SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla)
3 ta’ Mejju 2018 ( *1 )
“Appell – Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Provvista ta’ servizzi esterni marbuta mal-ġestjoni ta’ programmi u ta’ proġetti kif ukoll ta’ pariri tekniċi fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informatika – Proċedura ta’ kaskata – Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Artikolu 76 u Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali – Projbizzjoni li tingħata deċiżjoni ultra petita – Evalwazzjoni ta’ subkriterji fi ħdan kriterji ta’ għoti – Żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni – Regolament (KE, Euratom) Nru 1605/2002 – Artikolu 100(2) – Deċiżjoni li tiċħad l-offerta – Nuqqas ta’ motivazzjoni – Telf ta’ opportunità – Responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni Ewropea – Talba għal kumpens”
Fil-Kawża C-376/16 P,
li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, imressaq fis-7 ta’ Lulju 2016
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), irrappreżentat minn N. Bambara, bħala aġent, assistit minn P. Wytinck u B. Hoorelbeke, avukati,
rikorrent,
il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:
European Dynamics il-Lussemburgu SA, stabbilita fil-Lussemburgu (il-Lussemburgu),
European Dynamics Belgium SA, stabbilita fi Brussell (il-Belġju),
Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja),
irrappreżentati minn M. Sfyri, C.-N. Dede u V. Alevizopoulou, dikigoroi,
rikorrenti fl-ewwel istanza,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn T. von Danwitz, President tal-Awla, C. Vajda, E. Juhász (Relatur), K. Jürimäe u C. Lycourgos, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: P. Mengozzi,
Reġistratur: A. Calot Escobar,
wara li rat il-proċedura bil-miktub,
wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-28 ta’ Settembru 2017,
tagħti l-preżenti
Sentenza
1
Permezz tal-appell tiegħu, l-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) jitlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tas-27 ta’ April 2016, European Dynamics Luxembourg et vs EUIPO, (iktar ’il quddiem is-“sentenza appellata”, EU:T:2016:248), li permezz tagħha din:
–
annullat id-Deċiżjoni tal-EUIPO, ikkomunikata permezz tal-ittra 11 ta’ Awwissu 2011, adottata fil-kuntest tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti AO/029/10, intitolata “Żvilupp ta’ softwer u servizzi ta’ manutenzjoni” (iktar ’il quddiem is-“suq inkwistjoni”), li tiċħad l-offerta ppreżentata minn European Dynamics Luxembourg SA (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni li tiċħad l-offerta”) u d-deċiżjonijiet l-oħra relatati tal-EUIPO, adottati fil-kuntest tal-istess proċedura, fosthom dawk li jagħtu l-kuntratt lil tliet offerenti oħra, bħala offerenti magħżula tal-ewwel sat-tielet postijiet skont il-proċedura ta’ kaskata (iktar ’il quddiem, flimkien, id-“deċiżjonijiet ikkontestati”), u
–
ordnat lill-EUIPO jikkumpensa d-dannu subit minn European Dynamics Luxembourg għal telf ta’ opportunità li tingħata l-kuntratt qafas bħala, minn tal-inqas, it-tielet kontraenti skont il-proċedura ta’ kaskata.
Il-kuntest ġuridiku
2
Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta’ Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74), kif emendat bir-Regolament (KE, Euratom) tal-Kunsill Nru 1995/2006 tat-13 ta’ Diċembru 2006 (ĠU 2006, L 390, p. 1) (iktar ’il quddiem ir-“regolament finanzjarju”), jistabbilixxi r-regoli bażiċi li jirregolaw il-qasam baġitarju kollu għall-materji bħall-għoti ta’ kuntratti pubbliċi.
3
Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju, l-awtorità kontraenti għandha tikkomunika lill-kandidati jew lill-offerenti kollha li l-applikazzjonijiet jew l-offerti tagħhom ikunu ġew miċħuda bir-raġunijiet li abbażi tagħhom tkun ġiet miċħuda l-kandidatura jew l-offerta tagħhom, u lill-offerenti kollha li l-offerti tagħhom ikunu ammissibbli u wara li dawn ikunu għamlu talba bil-miktub, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi għall-offerta rebbieħa kif ukoll l-isem tal-offerent li lilu jkun ingħata l-kuntratt. Madankollu, it-tieni subparagrafu ta’ dan l-istess paragrafu jipprovdi li l-pubblikazzjoni ta’ ċerti elementi tista’ ma sseħħx jekk din tkun tfixkel l-applikazzjoni tal-liġi, tkun kuntrarja għall-interess pubbliku jew tkun ta’ ħsara għall-interesi leġittimi tan-negozju ta’ impriżi pubbliċi jew privati jew tista’ tippreġudika l-kompetizzjoni leali bejniethom.
4
L-Artikolu 149 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, EURATOM) Nru 2342/2002 tat-23 ta’ Diċembru 2002 li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Nru 1605/2002 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145), kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 478/2007 tat-23 ta’ April 2007 (ĠU 2008L 56M, 29.2.2008, p. 337) (iktar ’il quddiem il-“metodi ta’ implementazzjoni”), jispeċifika l-obbligi imposti fuq l-awtorità kontraenti inkonnessjoni mal-informazzjoni tal-kandidati u tal-offerenti skont l-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju.
5
Skont l-Artikolu 115(1) u (2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009 tas-26 ta’ Frar 2009 dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1), kif emendat bir-Regolament (UE) 2015/2424 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Diċembru 2015 (ĠU L 341, p. 21), l-EUIPO huwa organu tal-Unjoni u għandu personalità ġuridika. F’kull wieħed mill-Istati Membri l-Uffiċċju jgawdi l-iktar kapaċità ġuridika estensiva mogħtija lill-persuni ġuridiċi mil-liġijiet tagħhom. Hu jista’, b’mod partikolari, jakkwista u jiddisponi minn proprjetà mobbli u immobbli u jista’ jkun parti fi proċeduri legali.
6
Skont l-Artikolu 118(3) u (4) tar-Regolament Nru 207/2009, kif emendat bir-Regolament 2015/2424, fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, l-EUIPO għandha tagħti kumpens, skont il-prinċipji ġenerali komuni għad-drittijiet tal-Istati Membri, għad-danni kkawżati mid-dipartimenti jew mill-aġenti tiegħu waqt il-qadi tal-funzjonijiet tagħhom. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha l-ġurisdizzjoni fuq il-vertenzi marbuta mal-kumpens għal tali danni.
Il-fatti li wasslu għall-kawża, il-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u s-sentenza appellata
7
Il-fatti li wasslu għall-kawża huma esposti fil-punti 1 sa 20 tas-sentenza appellata.
8
Wara dan kollu, fil-21 ta’ Ottubru 2011, European Dynamics Luxembourg SA, European Dynamics Belgium SA u Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (iktar il-quddiem, flimkien, “European Dynamics Luxembourg et”) ippreżentaw rikors għal annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati quddiem il-Qorti Ġenerali, li fih huma talbu:
–
l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, u
–
il-kundanna tal-EUIPO għall-ħlas ta’ kumpens ekwivalenti għal EUR 6750000 għad-danni subiti minn European Dynamics Luxembourg minħabba t-telf ta’ opportunità li tingħata il-kuntratt inkwistjoni.
9
Insostenn tar-rikors tagħhom, quddiem il-Qorti Ġenerali, European Dynamics Luxembourg et ressqu tliet motivi, l-ewwel wieħed ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni, it-tieni wieħed ibbażat fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u t-tielet wieħed fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
10
Wara r-risposta tal-EUIPO għall-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura u miżuri istruttorji tal-Qorti Ġenerali, European Dynamics Luxembourg et invokaw motiv ġdid, ibbażat fuq il-fatt li l-EUIPO kiser l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt billi aċċetta l-offerta finanzjarja ta’ offerent ieħor anki jekk fiha varjanti u firxa ta’ prezzijiet.
11
Fl-ewwel lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-tielet motiv. Qabelxejn hija ċaħdet l-allegazzjoni li t-tielet kontraent fil-proċedura ta’ kaskata, jiġifieri l-konsorzju Drasis, peress li kien jinkludi l-kumpannija li pprovdiet l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, kien jinsab f’sitwazzjoni ta’ kunflitt ta’ interessi, fis-sens tal-Artikolu 94(a) tar-regolament finanzjarju. Sussegwentement, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ukoll l-argument li kien jeżisti kunflitt ta’ interessi fir-rigward tal-konsorzju Unisys. Għall-kuntrarju, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tielet parti tat-tielet motiv, billi qieset li l-EUIPO kien manifestement naqas mill-obbligu tiegħu ta’ diliġenza fl-investigazzjoni tal-eżistenza tar-raġuni għal esklużjoni previst fl-inċiż e) tal-ewwel paragrafu tal-punt 13.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u fl-Artikolu 93(1)(e) tar-regolament finanzjarju. L-EUIPO b’mod partikolari ma kellux id-dritt li jikkuntenta ruħu b’dikjarazzjoni formali ta’ Siemens SA dwar il-prova tal-assenza ta’ raġuni għal esklużjoni inkonnessjoni mas-sitwazzjoni tal-konsorzju Drasis, fis-sens tal-sens tal-inċiż e) tal-ewwel paragrafu tal-punt 13.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u tal-Artikolu 93(1)(e) tar-regolament finanzjarju. Din il-prova kienet saħansitra inqas xierqa sabiex turi l-assenza ta’ din ir-raġuni għal esklużjoni f’dak li jirrigwarda lil Siemens SL, li għaliha l-EUIPO la talab u lanqas ipproduċa prova rilevanti.
12
Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali eżaminat it-tieni motiv, ibbażat fuq diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u dan ġie parzjalment milqugħ u parzjalment miċħud. F’dan ir-rigward hija enfasizzat li, sa fejn hija kkonstatat, f’dan il-kuntest, l-eżistenza ta’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni jew ta’ nuqqas ta’ motivazzjoni li jivvizzjaw il-legalità tal-evalwazzjoni tal-offerta ta’ European Dynamics Luxembourg, dawn l-illegalitajiet waħedhom kienu jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta.
13
Barra minn hekk, filwaqt li bbażat ruħha fuq it-tabella ta’ evalwazzjoni komparattiva tal-offerti tekniċi li tinsab fil-punt 14 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali qieset li l-offerta teknika ta’ European Dynamics Luxembourg kisbet, skont il-kriterji kwalitattivi Nri 1 sa 3, wara kunsiderazzjoni tal-punti netti mogħtija, il-punt massimu ta’ 100 punti grossi, filwaqt li l-offerti tat-tielet offerenti magħżula kisbu biss numru nettament inferjuri ta’ punti netti u grossi, xi wħud minnhom eżatt taħt il-limitu ta’ esklużjoni ta’ 45, 15 u 10 punti rispettivament, għall-kriterji kwalitattivi Nri 1 sa 3. B’hekk, it-87.90 punti netti mogħtija lill-offerta ta’ European Dynamics Luxembourg żdiedu sa 100 punt gross, filwaqt li l-71.96 punti netti mogħtija lill-offerta ta’ IECI żdiedu għal 81.86 punti grossi, is-70.66 punti netti mogħtija lill-offerta ta’ Unisys żdiedu għal 80.38 punti grossi u t-78.05 punti netti mogħtija lill-offerta ta’ Drasis żdiedu għal 88.78 punti grossi.
14
Fir-rigward tal-motiv il-ġdid imsemmi fil-punt 10 ta’ din is-sentenza, ibbażata fuq ksur tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt sa fejn l-EUIPO aċċetta l-offerta finanzjarja ta’ IECI, il-Qorti Ġenerali ċaħditu bħala infondat.
15
Fir-rigward tal-ewwel motiv, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-offerta kienet ivvizzjata b’diversi insuffiċjenzi ta’ motivazzjoni skont l-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, u li din kellha tkun annullata għal din ir-raġuni wkoll.
16
Fit-tielet u fl-aħħar lok, il-Qorti Ġenerali laqgħet it-talba għal kumpens imressqa minn European Dynamics Luxembourg sa fejn din kienet tikkonċerna r-riżarċiment tat-telf ta’ opportunità. Fir-rigward tal-ammont riżarċibbli, il-Qorti Ġenerali stiednet lill-partijiet jittrażmettulha, f’terminu ta’ tliet xhur mid-data tal-għoti tas-sentenza appellata, l-ammont pagabbli bħala kumpens, stabbilit bi qbil komuni, jew, fin-nuqqas, li jibagħtulha, fl-istess terminu, it-talbiet ikkwantifikati tagħhom.
Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u t-talbiet tal-partijiet
17
Permezz tal-appell tiegħu, l-EUIPO jitlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:
–
prinċipalment, tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha u tiċħad it-talba għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati kif ukoll it-talba għal kumpens imressqa minn European Dynamics Luxembourg;
–
sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata fl-intier tagħha u tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali;
–
iktar sussidjarjament, tannulla s-sentenza appellata sa fejn din tikkundanna lill-EUIPO jikkumpensa d-dannu subit minn European Dynamics Luxembourg b’riżultat tat-telf ta’ opportunità li tingħata il-kuntratt qafas, u tibgħat lura l-kawża lill-Qorti Ġenerali; u
–
tikkundanna lil European Dynamics Luxembourg et għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
18
European Dynamics Luxembourg et jitolbu lill-Qorti tal-Ġustizzja:
–
tiċħad l-appell bħala infondat, u
–
tikkundanna lill-EUIPO jbati l-ispejjeż kollha tal-proċedura.
Fuq l-appell
19
Insostenn tal-appell tiegħu, l-EUIPO jinvoka erba’ aggravji, ibbażati, l-ewwel wieħed, fuq żbalji ta’ liġi sa fejn il-Qorti Ġenerali kienet iddeċidiet ultra petita u interpretat u applikat b’mod żbaljat il-prinċipji ta’ opportunitajiet ugwali kif ukoll ta’ diliġenza raġjonevoli u, fi kwalunkwe każ, żnaturat il-fatti, it-tieni wieħed, fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-kriterju marbut mal-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, it-tielet wieħed, fuq żball ta’ liġi fl-applikazzjoni tal-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE u, ir-raba’ wieħed, fuq nuqqas ta’ motivazzjoni inkonnessjoni mal-għoti ta’ kumpens abbażi ta’ telf ta’ opportunità.
