17.5.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 175/7
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa min-Najvyšší súd Slovenskej republiky (Ir-Repubblika Slovakka) fil-15 ta’ Frar 2016 – Radosław Szoja vs Sociálna poisťovna
(Kawża C-89/16)
(2016/C 175/06)
Lingwa tal-kawża: is-Slovakk
Qorti tar-rinviju
Najvyšší súd Slovenskej republiky
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: Radosław Szoja
Konvenuta: Sociálna poisťovna
Domandi preliminari
1)
L-Artikolu 13(3) tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 (1) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali, moqri flimkien mad-dritt għal benefiċċji ta’ sigurtà soċjali u għal vantaġġi soċjali stabbilit fl-Artikolu 34(1) u (2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jista’ jiġi interpretat, fiċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami, mingħajr ma jittieħdu inkunsiderazzjoni l-preċiżazzjonijiet li jinsabu fl-Artikolu 14 tar-Regolament (KE) Nru 987/2009 (2) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali, mingħajr il-possibbiltà li konsegwentement tiġi applikata l-proċedura prevista fl-Artikolu 16 tal-imsemmi regolament [ta’ implementazzjoni] b’mod li l-ħin tax-xogħol qasir u l-livell baxx ta’ remunerazzjoni tal-impjegat ma jkollhomx effett fuq l-għażla tad-dritt nazzjonali applikabbli fil-każ ta’ kumulu ta’ attività mħallsa ma’ attività mhux imħallsa, jiġifieri li l-Artikolu 14 tar-Regolament ta’ Implementazzjoni ma japplikax għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 13(3) tar-Regolament Bażiku?
2)
Jekk tingħata risposta fin-negattiv għad-domanda 1, fil-każ ta’ kunflitt ta’ applikazzjoni bejn żewġ regolamenti, regolament bażiku u regolament ta’ implementazzjoni, jiġifieri r-Regolament (KE) Nru 883/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tad-29 ta’ April 2004, dwar il-kordinazzjoni ta’ sistemi ta’ sigurtà soċjali u r-Regolament (KE) Nru 987/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Settembru 2009, li jistabbilixxi l-proċedura għall-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 883/2004 dwar il-koordinazzjoni tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali, il-qorti nazzjonali tista’ tevalwa d-dispożizzjonijiet tagħhom skont is-saħħa leġiżlattiva tagħhom, jiġifieri skont il-pożizzjoni tagħhom fil-ġerarkija tad-dritt tal-Unjoni?
3)
Jista’ jiġi kkunsidrat li l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament Bażiku mwettqa mill-kummissjoni amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 72 tar-Regolament Bażiku hija interpretazzjoni vinkolanti ta’ istituzzjoni tal-Unjoni Ewropea li minnha l-ġurisprudenza tal-qrati nazzjonali ma tistax tiddevja, li fl-istess ħin tipprekludi li titressaq talba għal deċiżjoni preliminari, jew din l-interpretazzjoni hija sempliċement waħda mill-interpretazzjonijiet ammissibbli tad-dritt tal-Unjoni, li l-qorti nazzjonali għandha tieħu inkunsiderazzjoni bħala wieħed mill-elementi tad-deċiżjoni tagħha?
(1) ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 5 p. 72.
(2) ĠU 2009, L 284, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy