6.6.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 200/11
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski Rayonen Sad (il-Bulgarija) fl-24 ta’ Marzu 2016 – Proċeduri kriminali kontra Trayan Beshkov
(Kawża C-171/16)
(2016/C 200/17)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Sofiyski Rayonen Sad
Parti fil-kawża prinċipali
Trayan Beshkov
Domandi preliminari
1)
Kif għandha tiġi interpretata l-espressjoni “proċedimenti kriminali ġodda” użata fid-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2008/675/GAI, tal-24 ta’ Lulju 2008, dwar it-teħid inkonsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda, u din l-espressjoni għandha tkun neċessarjament marbuta ma’ konstatazzjoni ta’ ħtija fir-rigward ta’ reat imwettaq jew tista’ tkun marbuta ma’ proċeduri li fihom, taħt id-dritt nazzjonali tat-tieni Stat Membru, il-piena imposta f’kundanna preċedenti għandha tassorbi sanzjoni oħra jew għandha tkun inkluża fiha jew għandha tiġi infurzata b’mod separat?
2)
L-Artikolu 3(1), moqri flimkien mal-premessa 13, tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2008/675/GAI, tal-24 ta’ Lulju 2008, dwar it-teħid inkonsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda, għandu jiġi interpretat fis-sens li jippermetti dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprevedu li proċeduri li fihom għandha tittieħed inkunsiderazzjoni kundanna preċedenti mogħtija fi Stat Membru ieħor ma jistgħux jitressqu mill-persuna kkundannata iżda jistgħu jitressqu biss mill-Istat Membru li fih ingħatat il-kundanna preċedenti jew mill-Istat Membru li fih ikunu qegħdin jiżvolġu l-proċeduri kriminali ġodda?
3)
L-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni Kwadru [Qafas] tal-Kunsill 2008/675/GAI, tal-24 ta’ Lulju 2008, dwar it-teħid inkonsiderazzjoni ta’ kundanni fl-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea waqt proċedimenti kriminali ġodda, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-Istat Membru li fih ikunu qegħdin jiżvolġu l-proċeduri kriminali ġodda ma jistax jibdel il-metodu ta’ eżekuzzjoni tal-piena imposta mill-Istat Membru fejn ingħatat l-ewwel kundanna, inkluż fil-każ li, taħt id-dritt nazzjonali tat-tieni Stat Membru, il-piena imposta mill-kundanna preċedenti għandha tassorbi sanzjoni oħra jew għandha tkun inkluża fiha jew għandha tiġi infurzata b’mod separat?
Full & Egal Universal Law Academy