18.4.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 136/11
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-Raad van State (il-Pajjiżi l-Baxxi) fit-18 ta’ Jannar 2016 – Visser Vastgoed Beleggingen BV vs Raad van de gemeente Appingedam
(Kawża C-31/16)
(2016/C 136/16)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Qorti tar-rinviju
Raad van State
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Visser Vastgoed Beleggingen BV
Konvenut: Raad van de gemeente Appingedam
Domandi preliminari
1)
Il-kunċett ta’ “servizz” li jinsab fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva “servizzi” (1), għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kummerċ bl-ingrossa li jikkonsisti fil-bejgħ ta’ merkanzija lil konsumaturi, bħaż-żraben u l-ħwejjeġ, jikkostitwixxi servizz, suġġett għad-dispożizzjonijiet ta’ din id-direttiva skont l-Artikolu 2(1) tagħha?
2)
Sabiex tinżamm il-vijabbiltà taċ-ċentru tal-belt u sabiex jiġi evitat il-bini mhux okkupat f’żona urbana, ir-regola inkwistjoni hija intiża sabiex tipprekludi ċerti forom ta’ kummerċ bl-ingrossa, bħall-bejgħ ta’ żraben u ta’ ħwejjeġ, barra miċ-ċentru tal-belt. Fid-dawl tal-premessa 9 tad-Direttiva “servizzi”, leġiżlazzjoni li tinkludi tali regola tevita milli taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-direttiva, minħabba li tali regoli għandhom jiġu kkunsidrati bħala “regoli dwar […] ippjanar urban jew rurali […] li ma jirregolawx b’mod speċifiku jew ma jaffettwawx b’mod speċifiku l-attività ta’ servizz iżda għandhom ikunu rispettati minn fornituri waqt it-twettiq ta’ l-attività ekonomika tagħhom bl-istess mod bħal minn individwi li jaġixxu fil-kapaċità privata tagħhom”?
3)
Sabiex jiġi kkunsidrat li sitwazzjoni għandha natura transkonfinali, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li b’ebda mod ma jista’ jiġi eskluż li impriża ta’ bejgħ bl-ingrossa li tinsab fi Stat Membru ieħor tista’ tistabbilixxi ruħha fuq il-post jew li klijenti tal-impriża ta’ bejgħ bl-ingrossa jistgħu jiġu minn Stat Membru ieħor, jew hemm bżonn li jeżistu indikazzjonijiet konkreti f’dan is-sens?
4)
Il-Kapitolu III (libertà ta’ stabbiliment) tad-Direttiva “servizzi” japplika għal sitwazzjonijiet purament interni jew, sabiex jiġi evalwat jekk dan il-kapitolu japplikax, għandha tiġi applikata l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar id-dispożizzjonijiet tat-Trattat dwar il-libertà ta’ stabbiliment u dwar il-moviment liberu tas-servizzi f’sitwazzjonijiet purament interni?
5
a)
Regola li tinsab fi pjan urban, bħar-regola inkwistjoni, taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “rekwiżit” imsemmi fl-Artikolu 4(7) u fl-Artikolu 14 initio u (5) tad-Direttiva “servizzi” u mhux fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “skema ta’ awtorizzazzjoni” fis-sens tal-Artikoli 4(6), 9 u 10 tad-Direttiva “servizzi”?
b)
L-Artikolu 14 initio u (5) tad-Direttiva “servizzi” – fl-ipoteżi fejn regola bħar-regola inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “rekwiżit” – jew l-Artikoli 9 u 10 tad-Direttiva “servizzi” – fl-ipoteżi fejn regola bħar-regola inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-kunċett ta’ “skema ta’ awtorizzazzjoni” – jipprekludu li kunsill muniċipali jistabbilixxi leġiżlazzjoni bħar-regola inkwistjoni?
6)
Regola bħar-regola inkwistjoni taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 34 sa 36 TFUE inkużi jew tal-Artikoli 49 sa 55 TFUE inklużi u, fl-affermattiv, l-eċċezzjonijiet irrikonoxxuti mill-Qorti tal-Ġustizzja huma għalhekk applikabbli, sa fejn il-kundizzjonijiet tagħhom ikunu ssodisfatti?
(1) Direttiva 2006/123/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-12 ta’ Diċembru 2006, dwar is-servizzi fis-suq intern (ĠU L 376, p. 36).
Full & Egal Universal Law Academy