27.6.2016
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea
C 232/7
Appell ippreżentat fl-20 ta’ April 2016 minn Simet SpA mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) fit-3 ta’ Marzu 2016 fil-Kawża T-15/14, Simet vs Il-Kummissjoni
(Kawża C-232/16 P)
(2016/C 232/09)
Lingwa tal-kawża: it-Taljan
Partijiet
Appellanti: Simet SpA (rappreżentanti: A. Clarizia, C. Varrone, P. Clarizia, avukati)
Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea
Talbiet
—
tannulla s-sentenza appellata (Kawża T-15/14), li permezz tagħha l-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2014/201/UE, tat-2 ta’ Ottubru 2013, marbuta mal-kumpens ta’ Simet SpA għall-provvista ta’ servizzi ta’ trasport pubbliku mill-1987 sal-2003 [għajnuna mill-Istat SA.33037 (2012/C) Italja] u tannulla d-deċiżjoni suesposta;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Aggravji u argumenti prinċipali
L-appellanti ssostni li s-sentenza tikser:
—
l-Artikolu 107 TFUE, safejn din iddeċidiet li l-pagamenti kumpensatorji favur Simet, li ġew attribwiti minn sentenza tal-Consiglio di Stato Taljan u nnotifikati mill-awtoritajiet nazzjonali, kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, filwaqt li l-kwistjoni deċiża mill-qorti nazzjonali kienet dwar ir-riżarċiment tad-danni subiti mir-rikorrenti minħabba l-illegalitajiet li kienu vvizzjaw l-atti tal-Ministeru tal-Infrastruttura u tat-Trasport fir-rigward tal-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ servizz pubbliku ta’ trasport inter-reġjonali bit-triq ipprovdut fil-perijodu ta’ bejn l-1987 u l-2003;
—
ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69 (1), safejn il-Qorti Ġenerali naqset milli tikkonstata li l-liġi Taljana ma kinitx konformi mal-imsemmi regolament għal żewġ raġunijiet differenti: 1) peress li din kienet timponi fuq l-indvidwu l-obbligu li jeżerċita l-attività ekonomika tiegħu fil-forma biss ta’ servizz pubbliku, filwaqt li skont ir-Regolament Nru 1191/69 tali modalità ta’ eżerċizzju tal-attività ta’ impriża kienet ipprojbita, peress li s-servizz pubbliku jinvolvi l-issuġġettar tal-konċessjonarju għall-osservanza tal-obbligi ta’ servizz pubbliku; 2) peress li din ma kinitx tipprovdi għall-għoti ta’ kumpens għall-obbligi ta’ servizz issodisfatti mill-impriża; wara l-emendi introdotti bir-Regolament (KEE) Nru 1893/91 (2), Simet ma setgħetx iktar tiġi sottoposta għall-obbligu ta’ servizz pubbliku, mill-mument li din ġiet meqjusa bħala impriża ta’ trasport inter-reġjonali tal-persuni bit-triq;
—
ir-Regolament (KEE) Nru 1191/69, safejn il-Qorti Ġenerali ddeċidiet b’mod żbaljat li kienet legali d-deċiżjoni tal-Kummissjoni, li skontha l-pagamenti favur Simet kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat, peress li, billi din il-kumpannija ma kinitx wettqet is-separazzjoni kontabbli tal-ispejjeż sostnuti għall-attività inkwistjoni, kien hemm ir-riskju ta’ kumpens żejjed. Għall-kuntrarju ta’ dak li tikkonferma l-Qorti Ġenerali, l-Artikoli 5 et seq. tar-regolament kienu jipprevedu metodu differenti għad-determinazzjoni tal-miżura ta’ kumpens, ibbażata fuq ir-“riperkussjonijiet” li l-impożizzjoni ta’ dawn l-obbligi ta’ servizz pubbliku seta’ kellha fuq it-telf ta’ kompetittività tal-impriża fl-intier tagħha;
—
il-prinċipji li jirregolaw it-tqassim tad-danni subiti mill-individwi minħabba ksur tad-dritt tal-Unjoni, prinċipji li jistabbilixxu li jekk awtorità ta’ Stat Membru tadotta, fil-kuntest tal-kompetnezi tagħha, miżura amministrattiva li tikser id-dritt tal-Unjoni, dan jiġġenera fil-konfront tagħha l-obbligu li tipprovdi kumpens għad-danni favur id-destinatarju tal-miżura, fid-dawl tal-illegalità tagħha.
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1191/69, tas-26 ta’ Ġunju 1969, dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (GU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 19).
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1893/91, tal-20 ta’ Ġunju 1991, li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1191/69 dwar azzjoni mill-Istati Membri dwar l-obbligi inerenti fil-kunċett ta’ servizz pubbliku fit-trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 7, Vol. 1, p. 314).