4.7.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 243/22
Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Varhoven administrativen sad (il-Bulgarija) fl-20 ta’ April 2016 – Asotsiatsiya na balgarskite predpriyatiya za mezhdunarodni prevozi i patishtata (AEBTRI) vs Nachalnik na Mitnitsa Burgas bħala s-suċċessur ta’ Mitnitsa Svilengrad
(Kawża C-224/16)
(2016/C 243/23)
Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Varhoven administrativen sad
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Asotsiatsiya na balgarskite predpriyatiya za mezhdunarodni prevozi i patishtata (AEBTRI)
Konvenut: Nachalnik na Mitinitsa Burgas bħala s-suċċessur ta’ Mitnitsa Svilengrad
Domandi preliminari
1)
Sabiex jiġu evitati deċiżjonijiet ġudizzjarji kunfliġġenti, il-Qorti tal-Ġustizzja għandha ġurisdizzjoni sabiex tagħti interpretazzjoni vinkolanti għall-qrati tal-Istati Membri tal-Konvenzjoni TIR, konkluża mill-Komunità Ewropea permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78 (1), tal-25 ta’ Lulju 1978, “dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti taħt il-carnets TIR (Konvenzjoni TIR) tal-14 ta’ Novembru 1975 f’Ġinevra” (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 208; din il-konvenzjoni daħlet fis-seħħ fil-Komunità Ewropea fl-20 ta’ Ġunju 1983), fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikoli 8 u 11 tal-Konvenzjoni TIR bil-għan li jiġi evalwat jekk l-assoċjazzjoni garanti tkunx responsabbli wkoll taħt l-Artikolu 457(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni (2) tal-Kodiċi Doganali Komunitarju?
2)
L-interpretazzjoni tal-Artikolu 457(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni, flimkien mal-Artikolu 8(7) [li sar l-Artikolu 11(2)] tal-Konvenzjoni TIR, flimkien man-noti ta’ spjega tagħhom, tippermetti li jitqies li, f’każ bħal dak ineżami, meta d-dejn imsemmi fl-Artikolu 8(1) u (2) tal-Konvenzjoni [TIR] isir dovut, il-ħlas ta’ dan id-dejn għandu jintalab, sa fejn ikun possibbli, mid-detentur tal-carnet TIR, qabel ma titressaq talba quddiem l-assoċjazzjoni garanti?
3)
Meta destinatarju jikseb jew ikollu fil-pussess tiegħu merkanzija li jkun jaf li tkun ġiet ittrasportata taħt carnet TIR u meta ma jkunx ġie stabbilit li din il-merkanzija kienet ġiet ippreżentata u ddikjarata fl-uffiċċju doganali (ta’ destinazzjoni), għandu jitqies, fid-dawl biss ta’ dawn il-fatti, fis-sens tat-tielet inċiż tal-Artikolu 203(3), flimkien mal-Artikolu 213 tal-Kodiċi Doganali Komunitarju, li dan id-destinatarju huwa persuna li kienet taf jew li raġonevolment kien imissha kienet taf li l-merkanzija kienet inħarġet mis-sorveljanza doganali u li din il-persuna għandha tinżamm responsabbli in solidum?
4)
Fil-każ ta’ risposta fl-affermattiv għall-ewwel domanda, l-ommissjoni mill-amministrazzjoni doganali li titlob lil dan l-istess destinatarju jħallas id-dejn doganali tipprekludi l-involviment tar-responsabbiltà – irregolata b’mod partikolari permezz tal-Artikolu 457(2) tar-Regolament ta’ implementazzjoni – tal-assoċjazzjoni garanti msemmija fl-Artikolu 1(q) tal-Konvenzjoni TIR?
(1) Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78, tal-25 ta’ Lulju 1978, dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Doganali fuq it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti taħt il-carnets TIR (Konvenzjoni TIR) tal-14 ta’ Novembru 1975 f’Ġinevra (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 1, p. 208).
(2) Regolament tal-Kummissjoni (KEE) Nru 2454/93, tat-2 ta’ Lulju 1993, li jiffissa d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2913/92 li jistabbilixxi il-Kodiċi Doganali Komunitarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 6, p. 3).