18.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 260/17
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Amtsgericht Kehl (il-Ġermanja) fis-7 ta’ April 2016 – I
(Kawża C-195/16)
(2016/C 260/22)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Qorti tar-rinviju
Amtsgericht Kehl
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrent: I
Domandi preliminari
1.
Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, kif jirriżulta partikolarment mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/126/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-20 ta’ Diċembru 2006, dwar il-Liċenzji tas-Sewqan (iktar ’il quddiem, id-“Direttiva 2006/126/KE” (1)) jew mill-Artikoli 18, 21, 45, 49 u 56 TFUE”, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tirrikonoxxix dritt ta’ sewqan (Fahrerlaubnis) miksub fi Stat Membru ieħor, partikolarment meta dan ikun inkiseb skont id-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva?
2.
Id-dritt tal-Unjoni Ewropea, kif jirriżulta mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/126/KE jew mill-Artikoli 18, 21, 45, 49 u 56 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li ma tirrikonoxxix ċertifikat maħruġ minn Stat Membru ieħor lid-detentur ta’ dritt ta’ sewqan miksub f’dan l-Istat Membru l-ieħor konformement mad-dispożizzjonijiet tal-imsemmija direttiva, anki jekk dan tal-aħħar jillimita ratione temporis il-validità ta’ dan iċ-ċertifikat, li huwa validu biss fit-territorju tiegħu, u, barra minn hekk, ma jissodisfax il-kundizzjonijiet tal-mudell tal-liċenza tas-sewqan previst mid-Direttiva 2006/126/KE?
3.
Fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda: id-dritt tal-Unjoni Ewropea, kif jirriżulta partikolarment mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/126/KE jew mill-Artikoli 18, 21, 45, 49 u 56 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru li tqis bħala reat kriminali s-sewqan ta’ vettura mingħajr dritt ta’ sewqan, anki jekk is-sewwieq tal-vettura ikun kiseb dritt ta’ sewqan fi Stat Membru ieħor konformement mad-Direttiva 2006/126/KE, iżda ma jkunx jista’ jressaq prova ta’ dan permezz tal-produzzjoni ta’ dokument konformi mal-mudell tal-liċenzja tas-sewqan previst mid-Direttiva 2006/126/KE?
4.
Fil-każ ta’ risposta negattiva għat-tieni domanda: id-dritt tal-Unjoni Ewropea, kif jirriżulta partikolarment mill-Artikolu 2 tad-Direttiva 2006/126/KE jew mill-Artikoli 18, 21, 45, 49 u 56 TFUE, għandu jiġi interpretat fis-sens li dan jipprekludi leġiżlazzjoni ta’ Stat Membru, fejn l-applikanti għal-liċenzja tas-sewqan jingħataw, bħala regola ġenerali, il-liċenzja tas-sewqan definittiva immedjatament wara li jkunu għaddew mit-testijiet prattiċi tas-sewqan, li tqis bħala reat minuri l-ksur amministrattiv ikkawżat mis-sewqan ta’ vettura f’ċirkustanzi fejn is-sewwieq, li jkun kiseb id-dritt ta’ sewqan fi Stat Membru ieħor konformement mad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2006/126/KE, isuq vettura mingħajr ma jkollu liċenzja tas-sewqan definittiva għall-finijiet ta’ prova tad-dritt ta’ sewqan tiegħu, peress li tali liċenzja tkun għadha ma nħarġitx minħabba l-partikolarità tal-proċedura ta’ ħruġ tal-liċenzja tas-sewqan definittiva f’dan l-Istat Membru l-ieħor li fuqhom is-sewwieq ma jkollu ebda kontroll, iżda minflok ikollu ċertifikat amministrattiv li jattesta l-fatt li huwa jissodisfa l-kundizzjonijiet meħtieġa għad-dritt ta’ sewqan?
(1) OJ 2006 L 403, p. 18.