18.4.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 136/20
Appell ippreżentat fid-19 ta’ Frar 2016 mir-Repubblika tal-Polonja mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-3 ta’ Diċembru 2015 fil-Kawża T-367/13 – Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-105/16 P)
(2016/C 136/26)
Lingwa tal-kawża: il-Pollakk
Partijiet
Appellanti: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, aġent)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta’ Diċembru 2015 fil-Kawża T-367/13, Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni Ewropea, sa fejn din is-sentenza tiċħad l-ewwel ilment marbut mar-rekwiżit li minn tal-inqas 50 % tal-għajnuna finanzjarja għandha tintuża għal miżuri ta’ ristrutturazzjoni, imressaq fil-kuntest tal-ewwel motiv intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/214/UE, tat-2 ta’ Mejju 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) [notifikata bid-dokument C(2013) 2436)] (1);
—
tannulla d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/214/UE, tat- 2 ta’ Mejju 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) [notifikata bid-dokument C(2013) 2436)] sa fejn f’din id-deċiżjoni twettqet korrezzjoni estrapolata ta’ 11 %, fl-ammonti ta’ EUR 4 583 950,92 u EUR 39 583 726,30, fir-rigward tan-nefqa innotifikata mir-Repubblika tal-Polonja għall-għajnuna għal azjendi agrikoli ta’ semi sussistenza.
—
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Aggravji u argumenti prinċipali
Ir-Repubblika tal-Polonja titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat-3 ta’ Diċembru 2015 fil-Kawża T-367/13, Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Kummissjoni Ewropea, sa fejn din is-sentenza tiċħad l-ewwel ilment marbut mar-rekwiżit li minn tal-inqas 50 % tal-għajnuna finanzjarja għandha tintuża għal miżuri ta’ ristrutturazzjoni, imressaq fil-kuntest tal-ewwel motiv intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2013/214/UE, tat-2 ta’ Mejju 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) [notifikata bid-dokument C(2013) 2436)] (ĠU L 123, 4.5.2013, p. 11) sa fejn f’din id-deċiżjoni twettqet korrezzjoni estrapolata ta’ 11 %, fl-ammonti ta’ EUR 4 583 950,92 u EUR 39 583 726,30, fir-rigward tan-nefqa nnotifikata mir-Repubblika tal-Polonja għall-għajnuna għal azjendi agrikoli ta’ semi sussistenza, u tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż taż-żewġ istanzi.
Fis-sentenza appellata l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors ippreżentat mir-Repubblika tal-Polonja għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tipprovdi li għandhom jiġu applikati korrezzjonijiet finanzjarji ta’ EUR 8 292 783,94 u EUR 71 610 559,39 fir-rigward tan-nefqa nnotifikata mir-Repubblika tal-Polonja fir-rigward tal-għajnuna għal azjendi agrikoli ta’ semi sussistenza.
Il-Kummissjoni allegat li r-Repubblika tal-Polonja kienet wettqet ħames istanzi ta’ ksur fir-rigward tar-rilaxx tal-fondi għall-għajnuna għal azjendi agrikoli ta’ semi sussistenza, inkluż in-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit previst fl-Artikolu 33b tar-Regolament Nru 1257/1999 (2) li l-operatur tal-azjenda agrikola għandu juża minn tal-inqas 50 % tal-għajnuna għal finijiet ta’ miżuri ta’ ristrutturazzjoni. Dan in-nuqqas kien il-bażi li fuqha l-Kummissjoni wettqet korrezzjoni estrapolata, fl-ammont ta’ 11 %, tan-nefqa nnotifikata għall-għajnuna għal azjendi agrikoli ta’ semi sussistenza, li tikkorrispondi għall-perċentwali tal-applikazzjonijiet li fihom, minn kampjun ta’ 100 applikazzjoni vverifikati mill-Kummissjoni, irriżulta li ma kienx ġie osservat ir-rekwiżit li nofs l-għajnuna finanzjarja tintuża għar-ristrutturazzjoni.
F’dan il-kuntest, ir-Repubblika tal-Polonja tressaq l-aggravju li kien hemm interpretazzjoni żbaljata tal-Artikolu 33b tar-Regolament Nru 1257/1999 fis-sens li tqies li l-għoti ta’ għajnuna lil azjendi agrikoli ta’ semi sussistenza jeħtieġ li minn tal-inqas 50 % tal-għajnuna tintuża għal miżuri ta’ ristrutturazzjoni, u dan minkejja li tali rekwiżit ma huwa bbażat fuq ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni.
Fil-fehma tar-Repubblika tal-Polonja, l-interpretazzjoni żbaljata tal-imsemmija dispożizzjoni wasslet lill-Qorti Ġenerali tassumi li l-Kummissjoni kienet aġixxiet b’mod korrett fid-deċiżjoni kontenzjuża meta bbażat ruħha fuq il-preżunzjoni li r-Repubblika tal-Polonja kien imissha approvat biss l-applikazzjonijiet oriġinali għal għajnuna finanzjarja li fihom l-operaturi tal-azjendi agrikoli li xtaqu jibbenefikaw mill-għajnuna kienu impjenaw ruħhom b’mod partikolari li jużaw minn tal-inqas 50 % tal-għajnuna għal miżuri ta’ ristrutturazzjoni.
Skont l-appellanti, l-ilment fis-sens li n-nuqqas ta’ osservanza tar-rekwiżit li bih l-operatur ta’ azjenda agrikola għandu juża minn tal-inqas 50 % tal-għajnuna għal miżuri ta’ ristrutturazzjoni jikkostitwixxi l-bażi għall-korrezzjoni estrapolata, fl-ammont ta’ 11 %, tan-nefqa nnotifikata għall-għajnuna għal azjendi agrikoli ta’ semi sussistenza.
Fil-fehma tar-Repubblika tal-Polonja, ir-rekwiżit li l-operatur tal-azjenda agrikola għandu juża minn tal-inqas 50 % tal-għajnuna għal miżuri ta’ ristrutturazzjoni ma jirriżultax mid-dritt tal-Unjoni. Hija ssostni li ebda dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li fiha huma stabbiliti b’mod iddettaljat il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna għal azjendi agrikoli ta’ semi sussistenza ma tistabbilixxi l-kundizzjoni li minn tal-inqas 50 % tal-għajnuna għandha tintuża għal miżuri ta’ ristrutturazzjoni. Hija ssostni li l-Artikolu 33b tar-Regolament Nru 1257/1999 ma jistabbilixxix tali kundizzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx tali rekwiżit fir-Regolament Nru 141/2004 (3) li jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni ta’ miżuri speċifiċi għall-iżvilupp rurali previsti fil-Kapitolu IXa tar-Regolament Nru 1257/1999.
Għaldaqstant, qiegħed jingħad li l-awtoritajiet Pollakki ma kisrux l-obbligi ta’ kontroll tagħhom fir-rigward tal-imsemmija kundizzjonijiet għall-għoti ta’ għajnuna fil-kuntest tal-miżura “Għajnuna għal Azjendi Agrikoli ta’ Semi Sussistenza”. Għalhekk, ma hemm ebda ġustifikazzjoni sabiex titwettaq korrezzjoni finanzjarja fir-rigward ta’ tali ksur. Dan ifisser li l-Qorti Ġenerali wettqet żball meta ċaħdet ir-rikors għall-annullament tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/214/UE sa fejn f’din id-deċiżjoni twettqet korrezzjoni estrapolata fl-ammont ta’ 11 % tan-nefqa nnotifikata mir-Repubblika tal-Polonja għall-għajnuna għal azjendi agrikoli ta’ semi sussistenza.
(1) ĠU L 123, p. 11.
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999, tas-17 ta’ Mejju 1999, dwar is-sostenn għal żvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u Garanzija (FAEGG) u jemenda u jħassar ċerti Regolamenti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 391).
(3) Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 141/2004, tat-28 ta’ Jannar 2004, li jistipula r-regoli għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1257/1999 rigward il-miżuri ta’ żvilupp rurali transitorji applikabbli għar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, l-Islovenja u l-Islovakkja (ĠU Edizzjoni Speċjali, Kapitolu 3, Vol. 42, p. 243).
Full & Egal Universal Law Academy