
tannulla d-deċiżjoni inkwistjoni; jew
—
tnaqqas il-multa li ġiet imposta fuqha, skont l-Artikolu 261 TFUE, jew
—
tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex din tal-aħħar tiddeċiedi konformement mas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fir-rigward ta’ punti ta’ dritt, u fi kwalunkwe każ
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż ta’ dan l-appell u tal-proċedura fl-ewwel istanza.
8
Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
—
tiċħad l-appell u
—
tikkundanna lil Toshiba għall-ispejjeż tal-proċedura tal-appell.
Fuq l-appell
9
Insostenn tal-appell tagħha, Toshiba tinvoka tliet aggravji, ibbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża, sa fejn ma kienx hemm dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, it-tieni nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tal-ammont inizjali tal-multa u, it-tielet nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tad-determinazzjoni tal-grad ta’ responsabbiltà ta’ Toshiba meta mqabbla ma’ parteċipanti Ewropej oħra fil-ksur.
Fuq l-ewwel aggravju, ibbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża sa fejn ma kienx hemm dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni
L-argumenti tal-partijiet
10
Permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Toshiba tallega li l-Qorti Ġenerali ċaħdet, fil-punti 34 sa 47 tas-sentenza appellata, l-ewwel parti tat-tieni motiv tar-rikors tagħha li permezz tiegħu hija sostniet li, wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343), il-Kummissjoni kienet marbuta tibgħatilha dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni u li, billi sempliċement bagħtitilha ittra li tesponi l-fatti, il-Kummissjoni kisret id-drittijiet tad-difiża tagħha u, b’mod partikolari, id-dritt tagħha għal smigħ.
11
Toshiba tqis li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-20 ta’ April 2006 (iktar ’il quddiem id-“dikjarazzjoni tal-oġġeżżjonijiet tal-2006”) tikkonċerna biss id-deċiżjoni tal-2007. Għaldaqstant, huwa b’mod żbaljat li l-Qorti Ġenerali ddikjarat, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, li l-fatt li d-deċiżjoni inkwistjoni tikkostitwixxi deċiżjoni li temenda d-deċiżjoni tal-2007 tfisser li l-proċedura tal-adozzjoni tagħha “hija kontinwazzjoni tal-proċedimenti li wasslu għad-[d]eċiżjoni tal-2007”.
12
Kif sostniet ġustament il-Qorti Ġenerali, fil-punt 74 tas-sentenza appellata, fir-rigward tal-impożizzjoni tal-ammont supplimentari tal-multa, il-Kummissjoni kienet partikolarment marbuta tipprovdi lil Toshiba informazzjoni supplimentari dwar il-modalitajiet tal-implementazzjoni tal-intenzjoni tagħha li tiżgura l-effett dissważiv tal-multa, sabiex tippermettilha tesprimi l-fehma tagħha. Madankollu, din id-dikjarazzjoni hija inkonċiljabbli mal-konklużjoni, esposta fl-istess punt tas-sentenza appellata, li tipprovdi li l-Kummissjoni ma kinitx marbuta tibgħatilha dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida li fiha kien hemm din l-informazzjoni.
13
Toshiba ssostni li, peress li l-ittra li tesponi l-fatti ma għandhiex status proċedurali partikolari, kif innotat il-Qorti Ġenerali fil-punt 75 tas-sentenza appellata, u d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet l-unika metodu proċedurali previst mid-dritt tal-kompetizzjoni tal-Unjoni sabiex l-informazzjoni neċessarja tiġi kkomunikata lilha b’mod li jiggarantixxilha l-opportunità li tinstema’ mill-Kummissjoni, ir-rispett tad-dritt tagħha għal smigħ fir-rigward tal-modalitajiet tal-kalkolu tal-multa li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni timponilha kien jeżiġi f’dan il-każ it-trażmissjoni ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida.
14
Il-Kommissjoni teċepixxi li, kieku l-ewwel aggravju kellu jinftiehem fis-sens li multa setgħet biss tiġi imposta fi tmiem proċedura ġdida, li tinkludi t-trażmissjoni ta’ dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet li tesponi l-fatti kollha li jistabbilixxu l-ksur, dan ikun inammissibbli, peress li ma jkunx tqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali.
15
Fi kwalunkwe każ, dan l-aggravju huwa manifestament infondat.
16
Qabelxejn, il-Qorti Ġenerali kienet korretta meta, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, aċċettat li l-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni kienet kontinwazzjoni tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni tal-2007. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, illegalità tivvizzja deċiżjoni b’effett mill-punt li fiha titwettaq l-illegalità.
17
Sussegwentement, minkejja li, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni bagħtet ittra li tesponi l-fatti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, hija ma kinitx meħtieġa tagħmel dan, peress li r-rekwiżit, stabbilit f’ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, li l-impriżi għandhom ikunu informati bl-intenzjoni tal-Kummissjoni li jimponu multa qabel l-adozzjoni ta’ deċiżjoni, kien diġà ssodisfatt bid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006.