Fuq l-ewwel aggravju
L-argumenti tal-partijiet
20
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju, l-EUIPO tallega li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita, bi ksur tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Artikolu 76 u tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Jirriżulta b’mod ċar mill-punt 63 tas-sentenza appellata u mill-verbal tas-seduta quddiem il-Qorti Ġenerali li European Dynamics Luxembourg et kienu rrinunzjaw għat-tielet parti tat-tielet motiv tagħhom. Peress li din il-parti, barra minn hekk, ma hijiex ikkontestata iktar mill-partijiet, il-Qorti Ġenerali kellha tastjeni milli teżaminaha. Madankollu, billi tat deċiżjoni fuq din il-parti fil-punti 64 sa 78 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali eċċediet il-ġurisdizzjoni tagħha. Sussidjarjament, l-EUIPO ssostni li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li ksur tal-prinċipji ta’ opportunitajiet ugwali u ta’ diliġenza setgħa jwassal għall-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati.
21
European Dynamics Luxembourg et jikkontestaw li huma rrinunzjaw għat-tielet parti tat-tielet motiv tagħhom quddiem il-Qorti Ġenerali. B’mod iktar partikolari, dawn il-partijiet jenfasizzaw li huma abbandunaw l-argument dwar l-involviment possibbli ta’ Siemens AG fl-attivitajiet illegali tal-kumpanniji Siemens SA u Siemens SL, membri tal-konsorzju Drasis, “għas-sempliċi raġuni li dawn tal-aħħar kienu inizjalment indirettament ikkontrollati minn Siemens AG qabel ma nxtraw mill-ġdid, fl-1 ta’ Lulju 2011, minn Atos SA, minħabba l-akkwist minn din tal-aħħar ta’ 100 % tal-azzjonijiet tal-kumpannija li tikkontrollhom direttament”, kif ikkonstatat il-Qorti Ġenerali fil-punt 63 tas-sentenza appellata. L-uniku argument li European Dynamics Luxembourg et irrinunzjat għalih kien dak relatat mar-rabtiet strutturali bejn il-kumpanniji parteċipanti fil-konsorzju Drasis u l-kumpannija parent tagħhom, jiġifieri Siemens AG. B’hekk, l-argumenti l-oħra insostenn ta’ dan il-motiv ġew miżmuma, b’mod partikolari dawk marbuta mal-obbligu tal-EUIPO li josserva r-regoli stabbiliti mir-regolament finanzjarju u l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kif ukoll mal-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.
22
Permezz tat-tieni parti tal-ewwel aggravju, l-EUIPO jallega li l-Qorti Ġenerali qieset, fil-punt 76 tas-sentenza appellata, li l-EUIPO “la talab u lanqas ipproduċa prova rilevanti” sabiex turi l-assenza ta’ raġunijiet għal esklużjoni ta’ Siemens SL minħabba raġunijiet ta’ frodi u ta’ korruzzjoni. Fil-fatt, mid-dokument li jinsab fl-Anness 4 tal-appell jirriżulta li, b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 93(2) tar-regolament finanzjarju, l-EUIPO kien talab lill-offerenti jikkonfermaw li ma kinux jinsabu f’waħda mis-sitwazzjonijiet ta’ esklużjoni previsti fil-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu.
23
European Dynamics Luxembourg et iqisu li f’dan ir-rigward, l-EUIPO jinterpreta s-sentenza appellata b’mod żbaljat u jikkunsidraw li l-Qorti Ġenerali ttrattat b’mod korrett il-provi inkwistjoni fil-kuntest tat-tieni parti tal-ewwel motiv.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
24
Permezz tal-ewwel parti tal-ewwel aggravju tiegħu, l-EUIPO essenzjalment jallega li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet ultra petita wara l-eżami tat-tielet parti tat-tielet motiv tar-rikors fl-ewwel istanza, ibbażata fuq involviment tal-konsorzju Drasis f’attivitajiet illegali.
25
F’dan ir-rigward, fil-punt 63 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li “[f]is-seduta, wara domanda orali tal-Qorti Ġenerali […] [European Dynamics Luxembourg et] rrinunzjaw għall-argumenti tagħhom skont liema l-involviment eventwali ta’ Siemens AG (iktar ’il quddiem “Siemens AG”) f’attivitajiet illegali għandhom jiġu imputati lill-kumpanniji Siemens SA u Siemens SL, membri tal-konsorzju Drasis, biss minħabba l-fatt li dawn kienu inizjalment indirettament ikkontrollati minn Siemens AG qabel ma nxtraw, fl-1 ta’ Lulju 2011, minn Atos SA, minħabba l-fidi minn din tal-aħħar ta’ 100 % tal-ishma tal-kumpannija li tikkontrollahom direttament, Siemens IT Solutions and Services GmbH, kif jirriżulta mid-dokumenti prodotti mill-EUIPO sussegwentement għad-digriet istruttorju tas-27 ta’ Marzu 2015 […]. Ittieħdet nota ta’ din ir-rinunzja fil-verbal tas-seduta.”
26
F’dan ir-rigward, l-imsemmi verbal jikkonstata espressament li European Dynamics Luxembourg et irrinunzjaw għall-argument tagħhom ibbażat fuq l-eżistenza ta’ fatti ta’ frodi u ta’ korruzzjoni attribwibbli indirettament lil Siemens SA u Siemens SL.
27
Madankollu, fir-risposta tagħhom fil-kuntest tal-appell odjern, European Dynamics Luxembourg et isostnu li din ir-rinunzja ma ġietx ikkompletata u “kienet tirrigawrda biss ir-rabtiet strutturali bejn il-kumpanniji li jipparteċipaw fil-konsorzju Drasis u l-kumpannija parent (Siemens AG)”.
28
Issa, mill-punt 61 tas-sentenza appellata, l-argument ta’ European Dynamics Luxembourg et kien jirrigwarda l-involviment ta’ “Siemens” f’attivitajiet illegali li jiġġustifikaw, bħala membru tal-konsorzju Drasis, l-esklużjoni ta’ din tal-aħħar mill-proċedura ta’ sejħa għal offerti skont l-Artikoli 93 u 94 tar-regolament finanzjarju u tal-Artikoli 133a u 134b tal-metodi ta’ implimentazzjoni, argument li dawn il-partijiet irrinunzjaw għalih b’mod ċar. Madankollu, meta l-Qorti Ġenerali eżaminat jekk l-EUIPO kienx analizza l-offerta tal-konsorzju Drasis bid-diliġenza rikjesta, dan ibbaża ruħu fuq rabtiet strutturali bejn Siemens AG u ż-żewġ sussidjarji tagħha, Siemens SA u Siemens SL.
29
Fil-fatt, fil-punt 64 tas-sentenza appellata, li permezz tiegħu il-Qorti Ġenerali bdiet l-eżami, li ġie konkluż fil-punt 78 ta’ dik is-sentenza tal-kwistjoni tal-esklużjoni possibbli mill-konsorzju Drasis huwa redatt kif ġej: “[…] fid-dawl tar-rabtiet strutturali li kienu jeżistu ma’ Siemens AG qabel l-1 ta’ Lulju 2011, tqum il-kwistjoni ta’ jekk, f’dan il-każ, l-awtorità kontraenti vverifikatx, bid-diliġenza mitluba, jekk Siemens SA u Siemens SL u, għaldaqstant, jekk ir-raġunijiet għall-esklużjoni msemmija fl-Artikolu 93(1)(b) u (e) tar-Regolament Finanzjarju Ġenerali, moqrija konġuntament mat-tieni u t-tielet subparagrafi tal-punt 13.1, tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għandhomx japplikaw għall-konsorzju Drasis […]”.
