10.5.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 165/10
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunale di Pordenone (l-Italja) fit-22 ta’ Frar 2016 – proċeduri kriminali kontra Giorgio Fidenato
(Kawża C-107/16)
(2016/C 165/11)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Qorti tar-rinviju
Tribunale di Pordenone
Proċeduri kriminali kontra
Giorgio Fidenato
Domandi preliminari
1)
Skont l-Artikolu 54 tar-Regolament Nru 178/02 (1), il-Kummissjoni hija marbuta, fuq talba tal-Istat Membru, li tadotta miżuri ta’ emerġenza anki meta ma jkunx hemm riskju serju u manifest għas-saħħa tal-bniedem, tal-annimali jew tal-ambjent?
2)
Fl-ipoteżi ta’ komunikazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni dwar l-ineżistenza tal-kundizzjonijiet għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ emerġenza, l-Istat Membru jista’ jipproċedi skont l-Artikolu 53 tar-regolament imsemmi?
3)
L-Istat Membru jista’ jadotta miżuri ta’ emerġenza skont l-Artikolu 34 tar-Regolament (KE) Nru 1829/03 (2) minkejja n-nuqqas tal-kundizzjonijiet ta’ riskju serju u manifest, abbażi tal-prinċipju ta’ prekawzjoni, u jżomm tali miżuri anki wara l-komunikazzjoni tal-evalwazzjoni min-naħa tal-Kummissjoni, wara li tkun eżaminat l-opinjoni tal-EFSA, dwar l-ineżistenza tal-kundizzjonijiet għall-adozzjoni tal-miżuri ta’ emerġenza?
(1) Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002, tat-28 ta’ Jannar 2002, li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta’ sigurtà tal-ikel (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 15, Vol. 6, p. 463).
(2) Regolament (KE) Nru 1829/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Settembru 2003, dwar ikel u għalf modifikat ġenetikament (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 32, p. 432).
Full & Egal Universal Law Academy