18
Fl-aħħar nett, il-punt 74 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi. Fil-fatt, il-ġurisprudenza li bbażat ruħha fuqha l-Qorti Ġenerali kienet tikkonċerna biss ir-rekwiżit li jipprovdi li impriża li tkun is-suġġett ta’ investigazzjoni kellha tingħata l-opportunità, matul il-proċedura amministrattiva, li tesprimi b’mod effettiv il-pożizzjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha ta’ ksur tar-regoli tat-Trattat FUE fil-qasam tal-kompetizzjoni. Min-naħa l-oħra, din il-ġurisprudenza ma tikkonċernax il-kalkolu tal-multa imposta wara l-konstatazzjoni ta’ tali ksur.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
19
Preliminarjament, għandha tiġi miċħuda l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni.
20
Fil-fatt, sa fejn, permezz tal-ewwel aggravju tagħha, Toshiba essenzjalment tikkritika lill-Qorti Ġenerali talli ċaħdet l-argument tagħha li l-Kummissjoni ma setgħetx tadotta d-deċiżjoni inkwistjoni mingħajr ma tindirizzalha dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida, filwaqt li targumenta b’mod partikolari li, kuntrarjament għal dak li sostniet il-Qorti Ġenerali, il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni ma kinitx kontinwazzjoni tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni tal-2007, dan ċertament ma huwiex aggravju ġdid.
21
Fir-rigward tal-mertu, huwa korrett li l-Qorti Ġenerali, fil-punti 40 u 41 tas-sentenza appellata, ibbażat ruħha fuq il-prinċipju, stabbilit minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja li, sabiex tissodisfa l-obbligu tagħha li tirrispetta d-drittijiet tal-impriżi li jinstemgħu, il-Kummissjoni hija marbuta tindika espressament, fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, li ser teżamina jekk hemmx lok li jiġu imposti multi fuq l-impriżi kkonċernati u li ser tesponi l-punti prinċipali ta’ fatt u ta’ liġi li jistgħu jimplikaw multa, bħall-gravità u t-tul tal-allegat ksur u l-fatt li twettaq intenzjonalment jew b’negliġenza. Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li l-Kummissjoni, min-naħa l-oħra, ma hijiex marbuta, ladarba tkun indikat il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li ser tibbaża ruħha fuqhom għall-kalkolu tal-ammont tal-multi, tispeċifika l-metodu li bih ser tuża kull wieħed minn dawn il-punti sabiex tiddetermina l-ammont tal-multa (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C‑205/02 P sa C-208/02 P u C-213/02 P, EU:C:2005:408, punti 428 u 437).
22
Huwa wkoll b’mod korrett li, fil-punt 42 tas-sentenza appellata, li l-Qorti Ġenerali qieset li, peress li l-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2007 kienet ippreċeduta bid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006 u peress li d-deċiżjoni inkwistjoni tipprovdi espressament li hija deċiżjoni li temenda d-deċiżjoni tal-2007, il-proċedura tal-adozzjoni tagħha kienet kontinwazzjoni tal-proċedura li wasslet għad-deċiżjoni tal-2007.
23
Il-Qorti Ġenerali setgħet tikkonkludi, fl-istess punt tas-sentenza appellata, mingħajr ma twettaq żball ta’ liġi, li l-kontenut tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi vverifikat jekk ġewx irrispettati d-drittijiet tad-difiża ta’ Toshiba fil-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni, sa fejn dan il-kontenut ma kienx ikkonfutat mis-sentenza tal-Qorti Ġenreali tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343).
24
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-annullament ta’ att tal-Unjoni ma jaffettwax neċessarjament l-atti preparatorji, peress li l-proċedura għas-sostituzzjoni tal-miżura annullata tista’, fil-prinċipju, tissokta fil-punt stess li fih seħħet l-illegalità. L-annullament tal-att ma jaffettwax, fil-prinċipju, il-validità tal-miżuri preparatorji tiegħu, li ttieħdu qabel l-istadju li fih ġie kkonstatat id-difett. Jekk jiġi kkonstatat li l-annullament ma jaffettwax il-validità tal-atti tal-proċedura preċedenti, il-Kummissjoni ma hijiex, minħabba dan l-annullament, marbuta tindirizza dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida lill-impriżi inkwistjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-15 ta’ Ottubru 2002, Limburgse Vinyl Maatschappij et vs Il-Kummissjoni, C-238/99 P, C-244/99 P, C-245/99 P, C-247/99 P, C-250/99 P sa C-252/99 P u C-254/99 P, EU:C:2002:582, punti 73 sa 75 kif ukoll 80 u 81).
25
Barra minn hekk, wara li kkonstatat, fil-punti 43 u 44 tas-sentenza appellata, li d-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet tinkludi punti ta’ fatt u ta’ liġi dwar il-kalkolu tal-multa li kienu meħtieġa mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 40 ta’ din is-sentenza, u fil-punti 45 u 46 tal-imsemmija sentenza, u li s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343), ma kinitx ikkonfutat il-veraċità, ir-rilevanza u l-fondatezza ta’ dawn il-punti, liema konstatazzjonijiet fattwali, barra minn hekk, ma ġewx ikkontestati minn Toshiba, il-Qorti Ġenerali korrettament ikkonkludiet, fil-punt 47 tas-sentenza appellata, li l-imsemmija sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2011 ma kinitx teskludi t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ dawn il-punti waqt l-istħarriġ tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża ta’ Toshiba fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni inkwistjoni.
26
Barra minn hekk, peress li d-difett ikkonstatat mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343), seħħ fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2007, l-annullament ta’ din id-deċiżjoni ma affettwax il-validità tal-miżuri preparatorji tagħha li ttieħdu qabel l-istadju li fih seħħ dan id-difett, skont il-prinċipju stabbilit mill-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 24 ta’ din is-sentenza.
27
Għandu jiġi kkonstatat ukoll li, bħala risposta għall-argument ta’ Toshiba li d-difett ikkonstatat jikkonċerna żball ta’ liġi materjali li jaffettwa inevitabbilment il-validità tal-miżuri preparatorji tad-deċiżjoni tal-2007, il-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punt 62 tas-sentenza appellata, li Toshiba ma kinitx speċifikat kif dawn il-miżuri kienu vvizzjati bis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343), u żiedet, fil-punt 63 tas-sentenza appellata li, fi kwalunkwe każ, il-kritika li saret mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011 ma kinitx tikkonċerna l-identifikazzjoni fattwali u l-evalwazzjoni ġuridika tal-ksur imwettaq mir-rikorrenti, u lanqas id-determinazzjoni tal-fatturi li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa, iżda biss l-għażla tad-data ta’ referenza li kellha tintuża għall-kalkolu fid-dettall u konsegwentement element li ma kellux jiġi stabbilit fid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet.
28
Minn dan isegwi li l-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-ġurisdizzjoni, fil-prinċipju, esklużiva tagħha, li tevalwa l-fatti u l-provi, ikkonstatat, mingħajr ma Toshiba invokat kwalunkwe distorsjoni ta’ dawn l-elementi, li din ma kinitx uriet li l-annullament mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343), tad-deċiżjoni tal-2007, affettwa l-validità tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet tal-2006 u li, barra minn hekk, dan ma kienx il-każ peress li d-difett ikkonstatat ma kienx jikkonċerna l-oġġezzjonijiet imressqa kontra Toshiba u lanqas il-fatturi li kellhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fid-determinazzjoni tal-ammont tal-multa.
29
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata, kuntrarjament għal dak li targumenta Toshiba, fid-dawl tal-prinċipju li jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 71 tas-sentenza appellata u li minnha l-Qorti Ġenerali tikkonkludi, fil-punt 74 tal-istess sentenza, li l-Kummissjoni hija marbuta, wara t-trażmissjoni tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, tipprovdi lill-impriża kkonċernata l-informazzjoni supplimentari dwar il-modalitajiet tal-implementazzjoni tal-intenzjoni tagħha li tiżgura effett dissważiv tal-multa, sabiex tippermettilha tesprimi b’mod effettiv il-pożizzjoni tagħha f’dan ir-rigward.
30
Għandu fil-fatt jiġi kkonstatat li tali prinċipju ma jirriżultax mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja li tirreferi għall-Qorti Ġenerali fil-punt 71 tas-sentenza appellata, jiġifieri dik li tirriżulta mill-punt 66 tas-sentenza tas-7 ta’ Jannar 2004, Aalborg Portland et vs Il-Kummissjoni (C-204/00 P, C-205/00 P, C-211/00 P, C‑213/00 P, C-217/00 P u C-219/00 P, EU:C:2004:6), u lanqas barra minn hekk minn sentenzi oħra tal-Qorti tal-Ġustizzja peress li, f’din il-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement fakkret il-prinċipju li jipprovdi li r-rispett tad-drittijiet tad-difiża jeżiġi li l-impriża kkonċernata tingħata, waqt il-proċedura amministrattiva, l-opportunità li tesprimi b’mod effettiv il-pożizzjoni tagħha dwar ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u taċ-ċirkustanzi allegati kif ukoll dwar id-dokumenti użati mill-Kummissjoni insostenn tal-allegazzjoni tagħha ta’ ksur tar-regoli tat-Trattat.
31
Għalkemm, kif jirriżulta mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-punt 74 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi, dan tal-aħħar ma jaffettwax il-validità tas-sentenza appellata peress li d-dispożittiv tiegħu huwa suffiċjentement fondat fuq motivi tad-dritt oħra (ara f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenza tad-29 ta’ Marzu 2011, ThyssenKrupp Nirosta vs Il-Kummissjoni, C-352/09 P, EU:C:2011:191, punt 136).
32
Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti preċedenti ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali, fuq raġunament li ġie espost fil-punti 40 sa 65 tas-sentenza appellata, ġustament sostniet li, minkejja li l-Kummissjoni ma bagħtitx dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida lil Toshiba, id-drittijiet tad-difiża ta’ Toshiba ma nkisrux.
33
Jista’ wkoll jitfakkar li, minkejja li, f’ċerti ċirkustanzi, b’mod partikolari meta l-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni tapplika linji gwidi ġodda għall-kalkolu tal-multi, u sa fejn dan ma jimplikax li hija tantiċipa b’mod inadatt id-deċiżjoni tagħha dwar l-oġġezzjonijiet, huwa rakkomandabbli li l-Kummissjoni tipprovdi preċiżjonijiet dwar kif hija tipproponi li tirrikorri għall-kriterji imperattivi tal-gravità u tat-tul tal-ksur għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi, xorta jibqa’ l-fatt li d-dritt għal smigħ ma jkoprix tali elementi relatati mal-metodu tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multi (sentenza tat-28 ta’ Ġunju 2005, Dansk Rørindustri et vs Il-Kummissjoni, C-189/02 P, C-202/02 P, C-205/02 P sa C‑208/02 P u C-213/02 P, EU:C:2005:408, punti 438 u 439).