30
Barra minn hekk, fil-punt 77 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali reġgħet ibbażat ruħha fuq l-eżistenza ta’ dawn ir-rabtiet strutturali sabiex tikkonkludi li l-EUIPO kien naqas manifestament mid-dmir tiegħu ta’ diliġenza.
31
Għaldaqstant jidher li l-Qorti Ġenerali eżaminat l-eżistenza ta’ kawżi ta’ esklużjoni mill-konsorzju Drasis preċiżament fir-rigward ta’ rabtiet strutturali ta’ Siemens SA u ta’ Siemens SL mal-kumpannija parent.
32
Għalhekk, l-argument imressaq minn European Dynamics Luxembourg et, li r-rinunzja tagħhom kienet biss parzjali u li kienet tikkonċerna biss l-eżistenza ta’ tali rabtiet strutturali ma jistax jintlaqa’. Peress li l-motivi suesposti tas-sentenza appellata ma ġew ikkontestati minn ebda mill-partijiet u lanqas ma huma suġġetti għal appell inċidentali, dawn għandhom jitqiesu bħala definittivi.
33
Issa, mir-regoli li jirregolaw il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, b’mod partikolari tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tal-Artikolu 76 u tal-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jirriżulta li l-kawża fil-prinċipju hija ddeterminata u ddefinita mill-partijiet u li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tiddeċiedi ultra petita (sentenza tat-3 ta’ Lulju 2014, Electrabel vs Il-Kummissjoni, C-84/13 P, li ma ġietx ippubblikata, EU:C:2014:2040, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).
34
Għaldaqstant, fid-dawl tar-rinunzja ta’ European Dynamics Luxembourg et prevista fil-punti 25 u 26 tas-sentenza odjerna, il-Qorti Ġenerali ma kellhiex iktar ġurisdizzjoni sabiex tagħti deċiżjoni fuq allegat ksur tal-Artikoli 93 u 94 tar-regolament finanzjarju u tal-Artikoli 133 a u 134 b tal-metodi ta’ implimentazzjoni, b’tali mod li d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, li tinsab fil-punt 77 tas-sentenza appellata, li l-EUIPO naqas manifestament mid-dmir tiegħu ta’ diliġenza fl-investigazzjoni tal-eżistenza, b’mod partikolari, tal-kawża ta’ esklużjoni prevista fl-inċiż (e) tal-ewwel paragrafu tal-punt 13.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt u fl-Artikolu 93(1)(e) tar-regolament finanzjarju, hija vvizzjata bi żball ta’ liġi.
35
Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, f’dawn iċ-ċirkustanzi, il-motiv ibbażat fuq ksur ta’ dawn l-artikoli jikkostitwixxix, kif jidher li jippretendu European Dynamics Luxembourg et, motiv ta’ ordni pubbliku li għandu jiġi eżaminat ex officio mill-qorti tal-Unjoni, hemm lok li jiġi rrilevat li għalkemm, ċertament, dawn id-dispożizzjonijiet huma ta’ importanza ċerta għall-osservanza tad-dritt tal-għoti tal-kuntratti tal-Unjoni, il-ksur tagħhom ma jissodisfax madankollu l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex dan jiġi kkaratterizzat bħala ksur ta’ forom proċedurali sostanzjali (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tal-4 ta’ April 2017, Médiateur vs Staelen, C-337/15 P, EU:C:2017:256, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata).
36
Minn dan isegwi li l-ewwel parti tal-ewwel aggravju għandha tintlaqa’.
37
Minħabba l-konklużjoni fil-punt preċedenti, it-tieni parti tal-ewwel aggravju tilfet ir-rilevanza tagħha u għalhekk ma hemmx lok li din tiġi eżaminata.
Fuq it-tieni aggravju
L-argumenti tal-partijiet
38
Permezz tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tiegħu, l-EUIPO jilmenta li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta naqas milli jeżamina jekk l-allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-EUIPO fil-kwalità tiegħu ta’ awtorità kontraenti kinux jinċidu fuq ir-riżultat finali tal-proċedura tal-għoti tas-suq inkwistjoni.
39
L-EUIPO jqis li s-sempliċi fatt li huwa allegatament wettaq żbalji ta’ evalwazzjoni inkonnessjoni ma’ diversi subkriterji fi ħdan il-kriterji ta’ għoti tekniċi Nru 1 u Nru 2 u diversi subkriterji fi ħdan il-kriterju ta’ għoti Nru 3 ma jistax fih innifsu jitqies bħala raġuni suffiċjenti sabiex tiġi annullata d-deċiżjoni li tiċħad l-offerta. Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali, b’mod kuntrarju għal dak li huwa rikjest f’dan ir-rigward mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, ma eżaminatx jekk dawn l-iżbalji ta’ evalwazzjoni kellhomx effett konkret fuq l-eżitu finali ta’ din id-deċiżjoni.
40
Il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti Ġenerali tikkonferma li, jekk il-punt marbut ma’ kriterju tal-għoti partikolari ma huwiex ibbażat fuq kummentarju wieħed, iżda fuq diversi kummentarji li ma humiex ikkontestati, il-Qorti Ġenerali ikollha teżamina jekk dawn il-kummentarji l-oħra jkunux għadhom suffiċjenti sabiex isostnu l-punt mogħti mill-awtorità kontraenti għal dan il-kiterju tal-għoti.
41
F’dan il-każ, il-punti mogħtija għall-kriterji ta’ għoti tekniċi Nri 1 sa 3 huma bbażati mhux fuq kummentarju wieħed, iżda fuq diversi kummentarji negattivi u pożittivi li ġew meqjusa mill-Qorti Ġenerali li ma kinux ivvizzjati minn żball manifest ta’ evalwazzjoni jew li ma ġewx eżaminati minn din tal-aħħar, sa fejn dawn lanqas ma ġew ikkontestati fir-rikors ippreżentat minn European Dynamics Luxembourg et. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali kellha teżamina jekk dawn il-kummentarji l-oħra kinux għadhom suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw il-punt mogħti mill-awtorità kontraenti għall-kriterju ta’ għoti kkonċernat, u l-fatt li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx tali eżami jikkostitwixxi fih innifsu raġuni suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat l-annullament tas-sentenza appellata.
42
Permezz tat-tieni parti tat-tieni aggravju tiegħu, l-EUIPO jallega li l-Qorti Ġenerali applikat, waqt l-eżami tagħha tad-deċiżjoni li tiċħad l-offerta, kriterju żbaljat fid-dritt sabiex tidentifika żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni u li żnaturat ċerti fatti.
