12.9.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 335/28
Appell ippreżentat fit-12 ta’ Frar 2016 minn Kenzo Tsujimoto mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-2 ta’ Diċembru 2015 fil-Kawża T-522/13, Kenzo Tsujimoto vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-86/16 P)
(2016/C 335/37)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellant: Kenzo Tsujimoto (rappreżentati minn: A. Wenninger-Lenz, M. Ring, W. von der Osten-Sacken, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea (EUIPO), Kenzo
Talbiet
—
tannulla s-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) fit-2 ta’ Diċembru 2015 fil-Kawża T-522/13;
—
tiddeċiedi definittivament il-kawża;
—
tikkundanna lill-Uffiċċju u Kenzo S.A. għall-ispejjeż, inklużi dawk tal-proċeduri quddiem il-Bord tal-Appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
1.
Ksur tal-Aritkolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009
Iż-żewġ oppożizzjonijiet magħmula minn Kenzo S.A. huma bbażati fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 (1). Fiż-żewġ kawżi, il-Bord tal-Appell ħa inkunsiderazzjoni, insostenn tal-allegazzjonijiet dwar ir-reputazzjoni tat-trade mark, provi li l-parti li qed topponi kienet ipproduċiet quddiem id-Diviżjoni tal-Kanċellazzjoni sabiex jiġi stabbilit l-użu ġenwin tat-trade mark. Huwa paċifiku li d-dokumenti inkwistjoni ġew prodotti wara l-iskadenza tat-terminu mogħti, sabiex jintwerew l-eżistenza, il-validità u l-portata tal-protezzjoni tad-dritt preċedenti, skont ir-Regola 19(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni (2). Skont ir-Regola 19(1) u (2) u r-Regola 20(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, l-oppożizzjoni bbażata fuq l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009 hija miċħuda jekk il-parti li qed topponi ma tipproduċix il-prova tar-reputazzjoni tat-trade mark preċedenti qabel l-iskadenza tat-terminu mogħti mill-Uffiċċju. Madankollu, il-Qorti Ġenerali tikkonkludi li l-Bord tal-Appell kellu setgħa diskrezzjonali sabiex jiddeċiedi jekk kienx hemm lok li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-provi inkwistjonji insostenn tar-reputazzjoni tat-trade mark, li l-Bord tal-Appell kien ikkonstatat u eżerċita s-setgħa diskrezzjonali tiegħu u ġġustifika b’mod ġust id-deċiżjoni tiegħu li jieħu inkunsiderazzjoni dawn il-provi. L-appellant iqis li, bil-kontra, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta rrikonoxxiet is-setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell u applikat b’mod żbaljat ir-Regola 19(1) u (2) u r-Regola 20(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni.
L-appellant jaf li, skont il-partijiet l-oħra fil-proċedura, il-kwistjoni tat-teħid inkunsiderazzjoni, sabiex tiġi sostnuta r-reputazzjoni, ta’ dokumenti prodotti insostenn tal-użu ġenwin, ma huwiex irregolat mir-Regola 20(1) iżda mit-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, li tikkostitwixxi regola tal-proċedura partikolari quddiem il-Bord tal-Appell.
Anki jekk jiġi ammess li s-setgħa diskrezzjonali tal-Bord tal-Appell għandha tiġi interpretata skont it-tielet subparagrafu tar-Regola 50(1) tar-Regolament ta’ Implementazzjoni, il-Bord tal-Appell eżerċitaha b’mod mhux xieraq u l-Qorti Ġenerali applikat b’mod żbaljat l-Artikolu 76(2) billi ddeċidiet li l-kunsiderazzjonijiet tal-Bord tal-Appell dwar ir-rabta indissoċċjabbli bejn il-provi tal-użu u l-provi tar-reputazzjoni kienu jikkostitwixxu eżerċizzju xieraq tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu. Fil-fatt, il-Bord tal-Appell lanqas biss ma ddetermina l-portata tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, jiġifieri jekk din is-setgħa setgħetx, f’dan il-każ, tiġi eżerċitata b’mod strett. Kieku l-Bord tal-Appell għamel użu xieraq tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, huwa kien jirrikonoxxi li, skont is-sentenza tat-3 ta’ Ottubru 2013, Rintisch vs UASI (C-120/12 P, EU:C:2013:638), is-setgħa diskrezzjonali tiegħu kellha tiġi eżerċitata b’mod strett. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-uniku mod kif kien jeżerċita b’mod xieraq din is-setgħa diskrezzjonali kien ikun billi ma jiħux inkunsiderazzjoni d-dokumenti prodotti insostenn tar-reputazzjoni tat-trade mark. Il-Qorti Ġenerali ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-fatt li l-Bord tal-Appell la ddetermina l-portata tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu u lanqas ma eżerċita l-imsemmija setgħa f’dan il-limitu u, billi għamel dan, huwa kiser l-Artikolu 76(2) tar-Regolament Nru 207/2009.
2.
Ksur tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009
L-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali ma pparagunatx it-trade marks KENZO u KENZO ESTATE fit-totalità tagħhom u kisret, għaldaqstant, l-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009. Barra minn hekk, l-appellant isostni li l-Qorti Ġenerali laqgħat l-allegazzjonijiet dwar ir-reputazzjoni tat-trade mark fuq il-bażi ta’ dokumenti li, fil-kuntest ta’ applikazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni u ta’ eżerċizzju xieraq tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu, il-Bord tal-Appell ma kellux jieħu inkunsiderazzjoni. L-appellant isostni, barra minn hekk, li l-Qorti Ġenerali ma wettqitx l-evalwazzjoni globali li kienet mitluba sabiex jiġi konkluż li t-trade mark kontenzjuża setgħet tiġi assoċjata mat-trade mark preċedenti u tieħu vantaġġ inġust mir-reputazzjoni tagħha. Fl-aħħar nett, l-appellant isostni li l-Bord tal-Appell u l-Qorti Ġenerali kienu żbaljati meta kkonkludew li huwa ma kienx stabbilixxa l-eżistenza ta’ “użu mingħajr dritt” fis-sens tal-Artikolu 8(5) tar-Regolament Nru 207/2009.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 207/2009, tas-26 ta’ Frar 2009, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU 2009, L 78, p. 1).
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 2868/95, tat-13 ta’ Diċembru 1995, li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94 dwar it-trade mark tal-Komunità (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 189).