34
Fl-aħħar nett, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni, permezz tat-trażmissjoni tal-ittra li tesponi l-fatti, kellha l-intenzjoni tinforma lil Toshiba bl-elementi ġodda tal-metodu għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa tagħha li l-Kummissjoni qieset neċessarju wara l-annullament parzjali tad-deċiżjoni tal-2007 mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343), u minkejja li huwa paċifiku li Toshiba setgħet tesprimi l-pożizzjoni tagħha kemm bil-miktub kif ukoll waqt laqgħa dwar dawn l-elementi, kif ikkonfermat fid-deċiżjoni inkwistjoni, xorta jibqa’ l-fatt li, min-natura tagħhom, dawn l-elementi ma kellhomx, skont il-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 21 ta’ din is-sentenza, jiġu inklużi f’dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet ġdida.
35
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel aggravju għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa
L-argumenti tal-partijiet
36
Permezz tat-tieni aggravju tagħha, Toshiba ssostni li l-Qorti Ġenerali, billi ċaħdet it-tielet motiv tar-rikors tagħha li permezz tiegħu hija argumentat li l-Kummissjoni, sabiex tipplementa s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343), kellha tikkalkola l-multa li ġiet imposta fuqha abbażi tad-dħul mill-bejgħ ta’ TM T&D għas-sena 2003 u mhux abbażi tal-ammont inizjali tal-multa attribwita lil din l-impriża, kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
37
Toshiba tfakkar li, quddiem il-Kummissjoni u l-Qorti Ġenerali, hija sostniet, minn naħa, li l-metodu ta’ kalkolu tal-multa li ġiet imposta fuqha kien jikser il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament peress li ma kienx jirrifletti l-piż individwali ta’ Toshiba fil-ksur qabel il-ħolqien ta’ TM T&D, li huwa meħtieġ mill-Qorti Ġenerali fil-punt 290 tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343), u li jikkorrispondi mal-approċċ adottat għall-impriżi Ewropej. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li l-Kummissjoni kellha tikkalkola l-ammont inizjali tal-multa imposta fuqha abbażi tad-dħul mill-bejgħ tagħha tal-2003, jiġifieri billi jiġi attribwit fil-konfront tagħha 35 % tad-dħul mill-bejgħ imwettaq minn TM T&D fl-2003.
38
Toshiba ssostni li l-punt 115 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat b’nuqqas ta’ motivazzjoni peress li l-fatt, li fih innifsu huwa inkontestabbli, li l-multa li ġiet imposta fuqha ma setgħetx tiġi kkalkolata “[eżattament] bl-istess mod” bħal dik ta’ impriżi Ewropej, ma jistax jispjega għalfejn il-metodoloġija ta’ Toshiba kienet inqas adatta minn dik tal-Kummissjoni sabiex tiżgura ugwaljanza fit-trattament bejn Toshiba u l-impriżi Ewropej.
39
Barra minn hekk, il-fatt li bbażat ruħha fuqu l-Qorti Ġenerali, fil-punti 116, 117 u 123 sa 125 tas-sentenza appellata, sabiex tiċħad il-metodu ta’ kalkolu tal-multa proposta minn Toshiba, jiġifieri li TM T&D kienet impriża konġunta li kienet kompletament responsabbli mill-produzzjoni u mill-bejgħ ta’ SIG fl-2003 li kienet tikkostitwixxi entità separata mill-azzjonisti tagħha, filwaqt li ma huwiex kontestabbli, huwa irrilevanti f’dan il-kuntest.
40
L-użu tal-ammont inizjali tal-multa ta’ TM T&D kien jirrifletti biss il-piż ta’ TM T&D fil-ksur, kif ġie kkonstatat fil-punt 66 tad-deċiżjoni inkwistjoni u fil-punt 128 tas-sentenza appellata, u ntuża ġustament mill-Kummissjoni għall-kalkolu tal-multa dovuta mill-impriża konġunta. Madankollu, dan l-ammont ma jirriflettix il-piż individwali ta’ Toshiba għall-perijodu qabel il-ħolqien ta’ din l-impriża konġunta.
41
Kuntrarjament, id-determinazzjoni tal-ammont inizjali tal-multa ta’ Toshiba abbażi tad-dħul mill-bejgħ tagħha teoretiku għas-sena 2003, li jammonta għal 35 % tad-dħul mill-bejgħ imwettaq minn TM T&D fl-2003, kienet tkun kriterju oġġettiv li kien jikkwantifika korrettament id-dannu kkawżat mill-prassi restrittiva ta’ Toshiba qabel il-ħolqien ta’ TM T&D.
42
Din il-metodoloġija kienet tippermetti lil Toshiba tiġi ttrattata bl-istess mod bħall-produtturi Ewropej waqt il-kalkolu tal-multi. Fil-fatt, qabelxejn, kellu jiġi kklakolat id-dħul mill-bejgħ ta’ Toshiba. Sussegwentement, skont is-sehem fis-suq ta’ Toshiba, ibbażat fuq id-dħul mill-bejgħ tagħha, din setgħet titqiegħed f’waħda mill-kategoriji tal-ammonti inizjali identifikati fid-deċiżjoni tal-2007, f’dan il-każ dik li tat lok għall-attribuzzjoni ta’ ammont inizjali ta’ EUR 9 miljun.