43
Il-Qorti Ġenerali, minn naħa, wettqet stħarriġ estiż wisq tad-deċiżjoni li tiċħad l-offerta, fid-dawl tas-setgħa diskrezzjonali li għandha l-awtorità kontraenti fil-qasam tal-għoti ta’ kuntratti pubbliċi u, min-naħa l-oħra, issostitwixxiet l-evalwazzjoni tal-EUIPO tal-elementi fattwali bl-evalwazzjoni tagħha u b’hekk żnaturathom, sabiex tikkonstata żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni.
44
European Dynamics Luxembourg et isostnu li t-tieni aggravju għandu jiġi miċħud.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
45
Fir-rigward tal-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-EUIPO insostenn ta’ dan l-appell, jeħtieġ li jiġi rrilevat li, fil-punti 226 sa 229 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali f’konklużjoni intermedjarja dwar it-tieni motiv invokat quddiemha, tesponi r-raġunijiet li għalihom hija qieset li l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni kkonstatati setgħu jinċidu fuq il-proċedura ta’ sejħa għal offerti inkwistjoni u, għaldaqstant, jiġġustifikaw l-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-offerta.
46
Huwa minnu li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx verifika speċifika tal-effett li kull wieħed minn dawk l-iżbalji seta’ kellu fuq ir-riżultat tal-proċedura. Madankollu, l-istħarriġ tal-qorti tal-Unjoni bħala prinċipju ma jimplikax l-obbligu ta’ din tal-aħħar li tivverifika l-assenza ta’ effett ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni li jikkonċerna l-evalwazzjoni ta’ offerta fuq il-klassifikazzjoni ta’ din tal-aħħar u, għaldaqstant, b’mod definittiv, fuq id-deċiżjoni ta’ għoti, meta l-awtorità kontraenti ma pprovdiet l-ebda preċiżjoni dwar din l-assenza ta’ effett.
47
Fil-fatt, huwa l-appellant li għandu jispjega kif u jistabbilixxi li d-deċiżjoni li tiċħad l-offerta ma kinitx tkun iktar favorevoli għal European Dynamics Luxembourg et fl-assenza tal-imsemmija żbalji (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, EUIPO vs European Dynamics Luxembourg et, C-677/15 P, EU:C:2017:998, punti 52 u 53). Issa, l-EUIPO ma pproduċa l-ebda prova rikjesta f’dan ir-rigward.
48
Konsegwentement, l-ewwel parti tat-tieni aggravju tal-EUIPO għandha tiġi miċħuda.
49
Fir-rigward tat-tieni parti tat-tieni aggravju tal-EUIPO, jeħtieġ li jitfakkar li l-Qorti Ġenerali kkonstatat, fil-punti 104, 109, 115, 122, 134, 138 u 139, 144, 148, 157 sa 159, 166, 186, 188, 193 u 194, 206 u 207 tas-sentenza appellata, li dan l-uffiċċju wettaq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li vvizzjaw il-legalità tal-evalwazzjoni tal-offerta ta’ European Dynamics Luxembourg. Fil-punti 225 sa 229 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali kkonkludiet li fuq din il-bażi kien hemm lok li tiġi annullata d-deċiżjoni li tiċħad l-offerta.
50
Issa, għalkemm fil-kuntest tal-appell tiegħu, l-EUIPO kkritika l-konstatazzjonijiet kważi kollha tal-Qorti Ġenerali marbuta mal-imsemmija żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni, huwa ma kkontestax ir-raġunijiet li jinsabu fil-punti 160 sa 168 u, b’mod partikolari, fil-punt 166 tas-sentenza appellata, insostenn tad-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tilqa’ d-disa’ lment invokat minn European Dynamics Luxembourg et insostenn tal-ewwel parti tat-tieni motiv tar-rikors tagħhom għal annullament, ibbażata fuq l-allegazzjoni li l-EUIPO kien wettaq żball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjonni tiegħu tal-punt 1.4.4.10 tas-subkriterju Nru 1.4 tal-kriterju Nru 1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
51
Issa, minn naħa, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma ddistingwixxiet bejn id-diversi żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni li hija kkonstatat fil-punti 88 sa 214 tas-sentenza appellata u, min-naħa l-oħra, l-EUIPO ma jispjegax kif u ma jistabbilixxix li, fil-każ odjern, il-konstatazzjoni dwar l-eżistenza tal-iżball manifest ta’ evalwazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tiegħu tal-punt 1.4.4.10 tas-subkriterju Nru 1.4 tal-kriterju Nru 1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma tifformax parti mill-ġustifikazzjoni, bl-istess mod bħal kull waħda mill-konstatazzjonijiet l-oħra ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni meqjusa individwalment, għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-offerta inkluża fil-punt 226 tas-sentenza appellata.
52
F’dawn iċ-ċirkustanzi, anki jekk jiġi preżunt li kien hemm lok li jitqies, kif isostni l-EUIPO, li l-konstatazzjonijiet kollha marbuta ma’ żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni kkontestati mill-EUIPO fil-kuntest ta’ dan l-appell huma vvizzjati minn żbalji ta’ liġi, tali konstatazzjoni xorta waħda ma tkunx ta’ natura li twassal għall-annullament ta’ din id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, b’tali mod li jeħtieġ li tiġi miċħuda bħala ineffettiva t-tieni parti tat-tieni aggravju (ara, b’analoġija, id-digriet tal-11 ta’ Frar 2015, Orange vs Il-Kummissjoni, C-621/13 P, mhux ippubblikata, EU:C:2015:114, punti 44 u 45 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
Fuq it-tielet aggravju
L-argumenti tal-partijiet
53
Permezz tat-tielet aggravju tiegħu, l-EUIPO jikkontesta l-analiżi mwettqa mill-Qorti Ġenerali fil-punti 250 sa 254 tas-sentenza appellata u l-motiv inkluż fih li skontu d-deċiżjoni li tiċħad l-offerta kienet ivvizzjata minn diversi istanzi ta’ motivazzjoni mhux suffiċjenti, fis-sens tal-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE, inkonnessjoni mal-korrelazzjoni bejn, minn naħa, l-evalwazzjonijiet negattivi speċifiċi stabbilit fir-rapport ta’ evalwazzjoni u t-tnaqqis ta’ punti netti mwettaq mill-awtorità kontraenti min-naħa l-oħra.
54
Skont l-EUIPO, l-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju ma kien jipprovdi għal ebda obbligu legali għall-provvista ta’ sinteżi ddettaljat tal-kritiki kollha li ttieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-offerta ta’ offerent eskluż. A fortiori, l-istess dispożizzjoni ma tinkludi l-ebda obbligu legali li ma’ kull kritika għandu jsir tnaqqis korrispondenti tal-punti u lanqas li għandha tingħata spjegazzjoni ddettaljata tan-numru ta’ punti effettivament imnaqqsa fuq il-bażi ta’ din il-kritika.
55
European Dynamics Luxembourg et isostnu li l-iżvelar tat-tqassim tal-punti evalwati kien neċessarju, peress li l-Qorti Ġenerali ma kinitx f’pożizzjoni li teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha mingħajr l-informazzjoni marbuta mal-punti mogħtija lill-kriterji kwalitattivi, lis-subkriterji u lis-sottopunti speċifiċi. B’hekk, billi talbet il-produzzjoni tat-tqassim tal-punti, il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma kienet qiegħda tapplika kriterju iktar strett minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-regolament finanzjarju, kif interpretat mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
56
Qabelxejn, jeħtieġ li jitfakkar li skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju, l-awtorità kontraenti għandha tikkomunika lill-kandidati jew lill-offerenti kollha li l-applikazzjonijiet jew l-offerti tagħhom ikunu ġew miċħuda bir-raġunijiet li abbażi tagħhom tkun ġiet miċħuda l-kandidatura jew l-offerta tagħhom, u lill-offerenti kollha li l-offerti tagħhom ikunu ammissibbli u wara li dawn ikunu għamlu talba bil-miktub, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi għall-offerta rebbieħa kif ukoll l-isem tal-offerent li lilu jkun ingħata l-kuntratt.
57
Madankollu, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li ma jistax jiġi rikjest mill-awtorità kontraenti li din tibgħat lill‑offerent li l-offerta tiegħu ma tkunx intgħażlet, minn naħa, minbarra l‑motivi taċ-ċaħda ta’ din tal-aħħar, sinteżi ddettaljat tal-mod kif kull dettall tal-offerta tiegħu ttieħed inkunsiderazzjoni abbażi tal‑evalwazzjoni ta’ din tal-aħħar u, min-naħa l-oħra, fil-kuntest tal‑komunikazzjoni tal-karatteristiċi u tal-vantaġġi marbuta mal-offerta magħżula, analiżi komparattiv fid-dettall ta’ din tal-aħħar u tal-offerta tal‑offerent eskluż (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs il-Kummissjoni, C-629/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:617, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).
58
Bl-istess mod, l-awtorità kontraenti ma hijiex obbligata tipprovdi lill-offerent eskluż, fuq talba bil-miktub ta’ dan tal-aħħar, kopja sħiħa tar-rapport ta’ evalwazzjoni (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C-629/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:617, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
59
Barra minn hekk, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni rikjesta mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE għandha tkun evalwata skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari, tal-kontenut tal-att u tan-natura tal-motivi invokati (sentenza tal-4 ta’ Ottubru 2012, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, C-629/11 P, mhux ippubblikata, EU:C:2012:617, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).
60
Fil-każ odjern, huwa stabbilit li fi tliet ittri, rispettivament, tal-11 ta’ Awwissu, tas-26 ta’ Awwissu u tal-15 ta’ Settembru 2011, l-EUIPO bagħat lil European Dynamics Luxembourg et estratt mir-rapport ta’ evalwazzjoni li jinkludi l-evalwazzjoni kwalitattiva tal-offerta tagħhom, l-ismijiet tat-tliet offerenti magħżula, kif ukoll tliet tabelli li juru l-punteġġi miksuba rispettivament minn dawn it-tliet offerenti magħżula u minn European Dynamics Luxembourg et u, b’mod iktar preċiż, tabella ta’ evalwazzjoni kumparattiva tal-offerti tekniċi, tabella ta’ evalwazzjoni kumparattiva tal-offerti mill-prespettiva tan-natura ekonomikament vantaġġuża tagħhom u tabella kumparattiva li tikkonċerna l-kriterji finanzjarji.
61
Kif irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punt 39 tal-konklużjonijiet tiegħu, dawn it-tabelli ppermettew lil European Dynamics Luxembourg et jiksbu stampa tal-punti kollha mogħtija lill-offerta tagħhom u lil dawk tal-offerenti magħżula inkonnessjoni kemm mal-kriterji kwalitattivi kif ukoll ma’ dawk finanzjarji, kif ukoll tal-influwenza tagħhom fuq il-punteġġ globali definittiv.
62
Madankollu, European Dynamics Luxembourg et isostnu li l-komunikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti ma ppermettitilhomx jevalwaw, bil-preċiżjoni rikjesta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-evalwazzjoni tal-offerta tagħhom mill-EUIPO.
63
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi rrilevat li l-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 ta’ din is-sentenza bħala prinċipju ma tirrikjedix li għandha tingħata kunsiderazzjoni speċifika lil kull kummentarju negattiv jew pożittiv fl-evalwazzjoni. Madankollu, f’każ li d-dokumenti tal-kuntratt ikun fihom kunsiderazzjonijiet ikkwantifikati speċifiċi marbuta mal-kriterji jew mas-subkriterji, il-prinċipju ta’ trasparenza jirrikjedi li għandha ssir evalwazzjoni kkwantifikata ta’ dawn il-kriterji jew subkriterji.
64
F’dan ir-rigward, mid-dokumenti tal-kuntratt jirriżulta li, f’dan il-każ, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt kienu jipprevedu kunsiderazzjoni li skontha 65 punt minn 100 kellhom jingħataw lill-kriterju kwalitattiv Nru 1, li minnhom 10 punti rispettivament għas-subkriterji Nri 1.1 sa 1.5 u 15-il punt lis-subkriterju 1.6, 20 punt lill-kriterju kwalitattiv Nru 2 u 15-il punt lill-kriterju kwalitattiv Nru 3.
65
Huwa stabbilit ukoll li, minn naħa, il-kumitat ta’ evalwazzjoni kien applika formula matematika jew kien alloka frazzjonijiet ta’ punt inkonnesssjoni ma’ subkriterju jew ma’ subpunt u li r-rapport ta’ evalwazzjoni kien jinkludi evalwazzjonijiet negattivi speċifiċi f’dan ir-rigward li kienu taw lok għal tnaqqis speċifiku ta’ punti u li, min-naħa l-oħra, l-EUIPO ma kkomunikax in-numru ta’ punti, akkumpanjati minn tqassim skont subkriterji, miksuba rispettivament minn European Dynamics Luxembourg u mill-offerenti magħżula.
66
F’dawn iċ-ċirkustanzi, kif irreleva l-Avukat Ġenerali fil-punt 42 tal-konklużjonijiet tiegħu, ma kienx possibbli, għal European Dynamics Luxembourg et jew għall-Qorti Ġenerali, la li jifhmu l-piż rispettiv ta’ dawn is-subkriterji fl-evalwazzjoni, jiġifieri fid-determinazzjoni tal-punteġġ totali, u lanqas li jistabbilixxu korrelazzjoni bejn il-kummentarji speċifiċi negattivi u t-tnaqqis tal-punti, li kellu effett fuq il-punteġġ totali.
67
Għaldaqstant, kien b’mod ġust li l-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 254 tas-sentenza appellata, li l-EUIPO ma kienx issodisfa b’mod sħiħ ir-rekwiżiti dwar l-obbligu ta’ motivazzjoni tar-riżultat tal-evalwazzjoni tal-offerta ppreżentata minn European Dynamics Luxembourg.
68
Minn dan isegwi li t-tielet aggravju għandu jiġi miċħud.
Fuq ir-raba’ aggravju
L-argumenti tal-partijiet
69
Permezz tar-raba’ aggravju, l-EUIPO jallega li l-Qorti Ġenerali kkonċediet id-danni lil European Dynamics Luxembourg fuq bażi legali insuffiċjenti, jiġifieri t-telf ta’ opportunità li tikseb il-kuntratt inkwistjoni.
