30.5.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 191/5
Appell ippreżentat fl-1 ta’ Frar 2016 minn ClientEarth mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) fit-13 ta’ Novembru 2015 fil-Kawżi magħquda T-424/14 u T-425/15, ClientEarth vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-57/16 P)
(2016/C 191/08)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: ClientEarth (rappreżentanti: O. W. Brouwer, F. Heringa, J. Wolfhagen, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
i.
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-13 ta’ Novembru 2015, li permezz tagħha hija:
—
ċaħdet ir-rikorsi miġjuba mill-appellanti;
—
ikkundannat lill-appellanti tbati, minbarra l-ispejjeż tagħha stess, l-ispejjeż imġarrba mill-Kummissjoni Ewropea.
ii.
tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż, inklużi dawk ta’ intervenjenti eventwali.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti titlob bir-rispett li s-sentenza appellata tiġi annullata għall-motivi li ġejjin:
L-ewwel motiv : il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta aċċettat preżunzjoni ġenerali fil-qafas tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 4(3) tar-Regolament Nru 1049/2001 (1), fir-rigward tad-dokumenti mitluba.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn hija:
i.
għamlet applikazzjoni żbaljata tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja;
ii.
ma rrikonoxxietx li l-Artikolu 17(1) sa (3) TUE ma jikkostitwixxix bażi legali għal tali preżunzjoni ġenerali;
iii.
irrikonoxxiet l-eżistenza ta’ preżunzjoni ġenerali ta’ nuqqas ta’ żvelar tad-dokumenti mitluba mingħajr applikazzjoni tat-test ta’ preġudizzju attwali u speċifiku;
iv.
ma rrikonoxxietx il-fatt li d-dokumenti mitluba huma intrinsikament marbuta mad-deċiżjoni tat-tkomplija jew le ta’ inizjattivi politiċi ta’ natura leġiżlattiva; u
It-tieni motiv: il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ma rrikonoxxietx l-eżistenza ta’ interess pubbliku akbar.
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi sa fejn hija:
i.
ma eżaminatx l-interessi pubbliċi akbar speċifiċi invokati minn ClientEarth;
ii.
qieset li l-iżvelar sussegwenti tad-dokumenti mitluba jeskludi l-eżistenza ta’ kull interess pubbliku akbar għall-iżvelar tad-dokumenti mitluba;
iii.
qieset li l-iżvelar ta’ dokumenti oħrajn għajr id-dokumenti mitluba jeskludi l-eżistenza ta’ kull interess pubbliku akbar għall-iżvelar tad-dokumenti mitluba;
iv.
ma rrikonoxxietx in-natura tal-interess pubbliku rrappreżentat minn ClientEarth;
v.
naqset milli tinterpreta l-motivi ta’ rifjut b’mod strett, fid-dawl tal-interess pubbliku fl-iżvelar, bħalma tipprevedi t-tieni sentenza tal-Artikolu 6(1) tar-Regolament Nru 1367/2006 (2);
vi.
ma rrikonoxxietx l-interess pubbliku fit-titjib tal-aċċess għall-ġustizzja fil-qasam tal-ambjent.
(1) Regolament (KE) Nru 1049/2001, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-30 ta’ Mejju 2001, dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 3, p. 331).
(2) Regolament (KE) Nru 1367/2006, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-6 ta’ Settembru 2006, dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid ta’ Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali (ĠU L 264, p. 13).
Full & Egal Universal Law Academy