43
Madankollu, il-metodu tal-Kummissjoni wassalha sabiex ma tapplikax din il-metodoloġija għall-kalkolu tal-multa. Minħabba l-attribuzzjoni ta’ parti mill-ammont inizjali tal-multa ta’ TM T&D, Toshiba ġiet attribwita ammont inizjali artifiċjali ta’ EUR 10863199, li ma jikkorrispondi għall-ebda waħda mill-kategoriji ta’ ammonti inizjali identifikati fid-deċiżjoni tal-2007.
44
Il-metodu ta’ kalkolu propost minn Toshiba ma kienx ikun iktar artifiċjali minn dak applikat mill-Kummissjoni. Fil-fatt, il-kalkolu tal-ammont tal-multa ta’ Toshiba kien jeħtieġ, fi kwalunkwe każ, regoli partikolari. Il-Qorti Ġenerali naqset milli tispjega, b’mod partikolari fil-punt 128 tas-sentenza appellata, kif il-metodu tal-Kummissjoni li kien jimplika d-diviżjoni tal-ammont inizjali ta’ TM T&D kien inqas artifiċjali minn dak propost minn Toshiba li jimplika d-diviżjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ TM T&D.
45
Għalkemm, kif indikat il-Qorti Ġenerali fil-punt 121 tas-sentenza appellata, il-Kummissjoni segwiet il-metodu propost mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343), bħala eżempju xieraq ta’ metodu alternattiv li huwa kompatibbli mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, ma jsegwix li dan il-metodu huwa iktar adatt minn dak propost minn Toshiba u ma jiksirx l-imsemmi prinċipju. Bl-istess mod, il-fatt li Toshiba kienet inizjalment ipproponiet metodu ta’ kalkolu ieħor ibbażat fuq l-ammont inizjali tal-impriża konġunta, ma jrendix dan il-metodu legali.
46
Il-Kummissjoni ssostni li l-metodoloġija indikat minn Toshiba fl-appell tagħha huwa iktar artifiċjali minn dak użat fid-deċiżjoni inkwistjoni perress li jimplika l-artifizju li jiġi attribwit lilha dħul mill-bejgħ fir-rigward ta’ sena li fiha ma kellhiex dħul mill-bejgħ.
47
Fi kwalunkwe każ, peress li l-impriża konġunta kienet miżmuma f’ishma indaqs ma’ Mitsubishi, kwalunkwe “dħul mill-bejgħ” ta’ Toshiba għas-sena 2003 fil-qasam tas-SIG seta’ biss jiġi kkalkolat billi Toshiba tiġi attribwita 50 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża konġunta, jiġifieri ammont ta’ EUR 176.61 miljun, li jikkorrispondi għal sehem mis-suq li huwa ftit ogħla minn 8 % u mhux dħul mill-bejgħ ta’ EUR 123.6 miljun, li jikkorrispondi għal 35 % tad-dħul mill-bejgħ tal-impriża konġunta, u sehem mis-suq li jikkorrispondi għal 5.6 % kif issostni Toshiba.
48
Anki jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tikkonkludi li l-Kummissjoni setgħet tikkalkola l-multa bil-metodu li issa huwa indikat minn Toshiba, dan ma jurix żball ta’ liġi min-naħa tal-Kummissjoni.
49
Fil-fatt, id-dibattitu ma jikkonċernax l-aħjar metodu possibbli, iżda l-legalità tal-metodu implementat fid-deċiżjoni inkwistjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinnota li l-metodu li issa huwa indikat minn Toshiba huwa differenti minn dak li ġie indikat inizjalment minnha li kien jikkonsisti fid-diviżjoni, f’partijiet ugwali bejn Toshiba u Mitsubishi, tal-ammont inizjali tal-multa tal-impriża konġunta kkalkolat abbażi tad-dħul mill-bejgħ tagħha għas-sena 2003, u ta’ dak indikat mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343). Għaldaqstant, ma jistax jiġi sostnut li dan il-metodu huwa l-uniku wieħed li jista’ jintuża sabiex tiġi stabbilita l-multa ta’ Toshiba b’referenza għad-dħul mill-bejgħ tal-2003.
50
Minn dan il-Kummissjoni tikkonkludi li ma twettaq ebda żball ta’ liġi mill-Qorti Ġenerali peress li din ma eskludietx il-prinċipju ta’ komparabbiltà tad-dħul mill-bejgħ ta’ “impriżi differenti”, billi l-impriża inkwistjoni bi dħul tal-bejgħ fl-2003 setgħet biss kienet l-impriża konġunta.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
51
Il-Qorti Ġenerali, billi bbażat ruħha b’mod partikolari fuq il-premessi 62 u 66 tad-deċiżjoni inkwistjoni, ikkonstatat ġustament, essenzjalment għall-motivi esposti fil-punti 114 sa 117 u 123 sa 125 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni setgħet tiddeduċi, mill-fatt li Toshiba ma kinitx wettqet dħul mill-bejgħ għas-sena ta’ referenza 2003, li kien ikun inadatt li jiġi kkalkolat dħul mill-bejgħ artifiċjali għal din is-sena billi jiġi diviż artifiċjalment id-dħul mill-bejgħ ta’ TM T&D għas-sena 2003, bi ksur tal-fatt li din l-impriża konġunta kienet attiva fis-suq matul is-sena ta’ referenza bħala operatur distint tal-azzjonisti tagħha.
