13.6.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 211/39
Appell ippreżentat fit-22 ta’ April 2016 mid-Dimosia Epicheirisi Ilektrismou AE (DEI) mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali (Ir-Raba’ Awla) tad-9 ta’ Frar 2016 fil-Kawża T-639/16, Dimosia Epicheirisi Ilektrismou A.E. (DEI) vs Il-Kummissjoni Ewropea
(Kawża C-228/16 P)
(2016/C 211/50)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Appellanti: Dimosia Epicheirisi Ilektrismou A.E. (DEI) (rappreżentanti: Efthymios Bourtzalas, Anargiros Oikonomou, Efstathia Salaka, Charalampos Synodinos, Charisios Tagaras, Denis Waelbroeck, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet tal-appellanti
—
l-annullament tad-digriet appellat,
—
l-ordni mill-Qorti tal-Ġustizzja tar-rinviju tal-kawża quddiem il-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi fir-rigward tat-talbiet tal-appellanti diretti lejn l-annullament tal-att ikkontestat tat-12 ta’ Ġunju 2014,
—
il-kundanna tal-konvenuta għall-ispejjeż kolllha, kemm tal-kawża fl-ewwel istanza, kif ukoll tal-preżenti appell.
Aggravji u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti ssostni li d-digriet appellat huwa vvizjat minn żbalji ta’ liġi rilevanti u għandu jiġi annullat għar-raġunijiet segwenti:
1)
żball manifest ta’ liġi u nuqqas ta’ motivazzjoni fir-rigward tal-evalwazzjoni li l-Kawża T-639/14 saret mingħajr suġġett, sal-punt li din l-evalwazzjoni hija bbażata fuq l-allegata “sostituzzjoni” tal-att ikkontestat bl-att tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Marzu 2015;
2)
ksur tal-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba, ċertezza legali u protezzjoni ġudizzjarja effettiva meta sostniet li l-att tal-25 ta’ Marzu 2015 issostitwixxa l-att ikkontestat;
3)
żball manifest ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ legalità tal-atti tal-korpi tal-Unjoni Ewropea;
4)
interpretazzjoni żbaljata tal-fatti u ksur tad-dritt għal smigħ xieraq fir-rigward tad-deċiżjoni li l-motivazzjoni tal-att ikkontestat “ma jagħmel ebda riferiment għan-natura statali tal-għajnuna eventwali fil-forma ta’ għotja arbitrali” u l-valutazzjoni manifestament żbaljata meta kkonkludiet li l-iżbalji ta’ liġi tal-att ikkontestat invokati mid-DEI “neċessarjament se jkunu suġġetti għal evalwazzjoni fil-[…] Kawża T-352/15”.
5)
żnaturament tal-motivazzjoni tad-DEI fir-rigward tal-kriterji skont liema kellu jiġi deċiż l-annullament tal-proċeduri f’din il-kawża fir-rigward tal-ilment tal-2012 u żball manifest ta’ liġi f’dak li jirrigwarda l-evalwazzjoni li l-ilment tal-2012 ġie miċħud “impliċitament” bl-att tal-Kummissjoni tal-25 ta’ Marzu 2015 u
6)
żball ta’ liġi u evalwazzjoni manifestament żbaljata meta ddeċidiet li kull parti għandha tħallas l-ispejjeż tagħha.