25.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 270/16
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (ir-Repubblika Slovakka) fil-11 ta’ Frar 2016 – INGSTEEL spol. s r. o., Metrostav a. s. vs Úrad pre verejné obstarávanie
(Kawża C-76/16)
(2016/C 270/26)
Lingwa tal-kawża: is-Slovakk
Qorti tar-rinviju
Najvyšší súd Slovenskej republiky
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: INGSTEEL spol. s r. o., Metrostav a. s.
Konvenut: Úrad pre verejné obstarávanie
Parti oħra fil-proċedura: Slovenský futbalový zväz
Domandi preliminari
1)
Awtorità nazzjonali taġixxi b’mod konformi mal-għan imfittex mill-Artikolu 47, b’mod partikolari l-paragrafi 1(a) u 4 tad-Direttiva 2004/18/KE (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-31 ta’ Marzu 2004, fuq kordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, għal provvisti u għal servizzi] jekk hija tikkonstata li offerent għal kuntratt li l-valur tiegħu huwa stmat għal EUR 3 miljun ma jissodisfax il-kriterju ta’ selezzjoni fuq il-kapaċità ekonomika u finanzjarja, minkejja li l-affidavit li huwa pprovda u d-dikjarazzjoni li ntbagħtet lilu mill-bank tiegħu jiċċertifikaw li huwa kapaċi li jieħu flus taħt self bankarju li ma huwiex affettwat sa limitu li jaqbeż il-valur tal-kuntratt?
2)
L-aġir, fis-suq tas-servizzi bankarji ta’ Stat Membru, ta’ bank li, f’impenn vinkolanti ta’ self, jissuġġetta d-disponibbiltà ta’ fondi mitluba għall-osservanza ta’ kundizzjonijiet ta’ għoti ta’ self li ma humiex iddeterminati b’mod iktar speċifiku fil-ftehim ta’ self fil-mument tal-proċedura tal-għoti tal-kuntratt jikkonstiwixxi raġuni ġġustifikata, skont l-Artikolu 47(5) tad-Direttiva 2004/18, li tostakola lill-offerent milli jipproduċi r-referenzi mitluba mill-awtorità kontraenti, għalkemm l-imsemmi offerent jista’ jistabbilixxi l-kapaċità ekonomika u finanzjarja tiegħu permezz ta’ affidavit li jiċċertifika li r-relazzjoni ta’ self bejnu u l-bank tiegħu hija suffiċjenti?
3)
Jista’ jitqies li l-qorti nazzjonali qiegħda tiffaċċja ostakolu li jostakolaha li tkun konformi mal-ewwel u t-tieni paragrafi tal-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, moqri flimkien mal-Artikoli 1(1) u 2(3) (6), (7) u (8) tad-Direttiva tal-Kunsill 89/665/KEE (2), tal-21 ta’ Diċembru 1989, dwar il-koordinazzjoni tal-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi rigward l-applikazzjoni tal-proċeduri ta’ reviżjoni għall-għoti ta’ kuntratti ta’ provvista pubblika u xogħlijiet pubbliċi, jekk tkun qed tintalab tiddeċiedi fuq rikors minn offerent eskluż permezz ta’ deċiżjoni tal-awtorità amministrattiva fil-qasam tal-kuntratti pubbliċi, filwaqt li l-eżekuzzjoni ta’ diversi kuntratti hija kważi lesta mill-offerent rebbieħ?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132.
(2) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 246.