52
Il-fatt li, fl-2003, Toshiba ma wettqitx dħul mill-bejgħ tagħha stess fis-settur tas-SIG ma jikkostitwixxix fattur li jiddistingwi oġġettivament is-sitwazzjoni tagħha meta mqabbla ma’ dik ta’ impriżi oħra li pparteċipaw fl-akkordju, b’mod partikolari impriżi Ewropej, li minnu jsegwi li l-multa li ġiet imposta fuqha kellha tiġi kkalkolata mid-dħul tal-bejgħ effettiv kif imwettaq minn TM T&D fl-2003 u mhux minn dħul mill-bejgħ virtwali miksub mid-diviżjoni tad-dħul mill-bejgħ ta’ TM T&D.
53
Kif innotat il-Qorti Ġenerali, fil-punt 125 tas-sentenza appellata, l-approċċ propost minn Toshiba jkun essenzjalment jimplika l-esklużjoni tal-intenzjoni tal-Kummissjoni li tibbaża ruħha fuq id-dħul mill-bejgħ imwettaq matul is-sena 2003 waqt id-determinazzjoni tal-ammont tal-multi.
54
Il-metodu ta’ kalkolu propost minn Toshiba, sa fejn iwassal għal paragun ta’ dħul mill-bejgħ virtwali għal Toshiba ma’ dħul mill-bejgħ reali għall-impriżi Ewropej, ma jippermettix, barra minn hekk, li jiġi ddeterminat ammont inizjali tal-multa għal Toshiba u għal Mitsubishi, li jirrifletti b’mod adatt il-piż tagħhom fil-ksur fl-2003, u b’mod partikolari l-piż konġunt li dawn l-impriżi eżerċitaw permezz ta’ TM T&D, kif indikat essenzjalment il-Kummissjoni fil-premessa 66 tad-deċiżjoni inkwistjoni.
55
Kif indika l-Avukat Ġenerali fil-punt 102 tal-konklużjonijiet tiegħu, huwa wkoll dubjuż li dan il-metodu alternattiv jippermetti użu iktar dirett tad-dħul mill-bejgħ ta’ TM T&D għas-sena 2003 jew jagħti stampa iktar preċiża tal-pożizzjoni ta’ Toshiba fis-suq f’din l-istess sena, peress li dan jeżiġi żewġ stadji supplimentari, jiġifieri l-kalkolu tad-dħul mill-bejgħ teoretiku ta’ Toshiba għas-sena 2003 u, fuq din il-bażi, id-determinazzjoni tas-sehem tagħha tas-suq teoretiku għal din l-istess sena.
56
Fl-aħħar nett, minkejja li, fid-deċiżjoni inkwistjoni, Toshiba ġiet attribwita ammont inizjali tal-multa li ma jikkorrispondi għall-ebda wieħed mill-ammonti inizjali attribwiti lill-gruppi ddefiniti fid-deċiżjoni tal-2007, din iċ-ċirkustanza hija s-sempliċi konsegwenza tal-fatt li, f’din id-deċiżjoni, l-ammont inizjali ta’ Toshiba ġie kkalkolat billi jintuża parti mill-ammont inizjali ta’ TM T&D. Sa fejn Toshiba ma ssostnix li, billi TM T&D tqiegħdet fit-tieni grupp iddefinit fl-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, hija ma tistax targumenta li ġiet attribwita ammont inizjali ikbar minn dak li ġie attribwit lil impriżi ta’ daqs paragunabbli.
57
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, it-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tielet aggravju, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tad-determinazzjoni tal-grad ta’ responsabbiltà ta’ Toshiba meta mqabbla ma’ parteċipanti Ewropej oħra fil-ksur
L-argumenti tal-partijiet
58
Permezz tat-tielet aggravju tagħha, Toshiba tallega li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet, fil-punti 141 u 142 tas-sentenza appellata, li l-Kummissjoni ma kinitx kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament meta ċaħdet, fid-deċiżjoni inkwistjoni, it-talba tagħha li timponilha multa inqas għolja fid-dawl tal-fatt li l-livell ta’ responsabbiltà tagħha għall-ksur kien inqas minn dak ta’ parteċipanti Ewropej fl-akkordju.
59
Toshiba tqis li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, wara li tkun stabbilixxiet l-eżistenza ta’ akkordju u identifikat il-parteċipanti tiegħu, il-Kummissjoni hija marbuta, meta timponi multi, teżamina l-gravità tal-parteċipazzjoni fil-ksur ta’ kull impriża u tadatta s-sanzjoni għall-aġir individwali u għall-karatteristiċi speċifiċi tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur uniku u kontinwat.
60
Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kienet żbaljata meta ddeċidiet, fil-punt 142 tas-sentenza appellata, li l-“kontribut [ta’ Toshiba] għall-ksur huwa paragunabbli ma’ dak tal-impriżi Ewropej”, li jimplika li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, għall-motiv, espost fil-punt 141 ta’ din is-sentenza, li l-implementazzjoni tal-ftehim komuni kien “kontribut neċessarju” għall-għanijiet tal-ksur fl-intier tiegħu jew “prerekwiżit” għall-allokazzjoni ta’ proġetti bejn il-produtturi Ewropej.
61
Fil-każ ineżami, huwa ċar li l-impriżi Ġappuniżi ma kkawżax l-istess dannu fis-suq taż-ŻEE bħall-produtturi Ewropej u kkontribwixxew bi grad inqas għall-ksur globali, sa fejn il-produtturi Ewropej marru lil hinn u allokaw proġetti Ewropej permezz ta’ azzjoni kollużiva.
