16.8.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 296/18
Appell ippreżentat fid-29 ta’ Marzu 2016 minn Meica Ammerländische Fleischwarenfabrik Fritz Meinen GmbH & Co. KG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fl-4 ta’ Frar 2016 fil-Kawża T-247/14, Meica Ammerländische Fleischwarenfabrik Fritz Meinen GmbH & Co. KG vs L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-182/16 P)
(2016/C 296/23)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: Meica Ammerländische Fleischwarenfabrik Fritz Meinen GmbH & Co. KG (rappreżentant: S. Labesius, avukat)
Partijiet oħra fil-proċedura: L-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea, Salumificio Fratelli Beretta SpA
Talbiet
—
tannulla parzjalment is-sentenza appellata u tannulla d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-Uffiċċju tal-Proprjetà Intellettwali tal-Unjoni Ewropea sa fejn tirrigwarda l-parti tar-rikors quddiem il-Qorti Ġenerali li ġiet miċħuda, u sussidjarjament, tibgħat il-kawża lura lill-Qorti Ġenerali, u
—
tordna lill-konvenut u lill-intervenjenti jbatu l-ispejjeż tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali u lill-konvenut ibati l-ispejjeż quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appell huwa bbażat fuq ksur tad-dritt tal-Unjoni mill-Qorti Ġenerali sa fejn il-Qorti Ġenerali fis-sentenza tagħha tal-4 ta’ Frar 2016 kisret l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 207/2009 (1) dwar it-trade mark Komunitarja u l-Artikolu 296(2) TFUE.
Fil-qosor, il-Qorti Ġenerali wettqet żball fl-evalwazzjoni tagħha tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fir-rigward tal-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti “MINI WINI” u tax-xebh tas-sinjali u tal-prodotti fir-rigward tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark tal-Unjoni Ewropea “Stick MiniMINI […]”, anki fir-rigward tal-pożizzjoni distintiva awtonoma tal-element “MiniMINI” fil-kuntest tal-applikazzjoni. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali ma qisitx li anki elementi dgħajfa inerenti ta’ trade mark jikkontribwixxu għal probabbiltà ta’ konfużjoni, kif ukoll iċ-ċirkustanzi speċifiċi tad-distribuzzjoni tal-prodotti li jinfluwenzaw il-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti u t-tendenza tiegħu li jqassar it-trade mark b’element dgħajjef iżda viżwalment dominanti.
Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li anki jekk element verbali jitqies li għandu karattru purament deskrittiv, tali karattru ma jipprekludix dan l-element milli jiġi rrikonoxxut bħala dominanti għall-finijiet tal-evalwazzjoni tax-xebh tas-sinjali. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali kienet ibbażata fuq żnaturament tal-fatti fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-elementi dominanti li jirrigwardaw id-daqs u l-pożizzjoni fis-sinjal li huwa s-suġġett tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata. Il-Qorti Ġenerali wettqet ukoll żball ta’ liġi meta sostniet li x-xebh viżiv għandu jiġi evalwat skont il-grad tal-karattru distintiv tal-elementi viżwali tat-trade mark li hija s-suġġett tal-applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta-trade mark tal-Unjoni Ewropea kkontestata. Fl-aħħar nett, is-sentenza appellata ma kinitx debitament immotivata sa fejn il-Qorti Ġenerali ma mmotivatx l-evalwazzjoni tagħha dwar il-livell ta’ attenzjoni tal-pubbliku rilevanti fir-rigward tal-prodotti speċifiċi inkwistjoni.
(1) ĠU L 78, p. 1
Full & Egal Universal Law Academy