27.6.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 232/6
Appell ippreżentat fil-11 ta’ April 2016 minn SolarWorld AG mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (Il-Ħames Awla) fl-1 ta’ Frar 2016 fil-Kawża T-142/14, SolarWorld AG et vs Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
(Kawża C-205/16 P)
(2016/C 232/07)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Appellanti: SolarWorld AG (rappreżentant: L. Ruessmann, avukat, J. Beck, solicitor)
Partijiet oħra fil-proċedura: Brandoni solare SpA, Solaria Energia y Medio Ambiente, SA, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, Il-Kummissjoni Ewropea, Il-Kamra tal-Kummerċ Ċiniż għall-Importazzjoni u l-Esportazzjoni ta’ Makkinarju u Prodotti Elettroniċi (CCCME)
Talbiet
—
tiddikjara l-appell ammissibbli u fondat;
—
tannulla d-digriet tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża T-142/14;
—
tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża u tannulla l-Artikolu 2 tar-Regolament 1239/2013, jew tirreferi l-kawża lura lill-Qorti Ġenerali sabiex hija tieħu deċiżjoni fuq il-mertu tat-talba għall-annullament; u
—
tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż sostnuti mill-Appellanti.
Aggravji u argumenti prinċipali
Il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li l-Artikolu 2 tar-Regolament 1239/2013 (1) ma jistax jinqata’ mill-bqija tiegħu. Bidla fil-forma tal-miżuri ma tbiddilx il-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament li jimponihom. Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ miżuri kompensatorji huwa l-importazzjonijiet kollha minn produtturi li kienu involuti fi prattiki ta’ sussidjar dannuż, u l-għan tagħhom, indipendentement mill-forma, għandu jkun xieraq biex ineħħi d-dannu mġarrab mill-produtturi tal-UE. Dan il-kamp ta’ applikazzjoni ma jitbiddilx bl-annullament tal-Artikolu 2.
Id-Digriet Ikkontestat jikser id-dritt tal-Appellant skont l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea għaliex jiċħad lill-industrja tal-UE rimedju legali f’każijiet relatati mad-difiża tal-kummerċ kontra miżuri definittivi li ma jirrispettawx ir-rekwiżiti tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, id-Digriet Ikkontestat jikser id-dritt tal-Appellant skont l-Artikolu 20 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea billi jqiegħed lill-produtturi esportaturi f’posizzjoni aħjar mill-industrja tal-UE, peress li l-ġurisprudenza tirrikonoxxi d-dritt ta’ appell tagħhom.
(1) Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (KE) Nru 1283/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u li jiġbor definittivament id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ moduli fotovoltajċi tas-siliċju kristallin u komponenti ewlenin (jiġifieri ċelloli) li joriġinaw fi jew li huma kkonsinjati mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina.
(ĠU L 325, p 1)