62
Il-Kummissjoni ssostni li t-tielet aggravju huwa inammissibbli peress li jmur lil hinn mill-argumentazzjoni ta’ Toshiba fl-ewwel istanza.
63
Fil-fatt, dan l-aggravju jikkostitwixxi kontestazzjoni tal-konferma, fid-deċiżjoni inkwistjoni, tal-konstatazzjonijiet tal-gravità dwar il-ksur imwettaq minn Toshiba inklużi fid-deċiżjoni tal-2007. Dawn il-konstatazzjonijiet, minkejja li ġew ikkontestati fil-kuntest tal-ħames motiv imqajjem quddiem il-Qorti Ġenerali fil-kawża li tat lok għas-sentenza appellata, ma jagħmlux parti mill-argumentazzjoni tagħha, kif irrikonoxxiet fl-ewwel istanza fir-replika tagħha. Fil-fatt, f’din ir-replika, Toshiba abbandunat l-argumenti tagħha dwar il-gravità marbuta mal-ksur tagħha.
64
Sussidjarjament, il-Kummissjoni ssostni li t-tielet aggravju huwa inammissibbli peress li jikkonċerna kwistjoni li hija res judicata.
65
Fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343), il-Qorti Ġenerali rabtet l-evalwazzjoni tagħha tal-gravità tal-ksur imwettaq minn Toshiba mal-kwistjoni ta’ ksur uniku u kontinwat. Madankollu, peress li din il-kwistjoni hija res judicata, din ma tistax tiġi kkonfutata fil-kuntest tal-proċedura preżenti.
66
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni ssostni li, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi li t-tielet aggravju huwa ammissibbli, dan ikollu jiġi miċħud bħala infondat. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għal prinċipju li jirriżulta mill-ġurisprudenza li jipprovdi li l-fatt li impriża ma pparteċipatx direttament fl-elementi kollha li jikkostitwixxu akkordju globali ma jiskaġunahiex mir-responsabbiltà tal-ksur jekk jiġi stabbilit li hija kellha neċessarjament għarfien tal-fatt, minn naħa, li l-kollużjoni li fiha kienet qiegħda tipparteċipa kienet tagħmel parti minn pjan globali u min-naħa l-oħra, li dan il-pjan globali kien jinkludi l-elementi kollha li jikkostitwixxu l-akkordju.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
– Fuq l-ammissibbiltà
67
Hemm lok li jiġu miċħuda ż-żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà invokati mill-Kummissjoni.
68
Fir-rigward, l-ewwel nett, tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-kwistjoni li hija s-suġġett tat-tielet aggravju ma tqajmitx quddiem il-Qorti Ġenerali, għandu jiġi kkonstatat li dan kien fil-fatt il-każ. Fil-kuntest tal-ħames motiv tar-rikors tagħha, Toshiba fil-fatt sostniet li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-allegata kontribuzzjoni tagħha fl-akkordju meta ġiet stabbilita l-multa, b’mod partikolari meta hija stabbilixxiet l-ammont inizjali tagħha, li jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Barra minn hekk, fir-replika tagħha quddiem il-Qorti Ġenerali, Toshiba ma rtiratx l-imsemmi ħames motiv.
69
It-tieni nett, fir-rigward tal-oġġezzjoni tal-Kummissjoni bbażata fuq l-awtorità ta’ res judicata, hemm lok li jiġi kkonstatat li din hija bbażata fuq il-premessa li, fl-appell tagħha, Toshiba tikkontesta l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu.
70
Dan ma huwiex il-każ peress li t-tielet aggravju huwa limitat għall-kwistjoni distinta tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq Toshiba dwar il-gravità tal-ksur allegat fil-konfront tagħha.
71
Madankollu, din l-aħħar kwistjoni, mhux dwar l-eżistenza ta’ ksur uniku u kontinwu, allegata fil-konfronta ta’ Toshiba, iżda dwar id-determinazzjoni tal-ammont tal-multa fir-rigward tal-gravità tal-ksur allegat fil-konfront tagħha, kienet is-suġġett ta’ eżami speċifiku mill-Qorti Ġenerali fis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343).
72
Fil-fatt, fil-punti 258 sa 261 tal-imsemmija sentenza, il-Qorti Ġenerali ċaħdet l-ewwel parti tar-raba’ motiv tar-rikors ta’ Toshiba li permezz tiegħu din sostniet li l-Kummissjoni ma kinitx ħadet inkunsiderazzjoni l-fatt li l-gravità tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur kienet inqas minn dik allegata fil-konfront ta’ prodotturi Ewropej, sa fejn Toshiba kienet ipparteċipat biss fi ftehim komuni li permezz tiegħu hija ntrabtet li ma tippreżentax offerti għal proġetti relatati mas-SIG li jinsabu fl-Ewropea, filwaqt li l-produtturi Ewropew kienu, barra minn hekk, ipparteċipaw fil-ftehim GQ li kellu bħala suġġett il-kondiviżjoni ta’ dawn il-proġetti.
73
Sussegwentement, hemm lok li jiġi nnotat li s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343), kienet is-suġġett ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
74
Wara ċ-ċaħda tal-appell mis-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2013, Siemens et vs Il-Kummissjoni (C-239/11 P, C-489/11 P u C-498/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2013:866), is-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343), speċifikament id-dispożittiv tagħha u l-motivi li jikkostitwixxu r-ratio decidendi tagħha, saret definittiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Frar 2009, Gorostiaga Atxalandabaso vs Il-Parlament, C‑308/07 P, EU:C:2009:103, punt 57).
