18.4.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 136/15
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság (l-Ungerija) fis-27 ta’ Jannar 2016 – Unibet International Limited vs Nemzeti Adó- és Vámhivatal Központi Hivatal
(Kawża C-49/16)
(2016/C 136/20)
Lingwa tal-kawża: l-Ungeriż
Qorti tar-rinviju
Fővárosi Közigazgatási és Munkaügyi Bíróság
Partijiet
Rikorrenti: Unibet International Limited
Konvenut: Nemzeti Adó- és Vámhivatal Központi Hivatal
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (iktar 'il quddiem it-“TFUE”) għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi miżura nazzjonali skont liema l-leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li fil-kuntest tal-ftuħ, eventwalment, ta’ sejħa għal offerti għall-attribuzzjoni ta’ konċessjoni jew fil-kuntest tal-aċċettazzjoni ta’ offerta ppreżentata għall-ksib ta’ din il-konċessjoni, tiżgura fit-teorija l-possibbiltà li kwalunkwe fornitur ta’ servizzi li jissodisfa r-rekwiżiti legali – inkluż fornitur ta’ servizzi stabbilit fi Stat Membru ieħor – jikseb il-konċessjoni sabiex jipprovdi servizzi ta’ logħob tal-ażżard online mhux liberalizzati, permezz ta’ sejħa għal offerti pubblika jew permezz ta’ preżentazzjoni ta’ offerta, meta fir-realtà l-Istat Membru ikkonċernat ma jiftaħ l-ebda sejħa għal offerti għall-għotja ta’ konċessjoni u l-fornitur ta’ servizzi, fil-prattika, ma għandux il-possibbiltà li jippreżenta offerta, u madankollu, l-awtoritajiet tal-Istat Membru jiddikjaraw li l-fornitur ta’ servizzi, peress li pprovda dan is-servizz mingħajr ma kellu l-liċenzja bbażata fuq il-konċessjoni, kiser il-liġi u jimponulu s-sanzjoni amministrattiva prevista fid-dispożizzjoni legali (għeluq temporanju tal-aċċess u impożizzjoni ta’ multa jekk huwa reċidiv)?
2)
L-Artikolu 56 TFUE jipprekludi lil Stat Membru milli jintroduċi regoli, ta’ livell superjuri fid-dawl tad-dritt nazzjonali tiegħu, li fit-teorija tagħti lill-fornituri ta’ servizzi ta’ logħob tal-ażżard online l-possibbiltà li jeżerċitaw l-attività tagħhom fuq livell transkonfinali, iżda li, minħabba fl-assenza tar-regoli ta’ implementazzjoni ta’ livell inferjuri, l-imsemmija fornituri ta’ servizzi huma fir-realtà mċaħħda mill-possibbiltà li jiksbu mill-awtorità l-liċenzji neċessarji għall-eżerċizzju ta’ din l-attività?
3)
Fil-każ li l-qorti li quddiemha tressqet il-kawża prinċipali tikkonstata, fid-dawl tar-risposti li jingħataw għad-domandi preċedenti, li l-miżura tal-Istat Membru tmur kontra l-Artikolu 56 TFUE, din il-qorti taġixxi b’mod konformi mad-dritt tal-Unjoni jekk tqis li l-ksur ikkonstatat fid-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet tal-Istat Membru minħabba fil-provvista ta’ servizzi mwettqa mingħajr liċenzja u s-sanzjoni amministrattivi applikata konsegwentement (għeluq temporanju tal-aċċess u multa) imorru kontra l-Artikolu 56 TFUE?
Full & Egal Universal Law Academy