70
L-ewwel żball ta’ liġi kien jikkonsisti fil-konklużjoni li waslet għaliha l-Qorti Ġenerali fil-punt 265 tas-sentenza appellata, li l-illegalità tal-aġir attribwit lill-EUIPO kienet stabbilita. Fl-assenza ta’ tali illegalità, skont l-EUIPO, l-għoti ta’ kumpensi lil European Dynamics Luxembourg għandu, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jiġi annullat, sa fejn tibqa’ mhux sodisfatta waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi li jagħtu lok għal tali għotja, jiġifieri l-eżistenza ta’ aġir illegali.
71
It-tieni żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali huwa li ma wrietx li l-għoti ta’ kumpens abbażi tat-telf ta’ opportunità fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi huwa prinċipju tad-dritt tal-Unjoni jew prinċipju komuni għall-Istati Membri, u b’hekk ma osservatx ir-rekwiżiti naxxenti mill-Artikolu 340 TFUE. F’dan ir-rigward, l-EUIPO tirreleva li diversi Stati Membri ma jipprovdux għall-possibbiltà tal-għoti ta’ kumpens sempliċement abbażi tat-telf ta’ opportunità li jinkiseb il-kuntratt, b’mod partikolari r-Renju tad-Danimarka, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Rumanija, fejn il-kumpens għat-telf ta’ opportunità huwa limitat għall-ispejjeż sostnuti għall-preparazzjoni tal-offerta.
72
Sussidjarjament, l-EUIPO jsostni li, anki kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tannulla s-sentenza appellata biss parzjalment, hija għandha fi kwalunkwe każ tannulla l-għoti tal-kumpensi. Fil-fatt, kieku l-Qorti tal-Ġustizzja kellha tqis, bħalma għamlet il-Qorti Ġenerali, li kienu jeżistu raġunijiet suffiċjenti għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-offerta, dan ma jkunx suffiċjenti sabiex jiġi ġġustifikat l-għoti tal-kumpensi, sa fejn ma teżisti l-ebda rabta kawżali bejn l-aġir illegali u d-dannu invokat.
73
European Dynamics Luxembourg et isostnu li l-prinċipju ta’ kumpens għad-danni subiti għat-telf ta’ opportunità għandu l-bażi legali tiegħu fid-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva, naxxenti mill-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Filwaqt li jammettu li, f’għadd ta’ Stati Membri, id-duttrina marbuta ma’ telf ta’ opportunità hija suġġetta għal espressjonijiet differenti partikolari, b’mod partikolari meta t-telf ta’ opportunità jkun jirriżulta minn illegalitajiet li jċaħħdu lill-offerenti minn evalwazzjoni ġusta tal-offerta tiegħu, European Dynamics Luxembourg et iqisu li dawn id-differenzi jikkonċernaw biss il-kwantifikazzjoni tal-kumpens għad-danni ekonomiċi naxxenti mit-telf ta’ opportunità u mhux il-bażi legali ta’ dan l-istess prinċipju.
74
Barra minn hekk, European Dynamics Luxembourg et isostnu li, skont id-Direttiva 2007/66/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2007 li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/665/KEE u 92/13/KEE fir-rigward tat-titjib fl-effettività ta’ proċeduri ta’ reviżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratti pubbliċi (ĠU 2007, L 335, p. 31), l-għoti ta’ kumpens hija soluzzjoni adegwata sabiex jiġi kkumpensat dannu subit minħabba t-telf ta’ opportunità minn offerent eskluż. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ma kinitx obbligata turi l-eżistenza ta’ mekkaniżmu ta’ protezzjoni komuni għall-Istati Membri. Dan jgħodd iktar u iktar peress li l-Qorti Ġenerali diġà ammettiet li t-telf ta’ opportunità subit mill-offerent eskluż jikkostitwixxi dannu reali u ċert. F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-rabta kawżali bejn l-illegalità allegata u d-dannu subit minn European Dynamics Luxembourg lanqas ma tistax tiġi nnegata mill-fatt li l-awtorità kontraenti kellha setgħa diskrezzjonali wiesa’ għad-dispożizzjoni tagħha.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja
75
Fl-ewwel lok, jeħtieġ li jiġi eżaminat l-argument li l-EUIPO qajjem sussidjarjament fil-kuntest tar-raba’ aggravju tiegħu.
76
Permezz ta’ dan l-argument, l-EUIPO essenzjalment isostni fis-sentenza appellata la ġiet murija u lanqas immotivata l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-iżbalji manifesti ta’ evalwazzjoni kkonstatati mill-Qorti Ġenerali inkonnessjoni mal-ewwel kriterju ta’ għoti, jiġifieri l-kriterji kwalitattivi, u d-dannu subit minn European Dynamics Luxembourg naxxenti mit-telf ta’ opportunità li tingħata l-kuntratt inkwistjoni.
77
Fiċ-ċirkustanzi odjerni, dan l-argument għandu jitqies bħala fondat.
78
Fil-fatt, minn naħa, kif ġie kkonstatat fil-punt 34 ta’ din is-sentenza, il-punt 77 tas-sentenza appellata huwa vvizzjat minn żball ta’ liġi, b’tali mod li l-Qorti Ġenerali ma setgħetx tiddeċiedi validament, abbażi ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet, li d-deċiżjoni li tiċħad l-offerta kienet illegali.
79
Min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fil-punt 267 tas-sentenza appellata, li ma kienx possibbli li tiġi rrikonoxxuta l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn in-nuqqasijiet ta’ motivazzjoni li hija kienet ikkonstatat u d-danni invokati minn European Dynamics Luxembourg et.
80
Barra minn hekk, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà tal-Unjoni hija rikjesta l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-illegalità sostantiva li tivvizzja l-evalwazzjoni tal-offerta ta’ European Dynamics Luxembourg, ikkonstatata fil-kuntest tal-eżami tat-tieni motiv invokat quddiem il-Qorti Ġenerali, u l-allegat telf ta’ opportunità.
81
Issa, fis-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ma tistabbilixxix sal-grad rikjest mil-liġi l-eżistenza ta’ tali rabta kawżali. B’mod partikolari, il-Qorti Ġenerali ma kkonstatatx jekk u sa liema punt European Dynamics Luxembourg, fid-dawl tal-fatti odjerni u fl-assenza ta’ nuqqasijiet oħra mwettqa mill-EUIPO, setgħet tiġi kklassifikata f’post aħjar fil-proċedura ta’ kaskata.
82
Minn dan jirriżulta li peress li waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji għall-istabbiliment tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni ma ġietx issodisfatta, it-talba għad-danni invokata minn European Dynamics Luxembourg et ma kellhiex tintlaqa’ mill-Qorti Ġenerali.
83
Għaldaqstant ir-raba’ aggravju tal-EUIPO huwa fondat.
Fuq l-annullament parzjali tas-sentenza appellata
84
Minn dawn il-kunsiderazzjoniijet kollha jirriżulta li s-sentenza appellata hija vvizzjata minn żball ta’ liġi fil-punt 77 tagħha, sa fejn il-Qorti Ġenerali laqgħet it-tielet parti tat-tielet motiv tar-rikors ippreżentat fl-ewwel istanza, marbut man-nuqqas ta’ esklużjoni tal-konsorzju Drasis.
