18.4.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 136/8
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Kehl (il-Ġermanja) fis-7 ta’ Jannar 2016 – proċeduri kriminali kontra A
(Kawża C-9/16)
(2016/C 136/13)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Amtsgericht Kehl
Parti fil-kawża prinċipali
A
Parti oħra: Staatsanwaltschaft Offenburg
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 67(2) TFUE u l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), (1) jew regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-awtoritajiet tal-pulizija tal-Istat Membru inkwistjoni s-setgħa li jiċċekjaw, f’żona ta’ mhux iktar minn 30 km mill-fruntiera tal-art ta’ dan l-Istat Membru mal-Istati li huma parti mill-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 (Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen), (2) l-identità ta’ kwalunkwe persuna, irrispettivament mill-aġir tagħha u miċ-ċirkustanzi speċifiċi, għall-prevenzjoni jew għall-waqfien ta’ dħul illegali fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru jew għall-prevenzjoni ta’ ċerti atti kriminali diretti kontra s-sigurtà jew il-protezzjoni tal-fruntiera jew imwettqa b’rabta mal-qsim tal-fruntiera, fl-assenza ta’ introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntiera interna rilevanti skont l-Artikoli 2 et seq tal-Kodiċi ta’ Schengen dwar il-fruntieri?
2)
L-Artikolu 67(2) TFUE u l-Artikoli 20 u 21 tar-Regolament Nru 562/2006 li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen), jew regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, għandhom jiġu interpretati fis-sens li jipprekludu leġiżlazzjoni nazzjonali li tagħti lill-awtoritajiet tal-pulizija tal-Istat Membru inkwistjoni s-setgħa li jwaqqfu fil-qasir lil kwalunkwe persuna fuq ferrovija jew fil-bini tal-istazzjonijiet tal-ferrovija ta’ dan l-Istat Membru, għall-prevenzjoni jew għall-waqfien ta’ dħul illegali fit-territorju ta’ dan l-Istat Membru, u jagħmlulha mistoqsijiet u jitolbu lil din il-persuna tipproduċi għall-iskopijiet ta’ ċċekkjar id-dokumenti ta’ identità jew id-dokumenti għall-qsim tal-fruntiera li qed iġġorr magħha u li jispezzjonaw l-oġġetti li hija qed iġġorr, jekk, abbażi ta’ fatti magħrufa jew abbażi tal-esperjenza tal-pulizija fil-fruntieri, jista’ jiġi preżunt li tali ferroviji jew bini tal-istazzjonijiet tal-ferrovija jintużaw għal dħul illegali u li tali dħul isir minn Stat li huwa parti mill-Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen tal-14 ta’ Ġunju 1985 (Konvenzjoni li timplementa l-Ftehim ta’ Schengen), fl-assenza ta’ introduzzjoni mill-ġdid temporanja ta’ kontrolli fuq il-fruntiera fil-fruntiera interna rilevanti skont l-Artikoli 23 et seq tal-Kodiċi ta’ Schengen dwar il-fruntieri?
(1) Regolament (KE) Nru 562/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-15 ta’ Marzu 2006, li jistabbilixxi Kodiċi Komunitarju dwar ir-regoli li jirregolaw il-moviment ta’ persuni minn naħa għal oħra tal-fruntiera (Kodiċi tal-Fruntieri ta’ Schengen) (ĠU 2006 L 105, p. 1).
(2) Konvenzjoni tad-19 ta’ Ġunju 1990 li timplimenta l-Ftehim ta’ Schengen, tal-14 ta’ Ġunju 1985, bejn il-Gvernijiet tal-Istati tal-Unjoni Ekonomika tal-Benelux, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja u r-Repubblika Franċiża dwar it-tneħħija bil-mod ta’ kontrolli fil-fruntieri komuni tagħhom (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 19, Vol. 2, p. 9).
Full & Egal Universal Law Academy