20.6.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 222/8
Appell ippreżentat fid-19 ta’ April 2016 minn GFKL Financial Services GmbH, li qabel kienet GFKL Financial Services AG mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Id-Disa’ Awla) fl-4 ta’ Frar 2016 fil-Kawża T-620/11 – GFKL Financial Services AG vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-219/16 P)
(2016/C 222/10)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Appellanti: GFKL Financial Services GmbH, li qabel kienet GFKL Financial Services AG (rappreżentanti: M. Schweda, J. Eggers, M. Knebelsberger, F. Loose, avukati)
Partijiet oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja
Talbiet
1.
tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Id-Disa’ Awla) tal-4 ta’ Frar 2016 fil-Kawża T-620/11, sa fejn is-sentenza tiċħad ir-rikors bħala infondat, u
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta’ Jannar 2011 dwar l-għajnuna mill-Istat (ex CP 250/09 u NN 5/10) implimentata mill-Ġermanja — Skema għar-riport ta’ telf ta’ taxxa fil-każ tar-ristrutturar ta’ kumpanniji f’diffikultà (“Sanierungsklausel”) (1), C(2011) 275;
2.
sussidjarjament, tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (Id-Disa’ Awla) tal-4 ta’ Frar 2016 fil-Kawża T-620/11, sa fejn is-sentenza tiċħad ir-rikors bħala infondat, u tibgħat lura l-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali;
3.
tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
Bl-appell tagħha, l-appellanti tikkontesta l-klassifikazzjoni tal-klawżola ta’ ristrutturar tal-Artikolu 8c(1a) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji bħala għajnuna selettiva.
Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka żewġ aggravji:
L-ewwel aggravju: ksur tal-Artikolu 107(1) TFUE
Il-klawżola ta’ ristrutturar ma hijiex miżura selettiva u ma tikkostitwixxix għalhekk għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.
—
Il-Qorti Ġenerali żbaljat meta kkunsidrat li d-dispożizzjoni derogatorja tal-Artikolu 8c(1) tal-liġi dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, li tipprovdi li, f’ċerti każijiet ta’ akkwisti ta’ ishma, telf li huwa trasferibbli jintilef, tagħmel parti mill-qafas ta’ riferiment. Din id-dispożizzjoni, fil-fatt, tiddevja mill-qafas ta’ riferiment. Il-qafas ta’ riferiment jikkonsisti fil-possibbiltà ġenerali li telf jiġi ttrasferit għal perijodi ta’ tassazzjoni sussegwenti.
—
Il-klawżola ta’ ristrutturar hija, barra minn hekk, ta’ natura ġenerali sa fejn hija ma tattribwixxi ebda vantaġġ selettiv. Jeżistu differenzi sinjifikattivi bejn l-impriżi f’diffikultà suġġetti għall-klawżola ta’ ristrutturar u l-oħrajn kollha, b’mod partikolari l-impriżi ekonomikament sodi, b’mod li dawn iż-żewġ gruppi ta’ impriżi ma jinsabux f’sitwazzjoni paragunabbli. Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tal-ugwaljanza, tibbaża ruħha fuq xenarju purament teoretiku; fil-prattika, wieħed ma jiltaqax ġuridikament mal-grupp magħżul bħala riferiment mill-Qorti Ġenerali.
—
Barra minn hekk, il-klawżola ta’ ristrutturar ma tiffavorixxix “ċerti impriżi jew ċerti prodotti”. Il-klawżola ta’ ristrutturar hija potenzjalment miftuħa għall-impriżi kollha u ma teskludi mill-bidu nett ebda grupp ta’ impriżi. Hija ma hijiex marbuta ma’ “natura speċifika” ta’ impriża iżda ma’ tranżazzjoni ekonomika, jiġifieri l-akkwist għal ristrutturar.
—
Il-klawżola ta’ ristrutturar tista’ wkoll tiġi ġġustifikata min-natura u mill-għanijiet ġenerali tas-sistema fiskali Ġermaniża. Hija tgħin sabiex jiġu implementati prinċipji fundamentali tad-dritt Ġermaniż dwar it-taxxa fuq il-kumpanniji, bħall-prinċipju ta’ trasferiment ta’ telf, il-prinċipju ta’ tassazzjoni skont il-kapaċità kontributtiva kif ukoll l-għan fiskali ġenerali li tiġi żgurata s-sostennibbiltà tad-dħul pubbliku.
It-tieni aggravju: ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi
Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tikser il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi stabbilit fid-dritt tal-Unjoni. L-allegata kwalità ta’ għajnuna tal-klawżola ta’ ristrutturar ma hijiex fil-fatt osservabbli bħala tali lanqas minn professjonist b’diliġenza għolja. Regoli simili fil-Ġermanja jew fi Stati Membri oħra tal-UE ma ġew qatt imqiegħda f’dubju mill-Kummissjoni minħabba ksur tad-dritt tal-għajnuna.
(1) ĠU L 235, p. 26.