14.3.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 98/23
Rikors ippreżentat fl-4 ta’ Jannar 2016 – Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-5/16)
(2016/C 098/30)
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, aġent)
Konvenuti: Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla d-Deċiżjoni (UE) 2015/1847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE (1);
—
tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-Repubblika tal-Polonja titlob l-anullament tad-Deċiżjoni (UE) 2015/1847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, dwar l-istabbiliment u l-funzjonament ta’ riżerva tal-istabbiltà tas-suq għall-iskema ta’ negozjar tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra tal-Unjoni u li temenda d-Direttiva 2003/87/KE u li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jiġu kkundannati għall-ispejjeż.
L-għan iddikjarat tad-deċiżjoni kkontestata huwa li jiġu indirizzati l-iżbilanċi strutturali bejn l-offerta u t-talba għal kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra fis-suq tal-Unjoni, li għandhom bħala konsegwenza li l-kwoti ta’ emissjonijiet ma jilħqux fis-suq il-prezz li jikkorrispondi mal-aspettattivi tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Prinċipalment, dan l-għan għandu jintlaħaq permezz tal-istabbiliment ta’ mekkanizmu tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq (RSS), li jikkonsisti fit-tnaqqis tan-numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet disponibbli fis-suq permezz tat-tqegħid tagħhom fir-riżerva, meta fis-suq ikun preżenti surplus kunsiderevoli ta’ kwoti ta’ emissjonijiet u meta jiġu ssodisfatti ċerti rekwiżiti partikolari, u fiż-żieda fil-volumi ta’ kwoti suġġetti għal irkant, jekk in-numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet disponibbli fis-suq ikun taħt 400 miljun.
Ir-Repubblika tal-Polonja tressaq il-motivi li ġejjin kontra d-deċiżjoni kkontestata:
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 192(1) TFUE flimkien mal-Artikolu 192(2)(c) TFUE minħabba li d-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, minkejja li din id-deċiżjoni tikkostitwxxi miżura li taffettwa b’mod sinjifikattiv l-għażla ta’ Stat Membru bejn fonti differenti ta’ enerġija u l-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija.
Skont ir-Repubblika tal-Polonja, id-deċiżjoni kkontestata għandha effett kunsiderevoli fuq l-għażla tas-sors ta’ enerġija u fuq l-istruttura ġenerali tal-provivsta tal-enerġija fil-Polonja. Skont l-Artikolu 192(2) TFUE din id-deċiżjoni kellha għalhekk tiġi adottata milll-Kunsill b’mod unanimu, skont il-proċedura leġiżlattiva speċjali.
It-tieni motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali u fuq ksur tal-kompetenza tal-Kunsill Ewropew skont l-Artikolu 15 TUE permezz tal-adozzjoni ta’ miżuri li jmorru kontra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23 u tal-24 ta’ Ottubru 2014.
Skont il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-sena 2014, għandu jkun hemm skema għall-iskambju ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet (EU ETS) funzjonanti sew u rriformata bi strument għall-istabbilizzazzjoni tas-suq skont il-proposta tal-Kummissjoni, li fiha hija indikata s-sena 2021 bħala data ta’ dħul fis-seħħ tal-mekkanizmu tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq, u dan iservi bħala strument importanti, sabiex jintlaħaq il-livell ippjanat ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet. Peress li fid-deċiżjoni kkontestata ġiet indikata s-sena 2019 bħala s-sena tadħul fis-seħħ tal-mekkanizmu tar-riżerva tal-istabbiltà tas-suq, dan imur kontra dak stabbilit mill-Kunsill Ewropew fis-sena 2014.
It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi billi ttieħdu miżuri li jikkostitwixxu interferenza fl-iskambu ta’ kwoti ta’ emissjonijiet matul il-perijodu ta’ skambju u b’mod partikolari fl-aħħar snin ta’ dan il-perijodu f’din l-iskema.
Id-deċiżjoni kkontestata tintegra direttament fir-riżerva tal-istabbiltà d-900 miljun kwoti li ttieħdu mis-suq matul is-snin 2014 sa 2016, li kellhom jiġu introdotti mill-ġdid fis-suq fis-snin 2019 sa 2020, li jfisser, b’mod definittiv, li dawn ma humiex ser jerġgħu lura fis-suq. Il-volum ta’ dawn il-kwoti għad-dispożizzjoni tal-operaturi tas-suq fil-perijodu attwali ta’ skambju huwa, għalhekk, inqas minn dak previst. L-operaturi tas-suq kellhom l-aspettattiva leġittima li l-kwoti temporanjament meħuda mis-suq kienu ser jerġgħu jitqiegħdu fis-suq fis-snin 2019 u 2020, u bbażaw il-pjan ta’ negozju tagħhom fuq dan. Il-prinċipji dwar il-funzjonament tal-iskema – bħar-regoli li jistabbilixxu n-numru ta’ kwoti ta’ emissjonijiet disponibbli – ma għandhomx jinbidlu matul il-perijodu ta’ skambju, li jistabbilixxi l-prospettiva temporali għall-ippjanar ta’ diversi attivitajiet min-naħa tal-impriżi li jipparteċipaw fl-iskema. Dawn il-prinċipji jirrappreżentaw ir-rekwiżiti fundamentali li jiddeterminaw l-attivitajiet ta’ investiment imwettqa mill-impriżi.
Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, permezz ta’ teħid ta’ miżuri li permezz tagħhom jintlaħqu għanijiet ta’ tnaqqis ta’ emissjonijiet ogħla minn dawk li jirriżultaw mill-obbligi internazzjonali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll minn dak li huwa meħtieġ sabiex jintlaħaq l-għan tad-Direttiva 2003/87/KE.
Permezz tal-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-Unjoni tixtieq tilħaq għanijiet ogħla minn dawk attwalment applikati fuq livell internazzjonali fil-kuntest tal-estensjoni tal-Protokoll ta’ Kyoto deċiża f’Doha f’Diċembru 2012.
Il-ħames motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu li jiġu eżaminati l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata fuq Stati Membri individwali u fuq ksur tal-obbligu li jiġi evalwat suffiċjentement kif l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni ser taffettwa s-suq tal-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet.
(1) ĠU L 264, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy