18.4.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 136/18
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunal administratif de Montreuil (Franza) fit-12 ta’ Frar 2016 – ArcelorMittal Atlantique et Lorraine vs Ministre de l’Écologie, du Développement durable et de l'Énergie
(Kawża C-80/16)
(2016/C 136/24)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Qorti tar-rinviju
Tribunal administratif de Montreuil
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: ArcelorMittal Atlantique et Lorraine
Konvenut: Ministre de l’Écologie, du Développement durable et de l'Énergie
Domandi preliminari
1)
Fid-Deċiżjoni 2011/278/UE (1) tagħha, billi eskludiet mill-valur tal-parametru referenzjarju tal-metall sħun, l-emissjonijiet marbuta mal-gassijiet tal-iskart irriċiklati fil-produzzjoni tal-elettriku, il-Kummissjoni Ewropea kisret l-Artikolu 10a(1) tad-Direttiva 2003/87/KE (2) dwar ir-regoli li jistabbilixxu parametri referenzjarji ex-ante u b’mod partikolari l-għan ta’ rkupru effiċjenti ta’ enerġija mill-gassijiet tal-iskart u l-possibbiltà ta’ allokazzjoni ta’ kwoti mingħajr ħlas fil-każ tal-elettriku prodott mill-gassijiet tal-iskart?
2)
Billi f’din id-deċiżjoni bbażat ruħha fuq id-data li tirriżulta mill-“BREF” ħadid u azzar u mill-“LDSD 2007” għad-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju tal-metall sħun, il-Kummissjoni kisret l-obbligu tagħha li tuża l-iktar data xjentifika preċiża u aġġornata disponibbli u/jew il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba?
3)
Fid-Deċiżjoni 2011/278/UE, l-għażla tal-Kummissjoni Ewropea, jekk tiġi pprovata, li tinkludi fabbrika li tipproduċi kemm minerali sinterizzati kif ukoll pritkuni fl-installazzjonijiet ta’ riferiment għad-determinazzjoni tal-parametru referenzjarju tal-minerali sinterizzati, hija tali li tivvizzja b’illegalità l-valur ta’ dan il-parametru referenzjarju?
4)
Il-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni impost mill-Artikolu 296 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea billi ma ppreċiżatx speċifikament f’din id-deċiżjoni r-raġunijiet għal din l-għażla?
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni, tas-27 ta’ April 2011, li tiddetermina regoli tranżitorji madwar l-Unjoni kollha għal allokazzjoni armonizzata mingħajr ħlas tal-kwoti tal-emissjonijiet skont l-Artikolu 10a tad-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 130, p. 1).
(2) Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta’ kwoti ta’ emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 7, p. 631).
Full & Egal Universal Law Academy