25.4.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 145/25
Appell ippreżentat fis-26 ta’ Frar 2016 minn SNCF Mobilités (SNCF) mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Seba’ Awla) fis-17 ta’ Diċembru 2016 fil-Kawża T-242/12, SNCF vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-127/16 P)
(2016/C 145/32)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Appellanti: SNCF Mobilités (SNCF) (rappreżentanti: P. Beurier, O. Billard, G. Fabre, V. Landes, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, ir-Repubblika Franċiża, Mory SA, fi stralċ, Mory Team, fi stralċ.
Talbiet
—
tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat;
—
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali mogħtija fis-17 ta’ Diċembru 2015 fil-Kawża T-242/12, Société nationale des chemins de fer français (SNCF) vs Il-Kummissjoni;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-apellanti tinvoka diversi aggravji insostenn tal-appell tagħha.
L-ewwel nett, meta żnaturat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) tad-deċiżjoni Sernam 2 dwar il-bejgħ ta’ attiv f’daqqa ta’ Sernam, il-Qorti Ġenerali wettqet diversi żbalji ta’ liġi u naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.
It-tieni nett, meta qieset li r-rekwiżiti ta’ ftuħ u ta’ trasparenza applikabbli għas-sejħa għal offerti previsti fl-Artikolu 3(2) tad-Deċiżjoni Sernam 2 neċessarjament jippreżumu li l-kandidat magħżul kien ipparteċipa bħala tali, u b’mod awtonomu, fil-proċedura mill-bidu, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi.
It-tielet nett, meta qieset li l-offerta tat-tim ta’ tmexxija ta’ Sernam kien ferm iktar sfavorevoli għall-bejjiegħ mill-offerti preliminari ta’ kandidati oħra, il-Qorti Ġenerali żnaturat il-fatti u wettqet żball ta’ liġi.
Ir-raba’ nett, meta qieset li l-Kummissjoni ma kienet għamlet ebda konfużjoni bejn l-oġġett u l-prezz tal-bejgħ ta’ attiv f’daqqa ta’ Sernam, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u ddeċidiet b’motivi kontradittorji.
Il-ħames nett, meta qieset li l-inklużjoni fil-passiv tal-istralċ ġudizzjarju tal-kumpanija Sernam SA tal-kreditu korrispondenti għall-ammont ta’ għajnuna ta’ EUR 41 miljun ma kinitx konformi mal-Artikolu 4 tad-deċiżjoni Sernam 2, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi u żnaturat id-dispożittiv tad-deċiżjoni Sernam 2.
Is-sitt nett, meta qieset li l-prinċipju tal-investitur privat f’ekonomija tas-suq ma kienx applikabbli għall-bejgħ ta’ attiv f’daqqa ta’ Sernam, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi, kisret l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni u żnaturat id-dipożittiv tad-deċiżjoni Sernam 2.
Full & Egal Universal Law Academy