75
Huwa minnu li, fil-kuntest tal-appell tagħha mis-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343), Toshiba ma kkontestatx il-punti 258 sa 262 ta’ din is-sentenza.
76
Madankollu, konformement mal-Artikolu 169 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-talbiet f’appell huma intiżi għall-annullament, komplet jew parzjali, tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kif stabbilit fid-dispożittiv ta’ din id-deċiżjoni.
77
Isegwi li, fil-kuntest tal-appell tagħha kontra s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343), Toshiba ma setgħetx tikkontesta l-motivi inklużi fil-punti 258 sa 262 ta’ din is-sentenza mingħajr ma tikkontesta d-dispożittiv tagħha sa fejn, b’dan id-dispożittiv, il-Qorti Ġenerali kienet annullat il-multa imposta fuqha.
78
Toshiba ma tistax tiġi kkritikata talli naqset milli tikkontesta l-imsemmija motivi fil-kuntest tal-appell tagħha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, u talli llimitat l-appell tagħha għall-motivi tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343), dwar il-ksur li ġie allegat fil-konfront tagħha.
79
Parti fil-kawża ma tistax tintalab taġixxi kontra l-interessi tagħha stess sabiex tissalvagwarda d-drittijiet proċedurali tagħha, inkluż id-dritt li tippreżenta appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
80
Għaldaqstant, billi eżaminat, fil-punti 139 sa 141 tas-sentenza appellata, il-kwistjoni dwar il-konformità mal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament tad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta fuq Toshiba fir-rigward tal-gravità tal-ksur li huwa allegat fil-konfront tagħha meta mqabbla ma’ dik li ġiet stabbilita fir-rigward ta’ produtturi Ewropej, il-Qorti Ġenerali ma kisritx l-awtorità ta’ res judicata tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343).
– Fuq il-mertu
81
[Kif rettifikat b’digriet tat-12 ta’ Lulju 2017] Fil-punti 141 u 142 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, mingħajr ma wettqet żball ta’ liġi, li, peress li l-parteċipazzjoni ta’ impriżi Ġappuniżi fil-ftehim komuni kien “prerekwiżit” għall-implementazzjoni effettiva tal-ftehim EQ li fih ipparteċipaw biss l-impriżi Ewropew u li l-osservanza mill-impriżi Ġappuniżi tal-impenn tagħhom fil-ftehim komuni għalhekk kien “kontribut neċessarju” għat-twettiq tal-ksur, għandu jiġi konkluż li l-kontribuzzjoni ta’ Toshiba fil-ksur hija paragunabbli ma’ dik ta’ impriżi Ewropej.
82
[Kif rettifikat b’digriet tat-12 ta’ Lulju 2017] Barra minn hekk, fil-punt 141 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali rreferiet għall-punt 261 tas-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni (T-113/07, EU:T:2011:343), li fih il-Qorti Ġenerali ddeċidiet ġustament li, peress li Toshiba kienet intrabtet bi ftehim komuni li ma toperax fis-suq taż-ŻEE, ma kienx neċessarju li hija tipparteċipa barra minn hekk fi ftehim EQ li kellu bħala suġġett il-kondiviżjoni ta’ proġetti ta’ SIG fis-suq taż-ŻEE. Il-fatt li Toshiba ma pparteċipatx fil-ftehim EQ kien fil-fatt irrilevanti u mhux il-konsegwenza tal-għażla tagħha.
83
[Kif rettifikat b’digriet tat-12 ta’ Lulju 2017] Fi kliem ieħor, kif innota l-Avukat Ġenerali fil-punt 134 tal-konklużjonijiet tiegħu, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet korrettament li l-fatt li Toshiba ma kinitx ipparteċipat fil-ftehim EQ kien sempliċi konsegwenza tal-parteċipazzjoni tagħha fil-ftehim komuni u għalhekk ma jimplikax li l-aġir tagħha kien inqas gravi minn dak ta’ produtturi Ewropej.
84
[Kif rettifikat b’digriet tat-12 ta’ Lulju 2017] F’dawn il-kundizzjonijiet, Toshiba ma setgħetx tikkritika lill-Kummissjoni talli ma naqsitx l-ammont tal-multa tagħha minħabba l-fatt li hija ma pparteċipatx fil-ftehim EQ.
85
Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li t-tielet aggravju huwa infondat u li għandu jiġi miċħud.
86
Għaldaqstant, peress li ebda wieħed mill-aggravji invokati minn Toshiba ma jista’ jintlaqa’, l-appell għandu jiġi miċħud.
Fuq l-ispejjeż
87
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, meta l-appell ma jkunx fondat, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż. Skont l-Artikolu 138(1) ta’ dawn ir-Regoli, applikabbli għall-proċedura tal-appell bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tagħhom, il-parti li titlef il kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.
88
Peress li l-Kummissjoni talbet li Toshiba tiġi kkundannata għall-ispejjeż u peress li din tilfet fir-rigward tal-aggravji tagħha, hemm lok li tiġi kkundannata għall-ispejjeż.
Għal dawn il-motivi, il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1)
L-appell huwa miċħud.
2)
Toshiba Corp. hija kkundannata għall-ispejjeż.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy