4.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 243/15
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Bundesgerichtshof (il-Ġermanja) fl-14 ta’ Marzu 2016 – Verband Sozialer Wettbewerb e.V. vs DHL Paket GmbH
(Kawża C-146/16)
(2016/C 243/16)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Bundesgerichtshof
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Verband Sozialer Wettbewerb e.V.
Konvenuta: DHL Paket GmbH
Domandi preliminari
1)
L-informazzjoni dwar l-indirizz ġeografiku u l-identità tal-kummerċjant, fis-sens tal-Artikolu 7(4)(b) tad-Direttiva 2005/29/KE (1) għandha tkun diġà inkluża fir-reklamar għal prodotti speċifiċi li jsir f’pubblikazzjoni stampata, anki jekk il-konsumaturi jixtru l-prodotti rreklamati biss permezz tas-sit internet, indikat fir-reklamar, tal-impriża li tagħmel il-promozzjoni tal-prodotti u l-konsumaturi jistgħu faċilment jiksbu l-informazzjoni rikjesta fl-Artikolu 7(4) tad-Direttiva minn dan is-sit internet jew permezz tiegħu?
2)
Ir-risposta għall-ewwel domanda tiddependi mill-kwistjoni ta’ jekk l-impriża tagħmilx ir-reklamar f’pubblikazzjoni stampata għall-bejgħ tal-prodotti tagħha stess u tirreferi direttament għas-sit tagħha stess għall-informazzjoni rikjesta mill-Artikolu 7(4) tad-Direttiva 2005/29/KE, jew jekk ir-reklamar jirreferix għal prodotti mibjugħa minn impriżi oħra fuq sit internet tal-impriża li tagħmel il-promozzjoni tal-prodotti u l-konsumaturi jiksbu l-informazzjoni rikjesta mill-Artikolu 7(4) tad-Direttiva biss permezz ta’ azzjoni jew diversi azzjonijiet addizzjonali (klikks) permezz ta’ links li jirreferu għas-siti internet ta’ dawn l-impriżi l-oħra, links li jidhru biss fis-sit imsemmi fir-reklamar, jiġifieri dak tal-amministratur tal-bejgħ interface?
(1) Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Mejju 2005, dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ĠU L 149, p. 22.