85
Kif jirriżulta mill-punt 260 tas-sentenza appellata, il-Qorti Ġenerali ġġustifikat l-annullament tad-deċiżjonijiet ikkontestati, li jinsabu fil-punt 1 tad-dispożittiv ta’ din is-sentenza, abbażi tal-irregolaritajiet kollha li jolqtu d-deċiżjoni li tiċħad l-offerta, biex b’hekk laqgħet l-ewwel, it-tieni u t-tielet motivi invokati quddiemha. Madankollu, anki jekk id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li tinsab fil-punt 77 tas-sentenza appellata ma tistax isservi bħala ġustifikazzjoni għall-annullament tad-deċiżjoni li tiċħad l-offerta, l-irregolaritajiet ikkonstatati mill-Qorti Ġenerali fil-punti 104, 109, 115, 122, 134, 138 u 139, 144, 148, 157 sa 159, 166, 186, 188, 193 u 194, 206 u 207 tas-sentenza appellata huma suffiċjenti sabiex jiġġustifikaw l-annullament ta’ din id-deċiżjoni mill-Qorti Ġenerali. Minn dan isegwi li ma hemmx lok li jiġi annullat il-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata.
86
Għall-kuntrarju, hemm lok li jiġi annullat il-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, li jikkundanna lill-EUIPO għar-riżarċiment tad-danni subiti minn European Dynamics Luxembourg abbażi tat-telf ta’ opportunità ta’ din tal-aħħar li tingħata l-kuntratt inkwistjoni, tal-inqas bħala t-tielet kontraenti fil-proċedura ta’ kaskata.
87
Fid-dawl ta’ dan l-annullament tal-punt 2 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata, għandhom jiġu annullati wkoll il-punti 3 u 4 tad-dispożittiv ta’ din tal-aħħar li jirrigwardaw id-determinazzjoni tal-ammont pagabbli tal-kumpens.
88
F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi annullat il-punt 5 tad-dispożittiv tas-sentenza appellata li jirrigwarda l-ispejjeż.
Fuq ir-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali
89
Skont it-tieni sentenza tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 61 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, din tal-aħħar tista’, fil-każ li tiġi annullata d-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali, tiddeċiedi definittivament il-kawża, meta din tkun tinsab fi stadju li tista’ tiġi deċiża.
90
Dan huwa l-każ fil-kawża odjerna. Għaldaqstant, jeħtieġ li tiġi eżaminata t-talba għad-danni mressqa minn European Dynamics Luxembourg et fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, maħsub għar-riżarċiment tad-danni subit minnhom minħabba telf ta’ opportunità ta’ European Dynamics Luxembourg li tingħata l-kuntratt qafas tal-inqas bħala t-tielet kontraenti skont il-mekkaniżmu ta’ kaskata.
91
Qabelxejn, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-EUIPO għandhom jiġu ssodisfatti l-kundizzjonijiet kumulattivi kollha, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir tiegħu, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Lulju 2014, Nikolaou vs Il-Qorti tal-Awdituri, C-220/13 P, EU:C:2014:2057, punt 52 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, sabiex tkun tista’ tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, id-danni għandhom ikun reali u ċerti u għandhom jirriżultaw b’mod suffiċjentement dirett mill-aġir illegali tal-istituzzjonijiet (sentenza tat-30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C-45/15 P, EU:C:2017:402, punt 61 u l-ġurisprudenza ċċitata).
92
Fi kwalunkwe każ, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, hija l-parti li tqajjem dubju dwar ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni li għandha tipproduċi provi konklużivi dwar l-eżistenza kif ukoll dwar il-portata tad-danni li hija tinvoka kif ukoll dwar l-eżistenza ta’ rabta suffiċjentement diretta ta’ kawża u effett bejn l-aġir tal-istituzzjoni inkwistjoni u d-danni allegati (sentenza tal-20 ta’ Diċembru 2017, EUIPO vs European Dynamics Luxembourg et, C‑677/15 P, EU:C:2017:998, punt 100 u l-ġurisprudenza ċċitata).
93
F’dan ir-rigward, jeħtieġ li jiġi kkonstatat li minn qari tar-rikors ippreżentat minn European Dynamics Luxembourg et quddiem il-Qorti Ġenerali, jirriżulta li dan tal-aħħar manifestament ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti minn din il-ġurisprudenza.
94
Hemm lok li jiġi rrilevat li, għalkemm huwa minnu li European Dynamics Luxembourg et allegaw li l-applikazzjoni korretta tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti kienet twassal għal klassifikazzjoni aħjar tal-offerta mressqa minn European Dynamics Luxembourg u li, b’hekk, din il-parti kienet tingħata wieħed mill-kuntratti qafas, madankollu huma ma stabbilixxewx jekk u sa liema punt, fid-dawl tal-fatti tal-każ u fl-assenza ta’ żbalji mwettqa mill-EUIPO, European Dynamics Luxembourg kienet tkun ikklassifikata f’pożizzjoni aħjar jew kienet tikseb il-kuntratt inkwistjoni.
95
Bl-istess mod, fir-rigward tar-rabta kawżali bejn l-iżbalji mwettqa mill-kumitat ta’ evalwazzjoni u d-danni allegatament subiti, European Dynamics Luxembourg et sempliċement allegaw l-eżistenza ta’ tali rabta, mingħajr ma speċifikaw fiex kienet tikkonsisti din ir-rabta.
96
Għaldaqstant, European Dynamics Luxembourg et la stabbilixxew ir-realtà tad-danni u lanqas ir-rabta kawżali bejn dawn tal-aħħar u l-aġir allegat tal-EUIPO.
97
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għad-danni ppreżentata minn European Dynamics Luxembourg et hija miċħuda.
Fuq l-ispejjeż
98
Skont l-Artikolu 184(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta l-appell ikun infondat jew meta l-appell ikun fondat u l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi l-kawża definittivament hija stess, hija għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.
99
Skont l-Artikolu 138(1) tal-istess regoli, applikabbli għall-proċedura ta’ appell skont l-Artikolu 184(1) tal-imsemmija regoli, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż jekk dawn ikunu ġew mitluba. Skont l-Artikolu 138(3) tal-istess regoli, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.
100
Peress li l-appell tal-EUIPO ntlaqa’ biss parzjalment, jeħtieġ li l-kemm l-EUIPO kif ukoll European Dynamics Luxembourg et ibatu l-ispejjeż tagħhom marbuta ma’ dan l-appell.
101
Fir-rigward tal-ispejjeż tal-ewwel istanza, peress li r-rikors ġie parzjalment milqugħ u parzjalment miċħud, jeħtieġ ukoll li European Dynamics Luxembourg et kif ukoll l-EUIPO jiġu kkundannati għall-ispejjeż rispettivi tagħhom.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Ir-Raba’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Il-punti 2 sa 5 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-27 ta’ April 2016, European Dynamics Luxembourg et vs EUIPO (T-556/11, EU:T:2016:248) huma annullati.
2)
Il-kumplament tal-appell huwa miċħud.
3)
It-talba għad-danni ppreżentata minn European Dynamics Luxembourg SA, European Dynamics Belgium SA u Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE fil-Kawża T-556/11 hija miċħuda.
4)
L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO) kif ukoll European Dynamics Luxembourg SA, European Dynamics Belgium SA u Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom marbuta kemm mal-proċedura tal-appell kif ukoll mal-proċedura tal-ewwel istanza.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy