18.4.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 136/12
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Juzgado de Primera Instancia no 6 de Alicante (Spanja) fil-21 ta’ Jannar 2016 – Manuel González Poyato u Ana Belén Tovar García vs Banco Popular Español S.A.
(Kawża C-34/16)
(2016/C 136/17)
Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol
Qorti tar-rinviju
Juzgado de Primera Instancia no 6 de Alicante
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Manuel González Poyato u Ana Belén Tovar García
Konvenuta: Banco Popular Español S.A.
Domandi preliminari
1)
Fil-kuntest ta’ ftehim ta’ self konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur u konsumatur li jinkludi klawżola predefinita ma kinitx innegozjata individwalment dwar il-limitazzjoni tat-tnaqqis tar-rata ta’ interessi ordinarja miftiehma (klawżola ta’ rata minima), imdaħħla fl-imsemmi kuntratt b’mod mhux suffiċjentement ċar u li jinftiehem għall-konsumatur sal-punt li l-qorti tqisha inġusta, interpretazzjoni tal-espressjoni “ma jkunux jorbtu”, li tgħid li d-dikjarazzjoni tal-qorti tan-natura inġusta ta’ tali klawżola tista’ ma twassalx għar-restituzzjoni lill-konsumaturi tal-ammonti ħallsa fil-passat lill-bejjiegħ jew fornitur abbażi ta’ din il-klawżola, hija konformi mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE, tal-5 ta’ April 1993, dwar klawżoli inġusti f’kuntratti mal-konsumatur (1)?
2)
Jekk l-interpretazzjoni preċedenti titqies konformi mal-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13, interpretazzjoni bħal dik esposta preċedentement dwar l-effetti li għandhom jirriżultaw mid-dikjarazzjoni tan-natura inġusta ta’ klawżola bħal dik deskritta hija kompatibbli mal-kunċett ta’ “mezzi adegwati u effettivi biex jipprevjenu li jibqgħu jintużaw klawżoli inġusti” previst fl-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 93/13?
3)
Jekk l-interpretazzjonijiet preċedenti ma jitqisux konformi mal-Artikoli 6(1) u 7(1) tad-Direttiva 93/13, l-inklużjoni f’kuntratt konkluż bejn bejjiegħ jew fornitur ta’ klawżoli li jiddefinixxu l-għan prinċipali tal-kuntratt redatt b’mod mhux suffiċjentement ċar u li jinftiehem hija dejjem u fi kwalunkwe każ kuntrarja għall-“ħtieġa ta’ buona fede”, jew tali ksur tal-prinċipju ta’ bona fide għandu jiġi evalwat skont ċirkustanzi oħra? F’dan l-aħħar każ, liema ċirkustanzi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mill-qorti nazzjonali meta tikkonstata l-eżistenza ta’ klawżola li tiddefinixxi l-għan prinċipali tal-kuntratt li ġiet redatta b’mod mhux ċar ħafna u li ma jinftehimx wisq, sabiex tkun tista’ tikkonkludi li ma hemmx ksur tal-prinċipju ta’ bona fide? Waħda minn dawn iċ-ċirkustanzi tista’ b’mod partikolari tkun l-eżistenza ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali li għandha l-grad ta’ liġi jew ta’ regolament li tipprevedi, b’mod astratt, il-validità ta’ dan it-tip ta’ “klawżoli ta’ rata minima”?
4)
Fil-kuntest ta’ proċedura bħal dik f’dan il-każ, jiġifieri azzjoni individwali intiża sabiex “klawżola ta’ rata minima” meqjusa ftit trasparenti tiġi ddikjarata nulla, interpretazzjoni li tillimita r-restituzzjoni tal-ammonti mħallsa mill-konsumatur lill-bejjiegħ jew fornitur skont klawżola ta’ rata minima ddikjarata inġusta mill-qorti, interpretazzjoni bbażata fuq riskju ta’ disturbi serji għall-ordni pubbliku ekonomiku jekk is-sentenza mogħtija ma għandhiex l-awtorità ta’ res judicata għal konsumaturi oħra li jkunu fl-istess sitwazzjoni, hija koformi mal-espressjoni “ma jkunux jorbtu” prevista fl-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 93/13?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 2, p. 288.
Full & Egal Universal Law Academy