20.6.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 222/7
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Efeteio Athinon (il-Greċja) fit-18 ta’ April 2016 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Dimos Zagori
(Kawża C-217/16)
(2016/C 222/09)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Qorti tar-rinviju
Efeteio Athinon
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea
Konvenut: Dimos Zangrou
Domandi preliminari
1)
X’inhi n-natura tal-atti tal-Kummissjoni Ewropea fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha stabbiliti fir-Regolamenti 2052/88 (1), 4253/1988 (2) u 4256/1988 (3) u, b’mod iktar speċifiku, tali atti tal-Kummissjoni huma atti tad-dritt pubbliku u jagħtu lok, fi kwalunkwe każ, għal tilwimiet amministrattivi fuq il-mertu, b’mod partikolari jekk l-oġġett tas-sekwestru mill-Kummissjoni Ewropea ta’ assi miżmuma minn terzi huwa kreditu privat, filwaqt li t-talba inizjali li għas-sodisfazzjon tagħha ssir il-proċedura ta’ eżekuzzjoni forzata toriġina minn relazzjoni ġuridika ta’ dritt pubbliku, li tirriżulta mill-atti msemmija iktar 'il fuq tal-Kummissjoni Ewropea, jew huma atti ta’ dritt privat li joħolqu tilwimiet ta’ natura privata?
2)
Fid-dawl tal-Artikolu 299 TFUE, li skontu l-eżekuzzjoni forzata ta’ atti tal-Kummissjoni Ewropea li jimponu obbligi pekunjarji fuq persuni li ma humiex l-Istati Membri hija rregolata mir-regoli tal-proċedura ċivili fis-seħħ fl-Istat li fil-territorju tiegħu tkun qed titwettaq l-eżekuzzjoni forzata u fid-dawl tad-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu, li skontu l-istħarriġ tar-regolarità tal-miżuri eżekuttivi għandu jaqa’ fil-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali, kif inhi ddeterminata l-ġurisdizzjoni tal-qrati nazzjonali f’tilwimiet li joriġinaw minn tali eżekuzzjoni, meta skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali dawn it-tilwimiet jikkostitwixxu kwistjonijiet amministrattivi fuq il-mertu, jiġifieri fejn ir-relazzjoni msemmija hija ta’ dritt pubbliku?
3)
Fil-każ ta’ eżekuzzjoni forzata ta’ atti tal-Kummissjoni Ewropea adottati b’eżekuzzjoni tar-Regolamenti 2052/88, 4253/1988 u 4256/1988 u li jimponu obbligi pekunjarji fuq persuni li ma humiex l-Istati Membri, il-leġittimazzjoni passiva tad-debitur hija ddeterminata abbażi tad-dritt nazzjonali jew tad-dritt tal-Unjoni?
4)
Meta l-persuna obbligata li twettaq obbligu pekunjarju li jirriżulta mill-att tal-Kummissjoni Ewropea adottat għall-implementazzjoni tar-Regolamenti 2052/88, 4253/1988 u 4258/1988 tkun impriża komunali li sussegwentement tiġi xolta, il-komun li din il-kumpannija tappartjeni għalih huwa responsabbli għat-twettiq finanzjarju tal-obbligu pekunjarju inkwistjoni fil-konfront tal-Kummissjoni Ewropea skont ir-regolamenti ċċitati iktar 'il fuq?
(1) ĠU L 185 tal-15 ta’ Lulju 1988, p. 9
(2) ĠU L 374 tal-31 ta’ Diċembru 1988, p. 1.
(3) ĠU L 374 tal-31 ta’ Diċembru 1988, p. 25.